Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/567098
Il-Ħadd 06 ta' Settembru 2015 | illum 17 I l-mewġa enormi ta' nies li qed jaħarbu gwerra ċivili qalila jew forsi anke l-faqar u jixtiequ jibdew ħajja ġdida mhix problema biss tal-Ewropa. Imma l-Ewropa ma tistax toqgħod lura milli taqbad il-problema minn qrunha u tiftaħ il-bibien tagħha. U kif għidna l-ġimgħa l-oħra, hemm ukoll raġunijiet ekonomiċi ben ċari għala dan għandu jsir u għala l-kunċett ta' Fortizza Ewropa ma jagħmilx sens u jrid jitwarrab. L-istorja għandha ħabta tirrepeti ruħha imma sfortunament il-popli u l-politiċi ukoll għandhom ħabta li jinsewha. Ħu l-eżempju tal-Ungerija, il-pajjiż l-anqas demokratiku tal- Unjoni Ewropea li adotta pożizzjoni ferm riġida fil-konfront tar-refuġjati. Meta fl-1956, it-tankijiet russi farrku t-tentattiv ta' Imre Nagy sabiex jumanizza l-mudell soċjalista impost mir-Russi fuq l-Ungerija, 300,000 Ungeriż kienu ħarbu mill-pajjiż. L-Awstrija laqgħet ħafna minnhom, kważi 2% tal-popolazzjoni tagħha. L-Awstrija ma fallietx anzi stagħniet. Imma l-Prim Ministru Viktor Orban, ħabib u ammiratur ta' Putin minkejja l-passat mhux daqshekk imbiegħed, hu minn ta' quddiem fil-front kontra l-immigranti li qed iħabbtu fuq il-bieb tal-Ewropa għall-kenn, front li jiġbor fih pajjiżi oħra tal-lvant tal-Ewropa bħal Polonja, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja. Ironikament, dawn huma kollha pajjiżi li batew bil-kbir fis-snin imqallbin tas-seklu għoxrin u li raw bosta ċittadini tagħhom jaħarbu għal raġunijiet ta' gwerra, ta' repressjoni politika kif ukoll ekonomika. Madankollu, dawn il- pajjiżi kollha qegħdin jirreżistu l-ħsieb tal-Kummissjoni Ewropea li l-pajjiżi Ewropej jaqsmu l-piż tar-refuġjati li qed jaslu fostna. Dawn il-pajjiżi, u mhux huma biss, kollha kellhom ħerqa kbira sabiex jagħmlu parti mill-proġett Ewropew. Imma mid-dehra il-motivazzjoni primarja tagħhom, kienet ekonomika, kemm ser idaħħlu mill-fondi Ewropej u mhux għax riedu jipparteċipaw fi proġett Ewropew mibni fuq is- solidarjetà u s-suq ħieles wara sekli ta' gwerer u konflitti. L-istess pajjiżi li jippretendu għajnuna f 'każ ta' aggressjoni Russa, mhuma juru l-ebda ħajra li jagħtu kenn lil dina l-mewġa ta' umanità. Il-lezzjonijiet tal-istorja jintesgħu: il-pajjiżi tal-lvant insew it-tbatija li sofrew bil-Ħajt li nbena f 'nofs Berlin u bil-fruntieri magħluqin f 'dik li mhux għalxejn issejħet il-Purtiera tal-Ħadid. L-għajta ta' Sirjani li qattgħu jiem u ljieli fl-istazzjon ta' Budapest jistennew it-tren tal-ħelsien u tas-serħan il- moħħ għall-Ġermanja, ċertament ifakkruk fl-eluf ta' Ġermaniżi tal-lvant li mxebbgħin b'gvern fallimentari u repressiv qattgħu jiem jistennew li tinfetaħ il-fruntiera ta' bejn l-Ungerija u l-Awstrija bit- Trabants tagħhom ippakkjati b'kull ma kellhom. Ir-refuġjati tal-bieraħ, bħas-Sirjani, l-Afgani, l-Iranjani u l-Iraqqini tal-lum, fittxew il-libertà u li jtejbu l-qagħda ekonomika tagħhom. L-Ungeriżi jidhru li nsew li l-libertajiet li jgawdu llum, imnaqqrin kemm huma mnaqqrin minn Orban, kisbuhom meta ftit aktar minn 25 sena ilu fetħu l-fruntiera tagħhom mal-Awstrija. Il-Purtiera tal-Ħadid waqgħet u ftit wara, il-Ħajt ta' Berlin kellu jaqa' ukoll għax sar irrilevanti. Il-politiċi Ewropej jidhru li ma japprezzawx is-simboliżmu qawwi li jġorru magħhom trenijiet li ma jitilqux, vapuri li ma jsalpawx jew li ma jittrakkawx u ħitan li jinbnew. Kemm kien hemm Lhud li ma tħallewx jiżbarkaw f 'Kuba, biex wara spiċċaw f 'Auschwitz? Kemm kien hemm trenijiet li ma telqux, u min kellu jkun fuqhom spiċċa tilef ħajtu? U bħall-Ħajt ta' Berlin, il-ħajt li l-Ungerija bniet fuq il-fruntiera mas-Serbja u dak li l-Bulgarija bniet ma' dik tat-Turkija mhux ser joħnoq l-għatx għal-libertà ta' min qed ifittex il-kenn fostna. Lanqas mhu se jiżola lill-Ewropa mid-drama umana li għaddejin minnha. Imma intant, bħalma kien jiġri fiż- żmien il-Gwerra Bierda, in-nies ibatu u jmutu. Din il-ġimgħa, ir-ritratti ta' tifel kurd ta' tliet snin, bla ħajja fuq ix-xtajta ta' Bodrum fit-Turkija daru madwar id-dinja u kkonvinċew lil ħafna li ma nistgħux nibqgħu ma nagħtux każ din it-traġedja umana. Il-familja ta' Aylan al-Kurdi ħarbet minn Kobane, il-belt Sirjana fuq il-fruntiera Torka li l-ISIS assedjat ftit xhur ilu. L-ISIS sofrew waħda mill-ftit telfiet militari tagħhom s'issa, minħabba l-qlubija tal-ġellieda kurdi. Il-familja al-Kurdi ppruvat tibda ħajja ġdida 'l bogħod mit-tifrik ta' Kobane u z-zija ta' Aylan li tgħix il-Kanada ppruvat iġġibilhom viża għall-Kanada. Il-Kanada, pajjiż enormi b'riżorsi vasti u li nbena bl-immigrazzjoni, irrifjuta. Għaldaqstant, iz-zija ħallsitilhom biex jieħdu l-vjaġġ perikoluż mix-xtajta Torka għal waħda mill-gżejjer Griegi fil-qrib. Id-dgħajsa nqalbet u Aylan, ħuħ u ommu mietu lkoll. Din mhix problema biss tal-Ewropa u jeħtieġ li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu. Il-Kanada ċertament naqset mid-dmirijiet umanitarja tagħha meta rrifjutat il-viża lill-familja ta' Aylan. L-istess sens ta' għeluq u ta' assedju narawha fl-Awstralja, pajjiż ieħor mibni bl-immigrazjoni. L-istess biża' li għandu Viktor Orban u ħafna oħra anke fostna, li dawn se jiġu bil-miljuni u jeradikaw l-identità tagħna ħakmet pajjiżi bħall-Awstralja, il-Kanada u l-Amerika. Anke l-Ingilterra, minkejja li tgawdi minn rikkezza kulturali u anke ekonomika wara għexieren ta' snin ta' immigrazzjoni, mhijiex ħerqana li ddaħħal lir-refuġjati. Tassew din mhix problema biss tal- Ewropa. U mhux l-Ewropej u l-Insara biss ipokriti. L-aġenzija tar-refuġjati tal-Ġnus Magħquda, l-UNHCR kellha bżonn $1.26 biljun f 'Jannar li għadda sabiex tieħu ħsieb l-erba' miljun refuġjat Sirjan li jinsabu fit-Turkija, il-Ġordan u l-Libanu. Ġabret biss $803 miljun, bi kważi $150 miljun ingħataw mill-UE. Tneħħi l-kontribut tal-Kuwajt ta' kważi $90 miljun u tal- Qatar ta' $25 miljun, il-bqija tad-dinja Għarbija ma daħħlitx idejha fil-but. Mentri l-Għarabja Sawdita liqiegħda tonfoq miljuni kuljum fi gwerra f 'wieħed mill-aktar pajjiżi fqar fid- dinja, il-Jemen, ma daħħlietx idejha fil-but ħalli tgħin lir-refuġjati Sirjani. Issib flus għar-ribelli Sirjani imma mhux għar-refuġjati. L-Għarabja Sawdita u l-Qatar isibu flus biex jibnu moskej enormi fil-punent imma mhux għall-ħtiġijiet ta' dawn ir-refuġjati ħuthom Għarab. L-ISIS u Al-Qaeda jiġbru miljuni mingħand simpatizzanti Għarab, imma r-refuġjati jitħallew bil- ġuħ. Biex ma nsemmgħux li ċ-Ċina u r-Russja qajla fetħu idejhom. Tassew din mhix problema biss tal-Ewropa, imma dan ma jfissirx li l-Ewropa tista' toqgħod lura. Bħalma jeżistu fostna ħafna preġudizzji razzisti u xenofobi li sfortunatament jikkundizzjonaw l-opinjoni pubblika, jeżistu ħafna qlub tajba li qed juru atteġġjament differenti. Huma bosta l-affarijiet li għandhom iħammru wiċċ kull min jaf jistħi. Ċertament, il- gvern Ungeriż għandu għalfejn jistħi li eluf ta' immigranti kellhom jibdew jimxu minn Budapest sal-fruntiera Awstrijaka qabel ma pprovdilhom mezzi biex jaslu. Għandhom jistħu, dawk l-Ungeriżi li m'għinux lil dawn it-talin fil-vjaġġ tagħhom. Imma fortunatament, kienu bosta dawk li għinuhom ukoll b'ikel u xorb. Għandna għalfejn nistħu lkoll li f 'pajjiż żgħir bħall-Iżlanda b'popolazzjoni ta' 320,000, il-poplu rreaġixxa għall-proposta tal- gvern li jilqa' 50 refuġjat Sirjan u f 'ħakka t'għajn, 12,000 ruħ offrew li jakkomodawhom. Pajjiż li dejjem żamm 'il bogħod milli jidħol fl-UE, imma evidentement, in-nies tiegħu ma jiddejqux iġorru l-piż ta' solidarjetà li kull parti tal-umanità għandha ġġorr quddiem kriżi ta' din in-natura. Għandhom għalfejn jistħu il-pajjiżi Ewropej li qegħdin isibuha daqshekk diffiċli li jaqsmu dan il-piż umanitarju. Minn mindu l-Polonja saret membru tal-UE, mijiet ta' eluf ta' Pollakki fittxew futur aħjar f 'partijiet oħra tal-Unjoni. Għaliex issa, pajjiż kbir bħall-Polonja b'popolazzjoni ta' 38.5 miljun isibha daqshekk diffiċli sabiex jospita ftit eluf ta' refuġjati. Għandhom għalfejn jistħu dawn il-pajjiżi, meta l-Ġermanja aċċettat li tieħu 800,000 refuġjat Sirjan u meta fl-Italja u fil-Greċja qed jaslu mijiet ta' eluf regolarment. Imma hemm xaqq ta' tama, 60% tal-Ġermanizi huma favur il-politika ddikjarata tal-gvern tagħhom. Iċ- ċittadini Ġermaniżi laqgħu lis-Sirjani b'ikel, xorb u rigali u kantaw l-innu Ewropew li ironikament huwa l-Innu għall-Ferħ. F'bosta pajjiżi, ċ-ċittadini qed jimmobilizzaw ruħhom ħalli tingħata għajnuna lil dawn ir-refuġjati. Mhux kulħadd xenofobu, u mhux kulħadd egoist, u dan, il-politiċi għandhom jinnotawh u jmexxu u mhux iħallu lil min imexxihom. L-Ewropa trid tkun minn ta' quddiem biex taffronta din l-emerġenza u tilħaq il-quċċata morali u mhux tinżel fl- abbissi tal-immoralità. F'pajjiżna, kunsillier Nazzjonalista u tal-Alternattiva ħadu l-inizjattiva li jipproponu li l-kunsill tagħhom, jadotta familja ta' refuġjati. Inizjattiva ta' min ifaħħarha li kull kunsill, kif ukoll kull parroċċa għandha tadotta. Nittamaw li l-kunsilliera Laburisti wkoll jieħdu inizjattivi simili. Imma dan mhux biżżejjed. Il-Gvern jidher paralizzat minħabba l-biża' tal-vot xenofobu u għaldaqstant, il-kunsilli għandhom jieħdu l-inizjattiva u jniedu reġistru ta' ċittadini li lesti li b'xi mod jew ieħor jospitaw refuġjati għandhom. Hawn ħafna postijiet vojta, li għandhom jiġu nkoraġġuti biex jintużaw f 'din l-emerġenza. F'din is-siegħa ta' prova, għandna nkunu fost dawk li nagħmlu l-parti tagħna u 'l quddiem ngħidu "Aħna konna minn ta' quddiem. L-għajnuna tagħna ma naqsitx." Segwi l-iżviluppi internazzjonali fuq il-paġna tiegħi ta' Facebook jew Twitter @ellisjoseph. Ma nistgħux nonqsu Joe ellis "Għandhom għalfejn jistħu l-pajjiżi Ewropej li qegħdin isibuha daqshekk diffiċli li jaqsmu dan il-piż umanitarju" "Il-kunsilli għandhom jieħdu l-inizjattiva u jniedu reġistru ta' ċittadini li lesti li b'xi mod jew ieħor jospitaw refuġjati għandhom"