Illum previous editions

ILLUM 06 September 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/567098

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 06 ta' Settembru 2015 | illum 19 Editorjal ILLUM, MedIaToday LTd, VjaL Ir-rIĦan, San Ġwann SĠn 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Il-Lemin li qed ninjoraw... L -immigrazzjoni, għal ġimgħa oħra, baqgħet fuq nett tal-aġenda Ewropea. Lanqas biss kienet għadha nixfet il-linka ta' diversi artikli, opinjonijiet u editorjali, fosthom ta' din il-gazzetta, dwar traġedja oħra li ħalliet 71 persuna mejta fgati fuq wara ta' trakk ħdejn il-fruntiera tal-Awstrija, li komplew deħlin aħbarijiet ta' aktar traġedji. Ir-ritratt tal-ġisem mejjet ta' Aylan Kurdi, li nġarr lejn il-kosta, ħalla lill-midja lokali u internazzjonali u l-aktar lill-Ewropej taħt xokk qawwi. F'daqqa waħda, donnu kulħadd intebaħ li f 'din il-mixja tal-eluf li qed ifittxu ħajja aħjar qed jintilfu ħafna ħajjiet prezzjużi. Huwa tajjeb li kulħadd jintebaħ b'dan. Huwa tajjeb ukoll li, anke jekk għal ftit żmien biss, dawn l-istampi tal-mewt wara biebna qatlu xi ftit mis-sentiment razzista li kien qed jinbet fostna. Il-mistoqsija hija iżda, kemm se ndumu ma nerġgħu naraw dan l-istess sentiment iqum mill-ġdid? Kemm se jgħaddu ġimgħat qabel ma nerġgħu nisimgħu argumenti oxxeni, inumani u kompletament razzisti li dak li ġralhom il-vittmi tal-mewt kien jixirqilhom, "għax misshom baqgħu pajjiżhom"? Għal dawk li jinsabu komdi jgħumu u jgawdu l-baħar u mhux imutu fih, l-argument tat-terrur minn dak li huwa differenti minna, jista' jinżel tajjeb, daqskemm huwa faċli għal dak li m'għandux impjieg jew għandu impjieg prekarju biex iwaħħal fil-barrani, minflok f 'dak li qed jabbuża minnu. Il-biża' minn dak li nafu ftit dwaru, tant hija reali li matul l-istorja politika Ewropea u dinjija, strateġisti u politiċi kielu minn fuq din il-biża' sakemm kibru, ħadu posthom fuq it-tron u wasslu għal diżastri u gwerer kbar. Il-qtil tal-massa u ġenoċidji kienu skużati minħabba l-biża' minn dak li jista' jkun aħjar minni jew minn dik li qed tokkupa spazju li jien naħseb li hu tiegħi bi dritt. Ara min jilludi ruħu li l-passat huwa tal-passat biss. Il-passat huwa tal- preżent ukoll u jeħtieġ nitgħallmu minnu biex ma nagħmlux l-istess żbalji, biex ma naqgħux għall-istess nassa ta' biża. Għax illum ibeżżgħuna bl- Afrikani, għada jbeżżgħuna bis-Sirjani u pitgħada jbeżżgħuna b'uliedek u ulied uliedek. Hekk ġara fil-passat, l-attakk beda fuq il-barrani, fuq il-Lhud, imbagħad kompla fuq l-omosesswali u fuq il- persuni b'diżabbiltà, tnejn mill-aktar oqsma ta' nies vulnerabbli, għallinqas definittivament f 'nofs is-seklu li għadda. Għax min jibża' minn persuna ta' ġilda differenti, min jibża' minn persuna li qed tfittex ħajja aħjar, min jibża' minn reliġjon u kultura oħra, fil-verità jibża joħroġ mill- kaxxa li fiha jinsab magħluq. U min jibża' joħroġ mill- kaxxa tal-biża', jasal jemmen dak kollu li min jaf aħjar jitfa' fiha, jemmen li se ninbelgħu, li se nsiru skjavi ta' ħaddiehor, li qegħdin jew se jieħdulna xogħolna, li se jiddominawna. U hekk jerġa' jibda jitwieled mostru li ħsibna li raqqadna fl-1945. Ikun ta' xejn li l-politiċi Ewropej joqogħdu bilqiegħda u ma jitkellmux dwar il-qawmien mill- ġdid tal-lemin estrem. Jeħtieġ jiġġieldu din it-theddida permezz ta' politika ta' edukazzjoni u ta' integrazzjoni li tagħmel sens. Jeħtieġ li l-mexxejja Ewropej ikunu huma li b'għaqal jilħqu bilanċ tajjeb biex filwaqt li l-Ewropa, tibqa' dik li dejjem kienet, bl-istorja rikka tagħha tkun ukoll post fejn il-kulturi jitħalltu, fejn il-popli jitgħallmu dwar popli oħrajn u fejn id-differenza tkun iċċelebrata.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 06 September 2015