Illum previous editions

ILLUM 20 September 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/573370

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 39

Il-Ħadd 20 ta' Settembru 2015 | illum 19 BAGALJI U BALAL TEMPORANJI Waħda mill-iskulturi ta' Bruno Catalano bl-isem 'vjaġġaturi' W ara sagħtejn vjaġġ bl- ajru, tinżel minn fuq l-ajruplan u timxi lejn is-sala ta' min ikun wasal. Taqbad ir-ringiela riservata għal dawk imwielda jew ċittadini fl-Unjoni Ewropea, toħroġ il-passaport u bla mistoqsijiet xejn tibqa' dieħel. Imbagħad tiċċekkja liema ċinturin għandu jġorr il- bagalja tiegħek u toqgħod tistennieha ħierġa. Tal-oħrajn diġà ħarġet u diġà telqu. U wara ċertu ħin tintebaħ li l-bagalja tiegħek, dik li qgħadt attent tippakkja b'dak kollu li taħseb li se tiħtieġ waqt il-vaganza, ma ġietx miegħek. U tħossok se tiġġennen. Forsi ddum tistennieha jumejn u meta fl-aħħar dil-bagalja titfaċċa fil-kamra tal-lukanda għoddu jaqbiżlek id-dmugħ bil-ferħ, għax f 'dik il-bagalja għandek dak kollu li taħseb li teħtieġ, għandek id-dinja tiegħek għal dawn il-jiem li ġejjin: tibdila jew tnejn għal kuljum; ħwejjeġ għal filgħodu, oħrajn għal filgħaxija; min jaf kemm-il par żarbun; rigali għal min se jilqgħek jew tiltaqa' miegħu; chargers taċ- ċellulari, tal-laptop; spapen u ingwenti u pilloli għal li jista' jinqala'; fwejjaħ; borża sħiħa bl-aċċessorji għal-leħja, għall- make up; ġojjellerija sħiħa; eċċetra. Katyn, il-film tal-2007 tar- reġista Pollakk Andrzej Wajda, jibda b'xena ta' sħab iswed, folt, jinġema', metafora użata kemm-il darba tal-għawġ, f 'dal-każ politiku, li qiegħed jinġema'. Is-sħab jinbidel f 'duħħan u minnu titfaċċa folla kbira ta' nies, f 'nofs pont, li għadha kemm ħarbet minn darha fi triqitha lejn Varsavja. Il-folla mħallta: tfal, ommijiet, xjuħ li f 'daqqa waħda sabu rwieħhom fit-triq, maqbudin f 'punt li fih ma jafux il-futur tagħhom. Waqt il-passi meqjusa lejn Varsavja, xi ħadd min-naħa l-oħra tal-pont iħeġġeġ lil dawn il-maħrubin iduru lura lejn id-direzzjoni opposta: min-naħa hemm l-oppressjoni Nazista, minn oħra l-invażjoni Sovjetika. Il-kameras ta' Wajda, minbarra fuq l-uċuħ mimlija tensjoni, jiffukaw fuq żewġ affarijiet oħra: ir-riġlejn ta' din il-folla u l-bagalja li kull persuna qiegħda ġġorr. Ir-riġlejn jieħdu s-sinifkat tal- istrumenti tal-mixi; il-bagalja hija d-dar, l-istorja ta' dak li jkun, ippakkjata, marsusa malajr malajr fil-mument meta wieħed jiddeċiedi li jitlaq. Il-folla fil-bidu tal-film ta' Wajda qiegħda taħrab, il-mixi mhuwiex passiġġata bħala mogħdija ta' żmien imma ħarba ddisprata (bħalma juru l-uċuħ) mill-aggressjoni. Il- bagalja hija d-dinja magħmula żgħira, verżjoni mikroskopika ta' dak li kienet qabel. Refuġjati: nies li ma jkollhomx għażla għajr li jippakkjaw dak li jistgħu f 'bagalja u jitilqu l-bqija warajhom u jimxu lejn il- mhux magħruf, lejn orizzonti mċajpra ħafna (bħax-xena fil- bidu tal-film ta' Wajda), b'pass mimli inċertezzi u dubji. Waqt li l-mixja ssarraf fit-tbatija fiżika, id-dubju jagħfas u jġiegħel lir-refuġjat ibati tbatija psikoloġika u emozzjonali li tkompli tagħmel l-affarijiet verament diffiċli. Hemm dejjem il-biża' li fil-fruntiera se titwaqqaf, se tintbagħat lura, m'intix se tiġi rikonoxxut, se ssib il-bieb imsabbat ma' wiċċek. U anki jekk il-fruntiera ssibha miftuħa u titħalla tibqa' miexi, hemm dejjem il-biża' li fejn sejjer mhux se jkun akkoljenti, li n-nies se jobogħduk għax int barrani, ġejt mill-bogħod, spustjat minn darek, skonoxxut. Kont qiegħed naħseb fuq dawk l-iskulturi tassew impressjonanti tal-artist Franċiż b'oriġini Marokkina, Bruno Catalano. Catalano huwa magħruf l-aktar għal serje ta' skulturi intitolata 'Vjaġġaturi', li tfaċċat għall- wiri f 'Marsilja meta sentejn ilu din kienet il-belt kapitali Ewropea tal-Kultura. Dawn l-iskulturi juru nies mixjin, iġorru bagalja. Il-partikolarità tax-xogħol ta' Catalano hija li l-figuri tiegħu għandhom partijiet minn ġisimhom niqsin. Ġeneralment hija l-parti tan-nofs, mis-sider sal-irkupptejn li huma nieqsa. Il-ġenju ta' Catalano joħroġ meta dawn il-figuri jitqiegħdu f 'ambjenti speċifiċi b'tali mod u manjiera li l-ambjent, il- lokal, jieħu post il-parti nieqsa tal-figura u l-isfond ma jibqax mitluf fl-isfond. Il-ponn jaħfen il-manku tal- bagalja, il-wiċċ li jħares b'mod intensiv u r-riġel mixħut 'il quddiem hu u jagħti l-pass, juru l-intenzjoni tal-vjaġġatur li jitlaq minn post biex jasal f 'ieħor. Il-bagalja ppakkjata tikkuntrasta mal-parti l-vojta tal-figura, sakemm ma tħarisx lejn dak il-vojt b'mod ieħor. Il-vojt tal-figuri ta' Catalano huwa n-nuqqas li dak li jkun iġorr miegħu meta jitlaq dak li kellu, forsi anki hekk, ħabta u sabta. Ir-refuġjat, irid jew ma jridx, ikollu jġorr il-vojt miegħu minbarra dik il-bagalja. U jasal fejn jasal, jasal kif jasal, il-vojt isir realtà li ebda akkoljenza ma tista' timla. Jiġuni quddiem għajnejja memorji tax-xeni li konna naraw fl-aħbarijiet fis-snin disgħin waqt il-gwerer fl-eks Jugoslavja: ix-xeni ta' nies mixjin fi ġgajtiet, bin-nisa jerfgħu lit-tfal u l-irġiel iġorru x-xjuħ fuq daharhom. Dejjem kienu jiġu dawn il-filmati ta' nies b'għajnejhom jixħtu dik il-ħarsa vojta, bit-tfal dejjem jibku, u l-kbar ixenglu rashom għax ma jafux x'laqathom bħal sajjetta fil-bnazzi. M'ilux daqstant li rajniehom dawn ix-xeni. U qegħdin nerġgħu narawhom: l-esodu massiv minn art imfarrka lejn orizzont imċajpar bis-sħab iswed jinġema' fuqu. Kienu ħafna li ħassew qalbhom tingħafas u ħadu azzjoni. Rajna filmati ta' nies iqassmu l-ikel, jew irikkbu lir-refuġjati li wara jiem fl-istazzjoni tal-ferrovija f 'Budapest telqulha għal għonq it-triq lejn l-Awstrija. Rajna filmati ta' strixxuni fil-grawnds tal-futbol jagħtu merħba lir-refuġjati. Anki fuq il-pont tal-Marsa deher strixxun b'messaġġ simili. Imma mbagħad hemm il-krudeltà: il-krudeltà ta' nies, ta' xi ħadd jgħix komdu f 'xi metropoli Ewropea, idaħħal salarji li ħaddieħor lanqas biss jaf jimmaġina, li l-messaġġ tagħhom hu li għandhom jingħalqu l-fruntieri ħalli dawk li jimxu bil-bagalja jsibu ħajt samm ma' wiċċhom u jkollhom idawru denbhom bħan-nemel li ma jistgħux isibu triqthom, u l-forzi tal-ordni jippuntaw l-azzarini u jiftħu n-nar fuq dawn l-itturufnati, il-foqra ta' bla saqaf fuq rashom. Miżuri temporanji, sparar temporanju, xi mewta 'l hemm u 'l hawn .. u iva! Hawn min hu biżżejjed bla qalb, bla demm fil-vini, li lest jipproponi l-balla minflok il- merħba. Immanuel mIFSuD "Il-krudeltà ta' nies, ta' xi ħadd jgħix komdu f 'xi metropoli Ewropea, idaħħal salarji li ħaddieħor lanqas biss jaf jimmaġina, li l-messaġġ tagħhom hu li għandhom jingħalqu l-fruntieri" "Il-bagalja hija d-dar, l-istorja ta' dak li jkun, ippakkjata, marsusa malajr malajr fil- mument meta wieħed jiddeċiedi li jitlaq"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 20 September 2015