Illum previous editions

illum 14 August 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/714705

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

Il-Ħadd 14 ta' Awwissu 2016 | illum Rakkont 23 Minn Sharon Calleja Kien żatat. Kulħadd kien jafu. Lil Ġużi kienu jafuh sew fir-raħal. Kullimkien kien jiddeffes. Peress illi kien jidħol għal affarijiet li lanqas biss kien ikollu ħjiel fuqhom, ta' spiss kien isib ruħu f 'xi basla. Mhux darba u tnejn li daħħak in-nies bih għaliex ippretenda li kien jaf jagħmel xi ħaġa u ma kienx. U l-problema kienet illi Ġużi ma kienx jammetti miegħu nnifsu u għalhekk il- basal baqgħu dejjem jiżdiedu u jikbru. Kien jikolhom. U l-problemi kienu jiġru warajh u jiggranfaw miegħu bla ma jitilquh. Saħansitra dan l-aħħar kien spiċċa f 'qabar jgħin lid-deffien iniżżel tebut taħt l-art! Imma għalkemm għamel xahar ma jagħlaqx għajn m'għajn, xorta qatt ma tgħallem! Issa din id-darba kien daħal f 'waħda kbira. Ma kienx jaf kif kien ser jeħles minnha. Iż-żgħażagħ daru miegħu kollha ħerqana, kollha għatxana sabiex jibdew. Ġużi kien qed iħoss qalbu daqt toħroġ għaliex ma kienx jaf minn fejn kellu jaqbad jibda. "Direttur, fejn ser noqgħod bilwieqfa?" staqsietu Gertrude, l-aktar tfajla ħelwa illi kellhom fil-grupp. Ġużi ħass l-għaraq nieżel minn ma' ħuġġbejh u l-palmi ta' jdejh ħasshom kważi joqtru. Tbissem. Ried jaħbi l-fatt illi huwa lanqas biss ma kellu idea x'kellu jsir. Minħabba ftaħir esaġerat li kien qagħad jagħmel ma' xi ħbieb tiegħu kien spiċċa direttur ta' reċta li kellha ssir f 'wieħed mill-aktar teatri prestiġġjużi f 'Malta. U l-atturi li kellu quddiemu kienu ħadmu mhux ħażin biex waslu s'hawn. Kien gideb. Kien ħarref. U issa kien ser ibati l-konsegwenzi. Ġużi kien raġel imbaċaċ, jgħix waħdu. Ftit li xejn kien imiss mad-doċċa u ħafna mill-qomos li kellu kienu kibru miegħu. Fil-fatt l-aħħar żewġ buttuni tal-qomos bla kulur li kien ikollu, bir- riħa tal-boċċi tal-kamla, kienu ta' spiss ikunu miftuħin għaliex minn tfulitu 'l hawn ma kinux għadhom jinqaflu. Xagħru kien griż, twil, imdendel 'l isfel u kien dejjem bin-nuċċali tal-viżta. Il-fattizzi ta' wiċċu kienu delikati. Meta kien iżgħar kien jista' jgħid li kien wieħed mill-aktar ġuvintur ħelwin fir-raħal; kieku dejjem kien jagħti kas tiegħu nnifsu. U jekk wieħed kien joqgħod jiflih sew, kien jinduna li għajnejh kienu ħodor. Iżda minħabba r-riħa ta' sigaretti u għaraq imħallta ma' xulxin, wieħed dejjem kien iżomm ftit distanza biex ikellmu. "Ersaq din in-naħa tal-palk, wara l-mejda......" beda jgedwed waħdu. Iż-żgħażagħ dehru kollha mifxula. Din kienet l-ewwel prova tat-teatrin li kellhom jagħmlu u kienu għadhom ma jafu xejn x'se jaqbdu jagħmlu, kif ser jitkellmu, l-espressjonijiet u fejn kellhom jagħmlu movimenti jew le. Ħassu kważi ser jistordi jħares lejhom bla ma kien jaf kif ser jidderiġihom. Din kienet ser tkun attività li kellha tagħlaq xi anniversarju ta' xi ħaġa li ma fehemx eżatt ta' xiex kienet. Kull ma jaf hu li xħin kien semgħa reklam fuq ir-radju li kienu qegħdin ifittxu direttur għal reċta ta' malajr, qabad u mar japplika. Fil-verità ħaseb li ma kienx ser jintagħżel. Iżda oħroġ il-għaġeb, bil- paroli żejjed li kellu, ħasbuh xi espert. "Tort tiegħek," sema' lilu nnifsu jgerger minn taħt. It-tfajliet u l-ġuvintur bdew iduru miegħu. "Ġuzi," lissen wieħed. "Xi jmiss nagħmlu?" staqsiet l-oħra. "Ara, għidli kif ser nagħmel." "Direttur?" "Direttur?" Ġużi beda jisma' l-ilħna tagħhom jitbiegħdu u jitbiegħdu. Beda jħares lejhom u ma kienx għadu jiffoka sew. Donnhom bdew iduru quddiemu, quddiem għajnejh. "Direttur?" U Ġużi kien waqa' mal-art stordut. Iż-żgħażagħ ippanikjaw. Issa x'kienu ser jagħmlu? Kien għad fadal xahar eżatt għar-reċta. "Aħjar kieku sibna lil xi ħadd ieħor," qal Peter, ġuvni mġissem illi suppost għamel il-parti prinċipali. Kienu qegħdin fis-sala tat-teatru l-antik, ġimgħa wara li Ġużi kien ħassu ħażin u baqa' ma deherx. "Għadu l-isptar ta....." qalet Gertrude. "Hux għadu l-isptar, rajtu jiġri barra," weġibha Karl. "Imma aħna ser naqgħu taċ-ċajt." Kienu mbikkma. Ir-reċta kienet ser tkun attività importanti għar-raħal tagħhom. "Issa nidderiġikom jien." Daru jħarsu kollha lejh. Leħen oħxon, sabiħ. Leħen minn dawk li kont tisma' fuq it-televiżjoni waqt xi dokumentarju. Kien raġel twil, mibni u kellu xagħru fin, fin. "Imma inti ġieli....?" staqsietu Gertrude. "Mhux importanti, ħallu f 'idi." F'temp ta' ġimgħa, l-atturi kienu jafu jirreċtaw il-karattru tagħhom b'mod impekkabbli, kienu jafu fejn kellhom imorru, kif kellhom jimxu; ir-reċta kienet ser tkun kapulavur. Eżatt meta kien fadal l-aħħar tliet provi, Ġużi kien tfaċċa u tgħidx kemm karab li kien marad u ma kienx jiflaħ u kemm iddispjaċih li ma setax ikun hemm. Gertrude u sħabha kienu fehmu li ried jeħles minnhom jew mir- responsabbilità li kien daħal għaliha. "Inti x'jismek?" staqsiet lid-direttur il- ġdid hekk kif kien kważi telaq kulħadd wara l-aħħar prova ġenerali. "Jien?" tbissmilha. "Jiena Pawlu." "Kemm ilek tgħallimna, qatt ma għajjatnielek b'ismek." "Imma jiena qgħadt direttur u ma kellkomx għalfejn...." weġibha. "Għada tmorru tajjeb." "Nippruvaw," qaltlu. Gertrude ħarġet mill-bieb iż-żgħir tat-teatru u bdiet timxi lejn id-dar. Iż- żiffa ħelwa ta' lejl frisk b'qamar mimli ħassitha twennisha. Ħarset 'il fuq u tbissmet. Il-kwiekeb kienu jfakkruha f 'kemm kellha ħolm li riedet twettaq fil-futur tagħha. Imbagħad rasset idha ma' qaddha u indunat li l-basket ma kienx hemm! Kienet insietu warajha. Daret. Kienet għadha ma telqitx 'il bogħod. Fil-fatt, il-bieb tat-teatru kien għadu jidher. U kien jidher id-dawl inemnem minn ġol-apertura tal-bieb. "Direttur?" għajtet eżatt malli resqet fil-bieb. Żgur li kien għadu hemm. Ma kinitx ratu ħiereġ. Iżda ma weġibha ħadd. Bil-mod, daħlet ġewwa. Il-kamra kienet għadha mixgħula iżda ma kien jidher ħadd. Rat il-basket fuq it-tarf tas-siġġu, eżatt fejn kienet ħallietu, qabditu u bdiet miexja 'l barra. Waqfet. Kesħet. Daret tħares lura lejn ritratt iswed u abjad li kien imwaħħal mal-ħajt. Għalkemm kienritratt antik, minħabba d-daqs tiegħu, in-nies setgħu jintgħarfu sew. Persuna minnhom ġibditilha l-attenzjoni tagħha. Għajnejha weħlu jħarsu lejn ir-ritratt. "Pawlu....direttur," lissnet bil-mod. Ħasset saqajha jiffriżaw u kważi ma setgħetx tiċċaqlaq. Fuq ir-ritratt, li ċertament kien datat fi żmien antik, kien jidher wieħed eżatt jixbah lil Pawlu, id-direttur il-ġdid li kien salvahom milli jaqgħu għaċ-ċajt quddiem in-nies. Eżatt malli daret biex toħroġ, rat dell għaddej minn wara l-bieb. Il-kamra ħassitha kiesħa. Idejha bdew jirtogħdu. Għafset il-basket magħha u bilkemm bdiet tieħu nifs. "Mi.....?" bdiet tgħid. Werżqet. "Mela għadkom tirriħersjaw?" staqsa Ġużi jitbissmilha. "Int x'int tagħmel hawn?" staqsietu bla nifs. Kellha aptit tagħtih daqqa ta' ħarta fuq wiċċu bil-qatgħa li kien taha. "Issa ġejt? Telaq kulħadd." Telqet. "Jew kważi kulħadd...." qalet bejnha u bejn ruħha hekk kif ġriet lejn id-dar fid-dawl tal-qamar. L-għada, is-sala kienet mimlija daqs bajda bin-nies. Kien hemm min kien ġie apposta minn barra r-raħal sabiex jaraw ir-reċta li kellha ssir biex tfakkar anniversarju. L-atturi kienu qegħdin jippreparaw wara l-kwinti. Dak il-ħin bdew iħossu qalbhom tħabbat mija mija bl-eċċitament ta' qabel joħorġu juru dak li tgħallmu quddiem in-nies. Gertrude bdiet tfittxu. Ma kien jidher imkien. "Rajtuh lid-direttur?" staqsiet lil żewġ tfajliet li kienu fit-tarf tal-kamra. Għamlulha le b'rashom. Ir-reċta ħarġet b'mod meraviljuż. Kollox kien perfett. Ħarġu wieħed, wieħed isellmu lin-nies u s-sala nfaqgħet b'ċapċip u ferħ. "Nirringrazzjaw lid-direttur li tant ħadem biex din ir-reċta setgħet tkun waħda ta' kwalità," qal il-preżentatur. "Issa jkollu jiġi," tbissmet waħedha Gertrude hekk kif kienu għadhom fuq il-palk. Issa tkun taf il-verità, jekk dak li kienet ħasbet kienx minnu. Forsi fuq ir- ritratt kien hemm ħu Pawlu d-direttur. Forsi kien missieru. Forsi kien jixbhu. "Ġużi Borg!" għajjat il-preżentatur. In-nies reġgħet bdiet iċċapċap. "Le, le," bdiet tgħidlu Gertrude fost il-ħafna storbju. Sħabha bdew jersqulha u jħarsulha b'ċertu mod għaliex kienet qiegħda tqajjem kommossjoni fuq il-palk. Ġużi ħareġ fuq il-palk. "Le," bdiet kważi tgħajjat. Dak il-ħin ratu. Kien qiegħed fl- ewwel bank, isfel qalb in-nies iħares lejhom. "Le, ieqfu!" għajtet. "Dak id-direttur!" għajtet. Kulħadd waqaf iċapċap. Skiet. Kulħadd beda jħares lejha. "Gertrude," qalilha Ġużi, jipprova jwaqqafha. "Gertrude," qalilha Peter, "x'inti tgħid?" "Dak id-direttur!" qaltilhom tipponta subgħajha lejn is-siġġu. Waqfet. Is-siġġu kien vojt. Id-direttur ma kienx għadu hemm. Ħarġet tiġri minn fuq il-palk u daħlet tiġri ġewwa. Marret fejn ir-ritratt li kienet rat il-ġurnata ta' qabel. "Dan idderieġa r-reċta," qalet lil sħabha li kienu ġew warajha. "Ma jistax ikun, sabiħa," qalilha Peter, "dak miet eżattament ħamsa u għoxrin sena ilu meta t-teatru kien ħa n-nar u waqa'. Kien reġa' nbena eżattament kif nafuh illum. Dak Pawlu Grech, l-uniku vittma." "Imma kif jista' jkun?" staqsiet Gertrude bid-dmugħ f 'għajnejha. Ħasset il-kamra ddur biha. "Inti d-direttur ta' din ir-reċta?" staqsa raġel imdaħħal fiż-żmien lil Ġużi. "Ħeqq mela," wieġbu Ġużi. "Għandi biċċa xogħol għalik." Id-Direttur

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 14 August 2016