Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/567098
John Busuttil Brian Calleja ta' 37 sena minn Ħal-Tarxien iddeċieda li mhux biss jibdel ħajtu għall-aħjar iżda miegħu ddeċieda li jibdel ħajjet dawk in-nies li jbatu mill-obeżità. Is-sit illum.com.mt ilbieraħ tkellem ma' Brian Calleja, magħruf bħala 'Il-Baby', li bħalissa qed isegwi programm intensiv ta' taħriġ u tagħlim biex inaqqas il-piż li għandu. Dan il-programm, li huwa sponsorjat mill- Community Chest Fund, tant hu intensiv, li Calleja ma jistax joħroġ barra għal tmien ġimgħat sħaħ, mill- faċilità tal-MCCF fl-Imtarfa. L-istorja li ttellgħet fuq is-sit, attirat lejha eluf kbar ta' qarrejja li lkoll esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għar-riżultati li qed jikseb Calleja u xtaqulu kull suċċess għaż-żmien li ġej. Mistoqsi minn fejn ġie l-laqam tiegħu 'Il-Baby', Brian qalilna li minn dejjem kien kbir u sħabu kienu jgħidulu 'daqs baby fik' u baqgħetlu hekk. Bid-daħka qalli wkoll li mnalla kien twil (fil-fatt hu twil 6 piedi u 3 pulizieri), "għax kieku qisni l-pupu tal-Michelin kont inkun". Brian qal kif beda jżid fil-piż minn wara l-Griżma. Hu qal lill-ILLUM li fl-1 ta' Jannar f 'għeluq it-37 sena, waqt li kien qiegħed f 'party, ddeċieda li jagħti rigal lilu nnifsu. Dan ir-rigal kien li jaqta' x-xorb kollu, hekk kif huwa, inkredibbilment kien jixrob 8 fliexken vodka fil-ġimgħa u 3 kaxxi energy drinks, jaqta' t-tipjip u jibda jiekol tajjeb. Il-mira tiegħu kienet ċara miegħu nnifsu; minn 300 kilo, jnaqqas il-piż tiegħu b'aktar minn nofs u jiġi jiżen 100 kilo. S'issa, fi tmien xhur, irnexxielu jonqos 65 kilo u bħalissa jiżen 235 kilo. "Jien tifel uniku u ommi dejjem tinkwieta fuq saħħti, ma rridx li titlifni meta nkun għadni żgħir, għalhekk fis-26 ta' Jannar, f 'għeluq sninha, tajtha rigal li tant ħadet gost bih. Għamiltilha wegħda li sa meta jkolli 40 sena, jkollha Brian ieħor, Brian ta' 100 kilo, Brian aktar b'saħħtu u Brian aktar determinat." Spjegalna kif bħalissa qed iħossu aktar b'saħħtu, "qabel, wara 4 minuti 'treadmill' kont naqta' nifsi, issa nagħmel siegħa u jkolli nifs tajjeb." Brian, li fil-passat kien jaħdem bħala 'bouncer' f 'żewġ stabbilimenti f 'Paceville, qal li m'għadux jaħdem minħabba l-piż kbir tiegħu, iżda dan irid ibiddlu. Ma jridx li l-piż jibqa' jiddeterminalu ħajtu u saħansitra jwaqqfu milli jkollu impjieg u għalhekk se jibda jagħmel kors fin- nutrizzjoni l-MCAST filwaqt li qed jieħu interess fuq is-suġġett tal-ikel li hu tajjeb għas-saħħa. Mas-sit illum.com.mt Brian sostna li ma jridx jirranġa s-sitwazzjoni tiegħu biss, iżda anke ta' dawk li huma bħalu. Għalhekk fetaħ grupp fuq Facebook bl-isem Malta Body Transformation li diġà għandu 4,200 membru fiha u li qed jitolbu l-għajnuna ta' xulxin dwar riċetti tajbin għas-saħħa u dwar taħriġ filwaqt li jagħmlu kuraġġ lil xulxin. Ħafna minn dawn il- persuni jistaqsu mistoqsijiet importanti għal saħħithom u fejn ma jistax iweġibhom hu, jgħaddi l-mistoqsijiet lil erba' nutrtionists professjonali u reġistrati mill-Istat, li b'mod volontarju jagħtu l-pariri. "Issa żgur ma nistax infalli, għax jekk infalli jien, ifalli l-grupp kbir kollu li ħloqt" temm jgħid Brian 'il-baby' Calleja li talabna wkoll insemmulu l-akbar sponsor tiegħu, Fabian Vella ta' YUE Malta. Wara li s-sit ħareġ l-istorja bdew deħlin numru kbir ta' kummenti għand Brian, uħud biex jagħmlulu kuraġġ u oħrajn għall-għajnuna. F'telefonata lil dan il-ġurnal huwa esprima s-sodisfazzjon kbir tiegħu hekk kif din l-istorja misset, saħansitra, l-qalb t'ommu u t-tfajla tiegħu li jħobbuh b'imħabba liema bħalha. Hu inkoraġixxa lil dawk li dawk li qed jaqraw din l-istorja biex jibdew irabbu l-kuraġġ u d-determinazzjoni biex jieħdu azzjoni u jibdlu ħajjithom. "Qatt mhu tard biex tibdel ir-rotta", temm jgħid Calleja. illum | Il-Ħadd 06 ta' Settembru 2015 "Kont nixrob tmien fliexken vodka fil-ġimgħa u niżen 300 kilo" Brian Calleja magħruf bħala l-'baby' b'determinazzjoni biex ibiddel ħajtu Fi Frar waqt ikla meta s-Sur Joe Farrugia tal-Wise Guys Gym iddecieda li jisponsorjah biex jibda t-triq għal ħajja aħjar Il-mixja tiegħu lejn ħajja aħjar