Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/744534
illum Il-Ħadd 30 ta' Ottubru 2016 Sports 36 'Anke kieku ma ġejtx fit-tieni post, xorta kont inħossni rebbieħa' - Rita Seracino L-ISEM ta' Rita Seracino, ftit li xejn kien magħruf fix-xena tal-isport lokali sa ftit tal-ġimgħat ilu, qabel nhar is-Sibt 15 ta' Ottubru, Seracino kisbet unur kbir għaliha nnifisha meta fl-ewwel darba li ħadet sehem f 'kompetizzjoni tal-Bodybuilding, imsejħa 'Bikini Fitness' organizzata min-NABBA Malta, hija kklassifikat fil-pożizzjoni prestiġjuża tat-tieni post. M'hemmx dubju li dan mhux se jkun l-ewwel u l-uniku suċċess ta' Rita hekk kif kollox qed jindika li hija għandha futur mill-isbaħ jistennieha f 'dan l-isport li tant tħobb. Biex ikollha iktar informazzjoni rigward dan, din il-gazzetta għamlet kuntatt ma' Rita Seracino nnifisha fejn tatna iktar dettalji rigward din il-kompetizzjoni li kienet involuta fiha kif ukoll rigward id-diversi preparazzjonijiet u t-taħriġ intensiv li kellha tagħmel qabel irnexxielha tikseb suċċess fl-imsemmija kompetizzjoni. Hija affermat li: "L-isport minn dejjem kont inħobbu u fil-fatt meta kont iżgħar kont nilgħab in-netball mat-tim tad-De La Rue però kont waqaft meta kont tqila bit-tifel u għamilt xi għaxar snin wieqfa ma nittrenja xejn. Wara dak il-perjodu bdejt nirrealizza li ma jistax ikun nibqa' ma nagħmilx attività fiżika u bdejt niġġoggja mhux regolari iżda mbagħad bdejt nirrealizza kemm l-attività fiżika iġiegħlek tħossok aħjar kemm mentalment kif ukoll fiżikament u għalhekk il-ġiri bdejt nagħmlu regolari u bqajt nagħmel dan s'issa. Apparti li l-jogging kif għidt jgħinek ħafna mentalment u anke fiżikament, però bdejt inħoss ix-xewqa wkoll li mmur il-gym għax xtaqt li jkolli wkoll figura iktar 'toned' għaliex bil-jogging biss żgur li mhux ħa jkollok figura ta' dan it-tip. Bdejt immur il-gym però nammetti li dak iż-żmien il-gym mhux li tant kien jogħġobni u ma bqajtx immur regolari anzi spiċċajt ma mmurx iktar, għalkemm kont nammira ħafna lil nisa li jmorru l-gym u jibnu l-ġisem tagħhom permezz ta' dan. Din l-idea baqgħet f 'moħħi. Fil-verità, jien fil-piż kont tajba iżda kont naf li biex tidher aħjar u speċjalment biex ikollok figura 'toned' trid tiekol b'ċertu mod u dejjem kont ngħid u nhewden li nixtieq nibni ftit il-muskoli tiegħi però kont naf li biex nagħmel dan hemm bżonn ta' żewġ fatturi importanti - dixxiplina miegħi nnifsi u dieta bilanċjata ggwidata minn xi ħadd professjonali u xi ħadd issuġġerieli li mmur għand Susan Borg biex tiggwidani. Fil-fatt f 'Jannar li għadda għamilt propju dan. Minn kif ratni l-ewwel darba Susan mill-ewwel qaltli li temmen fija u speċjalment bil-gwida tagħha nista' anke nikkompeti għall-Bikini Model Competition però ħa nammetti li jien min- naħa tiegħi lanqas kont noħlom li nista' xi darba nitla' fuq palk u nieħu sehem f 'kompetizzjoni bħal dik. Beda għaddej iż-żmien u hekk kif bdejt insegwi d-dieta bil-gwida ta' Susan bdejt ninduna li ġismi vera kien qed jittrasforma ruħu u dan kienet tgħiduli anke Susan kull meta tarani iżda xorta ma kellix f 'moħħi li nikkompeti, sakemm f 'Awwissu li għadda meta reġgħet ratni Susan qaltli li kont tajba biżżejjed għall-kompetizzjoni iżda jien għidtilha li ma kontx inħossni ppreparata. Iżda hi insistiet li temmen fija li għandi potenzjal għaliha. Ħsibtha sew u kkonvinċejt ruħi li ġaladarba Susan kienet qed temmen daqshekk fija, allura nieħu sehem. Dan kien lejn l-aħħar t'Awwissu u l-kompetizzjoni saret fil-15 ta' Ottubru li għadda. Minn hemm, Susan iggwidatni b'dieta apposta għal din il-kompetizzjoni u kelli assistenza tat-trainer Norton Chalker li nista' ngħid li bl-assistenza tagħhom it- tnejn rajt ġismi jittrasforma totalment għal din it-tip ta' kompetizzjoni. Nammetti li dawk il- ħames ġimgħat ma kinux faċli għalija għax trid tiekol bl-eżatt però bl-għajnuna professjonali kemm ta' Susan kif ukoll ta' Norton kelli motivazzjoni kbira u sfida miegħi nnifsi li nasal sal-ġurnata kif suppost. Barra minn hekk, kelli ħafna sapport mill-partner tiegħi Antoine Zahra li kien jieħu paċenzja ħafna bija u lanqas noħorġu fejn irridu ma konna għaliex ma tistax tiekol ċertu ikel jew tixrob alkoħol u mingħajr dan is-sapport, żgur ma kienx jirnexxieli nasal sa fejn wasalt. L-isfida u d-dixxiplina huma kbar però s-sodisfazzjon huwa ikbar anke biex tasal sal- ġurnata tal-kompetizzjoni ukoll tħossok irbaħt li rnexxielek tagħmilha sa dakinhar. Il-ġurnata waslet u ħassejt sodisfazzjon kbir anke minħabba l-fatt li jien qatt ma kont tlajt fuq palk jew ikkompetejt qabel. Barra minn hekk din il- kompetizzjoni hija sabiħa għax tiltaqa' mat-tfajliet l-oħra li jkunu ħa jikkompetu però iktar tħoss sens ta' ħbiberija milli ta' kompetituri u tagħmel ħafna ħbieb ġodda. M'hemmx xi ngħidu, barra l-preparamenti li semmejt hemm prepramenti oħra bħall-kostum li tilbes, il- make-up u dak kollu li jikkumplimenta biex tidher mill-aħjar fuq il-palk. Meta waslet il-ġurnata kont eċitata ħafna. Kelli emozzjonijiet differenti - eċitament li kont tiela' l-ewwel darba fuq palk u li kont ħa nidher quddiem ġurija u nies li jiġu jarawk, il-pożi li trid tagħmel u ejja ngħiduha kif inhi, għalkemm anke li kieku ma ġejtx fil-pożizzjoni li ġejt fiha, xorta waħda kont inħossni rebbieħa għax irnexxieli nasal sa dik il-ġurnata preparata, iżda fil-verità xtaqt li naqta' figura tajba kif fil-fatt għamilt. Minħabba l-fatt li jien qatt ma kont tlajt fuq palk jew ikkompetejt, ħassejtni naqra eċitata mhux ħażin iżda kont ferħana li rnexxieli. M'għandniex xi ngħidu l-fatt li ġejt fit-tieni post mill-kategorija tiegħi kien ta' sodisfazzjon kbir ħafna speċjalment għall- ewwel darba li ħadt sehem f 'kompetizzjoni ta' dan it-tip. Inħossni ferħana ħafna li rnexxieli nagħmilha u l-pożizzjoni li ġejt fiha. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lin- nutrizzjonista tiegħi Susan Borg li tant emmnet fija u li mingħajr l-inkoraġġiment u l-gwida tagħha żgur li ma kontx nagħmilha, lit-trainer tiegħi Norton Chalker li huwa tant dedikat u professjonali f 'dan it-tip ta' taħriġ, lil Priscilla Chalker tas-sapport u lill-partner tiegħi Antoine Zahra li tant issapportjani u ħa paċenzja bija f 'din il-fażi u li mingħajru ma kinitx tkun possibli żgur," temmet tgħid Rita Seracino. Rita Seracino bit-Trofew tat-tieni post waqt il-Kampjonati tal-Bodybuilding organizzati min-NABBA Malta Ritratt : Raymond Cassar