Illum previous editions

ILLUM 24 July 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/706986

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 24 ta' Lulju 2016 | illum Opinjoni 19 Ġenna tal-art M eta kont ħafna iżgħar, kont nisma' xi kanzunetta bħal ta' Celentano 'Il Ragazzo della Via Gluch' titkellem fuq il-ġungla tal-konkos li diġà kienet bdiet tibla' l-Italja u t-tħassir tal-ambjent. Naħseb li għax kont għadni baħnan, kont ngħid bejni u bejn ruħi: "Kieku aħna nissaportu ftit, minn hawn u ftit ieħor ikollna xi ħaġa li ħaddieħor kellu u tilifha, u issa kulħadd jibda jiġi biex igawdi tagħna!" Min jara l-programm tiegħi Madwarna jaf, li jien lil din il-gżira, imqar stuprata kif inhi u mqaħħba għall-flus, insejħilha ġenna tal-art, u ngħiduha bir-raġun. Għad baqalna rqajja' li minkejja t-tentazzjoni u t-tpesis ħelu tal-miljuni, għadhom verġni. Jew kważi, ħa. Għax biċ- ċokon tagħna, kull bidla ċkejkna kemm hi ċkejkna mill-ewwel tinħass, miljun darb'aktar minn pajjiżi oħra li għandhom kilometri sħaħ ta' x'jaħlu...u sadattant, huma wkoll saru għajnejhom beraħ biex ma jkomplux jgħaffġu bl-addoċċ bħal qabel. Nisimgħu ħafna l-kelma 'sostenibbli', buzz word li jkolli ngħid tintuża aktar biex nuru li aħna moderni għax nafuha, u forsi nitfgħu ftit bżar f 'għajnejn dawk il-ksur id-devozzjoni li jwerwirhom il-progress, u li jaqilgħu storja għal kull ħaġa ta' xejn, u li kien għalihom għadna ngħixu fl-għerien! Dawk l-istess nies li wara li nkunu għaxxaqnieha, dejjem nispiċċaw ngħidu li kellhom raġun, u malajr malajr ngħamlu policies biex inbenġlu l-ħsara u nakkwistaw xi vot, għax dawn it-trogloditi qed jiżdiedu mhux ħażin! Kelma li għandha ħabta tinqaras, tiġġebbed u tinbaram u ssib toqob minn imnejn tiżgiċċa aktar mill-ġrieden, u arana noħolqu kull skuża biex inrażżnuha f 'isem il-ġid komuni jew il-'progress' li jgħammex bis-sejħa ħelwa tas-sireni ta' Ulisse. Dan l-aħħar rajt stampa ta' Malta mill-ajru u jidher ċar li tlett kwarti minnha diġà mirdum taħt il- 'progress' u tkexkixt! Imm'issa dan mhux biżżejjed lanqas, għax anka għas-sema se nduru bħal Babiloniżi! Torrijiet li se jibdlu għalkollox il- pajsaġġ Malti li tant nitqażżu bih fil- brochours turistiċi. Dik il-ġenna tal- art li tħajjar miljuni ta' barranin jiġu jqattgħu l-btajjel tagħhom magħna u jżoqqulna l-ekonomija. Imma ngħid jien, nafu xi rridu? Għax jekk qed neqirdu dak li għandna x'inbigħu, allura għalfejn aktar lukandi għal nies li qed ifittxu xi ġenna tal-art imqar għal ħmistax? U dawn id- djar kollha mgħobbija fuq xulxin jogħlew lejn is-sema għal min huma maħsuba? Ikolli ngħid għall- barranin mimlija flus li jitħajru jiġu jgħixu f 'din il-ġenna tal-art li qed neqirdu? Dan l-iżvilupp nafu li jġib miegħu ħtiġijiet u problemi ġodda, li meta nħares lejn dak li għadna nħabbtu wiċċna miegħu s'issa, qajla nista' noqgħod b'moħħi mistrieħ. Barra skart, ilma u enerġija, 4,000 karozza ġdida fit-toroq bil-proġett taż- Żonqor Point, u skont Michael Briguglio, traffiku ġdid ta' 6,000 karozza kuljum bit-torri propost f 'tas-Sliema...barra li se jħassar żgur l-iskyline tal-Belt Valletta mill- Cottonera, ħaġa li kulħadd donnu jinsieha! Iwa ħoj, jiena ukoll naħseb li qabel ma nibdew telgħin 'il fuq, għandna naħsbuha sew u kif, ma jmurx nieħdu xi sabta bħal Icarus li ra kbir u ma semgħax minn missieru li kien għaref aktar minnu. Dawn il-ftit kilometri ta' art huma dak kollu li għandna u li jagħmluna min aħna. Issa l-għażla tagħna jekk din il-gżira tibqax il-ġenna tal-art li tant niftaħru biha, jew il-ġenna tal-boloh li sab ruħu fiha s-sultan Midas u spiċċa biex tilef mhux biss il-qaleb, imma saħansitra l-ġbejna li nbidlet f 'deheb li baqagħlu fuq l-istonku! Salvu Mallia huwa preżentatur televiżiv SALVU MALLIA "Hi l-għażla tagħna jekk din il-gżira tibqax il- ġenna tal-art li tant niftaħru biha, jew il-ġenna tal-boloh li sab ruħu fiha s-sultan Midas u spiċċa biex tilef mhux biss il-qaleb, imma saħansitra l-ġbejna li nbidlet f 'deheb li baqagħlu fuq l-istonku" Għad baqalna rqajja' li minkejja t-tentazzjoni u t-tpesis ħelu tal-miljuni, għadhom verġni

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 24 July 2016