Illum previous editions

ILLUM 20 September 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/573370

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 39

20 illum | Il-Ħadd 20 ta' Settembru 2015 L i kieku l-futur tal-gżira tagħna jiddependi biss fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa allura wieħed jista' jkollu t-tentazzjoni li jikkonkludi li għal Għawdex m'hemmx futur. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed joħroġ ċar il-fatt li d-demm żagħżugħ qed jonqos minn fuq il-gżira u allura dan ser iwassal għar-realtá li Għawdex ser ikun kostitwit primarjament min- nies li huma ta' età medja jew anzjani. Forsi din hija r-raġuni għaliex bosta mill-politiċi qed jindirizzaw il-ħidma tagħhom madwar il-ħtiġijiet ta' din il-kategorija filwaqt li dawk il-ftit li huma tassew ikkonċernati dwar il-futur tal-gżira ta' Għawdex qed jiġu injorati jew inkella huma stess qegħdin sempliċement jaqtgħu qalbhom. Minkejja li bosta fi ħdan il-ġerarkiji politiċi u amministrattivi jinsistu li għandu jkun hemm approċċ direzzjonali li jixpruna l-kummerċ, fil-verità dak li jagħmlu huwa ferm differenti minn dak li jipprietkaw! Fir- realtá ħafna minnhom ma jirnexxilhomx jippromwovu u jmexxu 'l quddiem ideat intraprenditorjali u kreattivi ġodda iżda jidher li qed jiġu aktar iffaċilitati investituri barranin jew inkella negozji li huma diġá stabbiliti lokalment, li aktar iwassal biex ikabbar il-qligħ ta' dawn, milli biex iżid l-opportunitajiet tax-xogħol. L-impożizzjoni ta' taxxi u regolamenti żejda fir-rigward ta' attivitajiet kummerċjali u intraprenditorjali ġodda jxekklu aktar milli jsaħħu l-approċċ direzzjonali favur il-kummerċ u żgur li huma ta' detriment fir-rigward ta' intraprendituri u negozjanti żgħażagħ. Ftit li xejn qed isir biex jinkoraġġixxi aktar żgħażagħ isiru imprendituri. Minbarra li għandhom anqas esperjenza u anqas riżorsi disponibbli, dawk li qed jippruvaw jibdew negozju ġdid iridu jaraw kif se jkunu konformi ma' għadd ta' liġijiet u regolamenti minbarra li jridu jħabbtu wiċċhom mal-ambjent kompetittiv ħarex li jeżisti fis- suq. Meta wieħed jikkunsidra dan ix-xenarju jintebaħ li huwa kważi impossibbli li wieħed jitħajjar jibda negozju f 'Għawdex. Għalhekk l-adozzjoni ta' sistema ta' kummerċ ħieles għall-kuntrarju ta' aktar kundizzjonijiet u żieda ta' burokrazija, għandha potenzjal li eventwalment twassal biex jiżdiedu attivitajiet kummerċjali li jwasslu biex joħolqu l-opportunitajiet ta' xogħol tant meħtieġa f 'Għawdex. L-iffaċilitar ta' aktar attivitajiet imprenditorjali fis-suq mhux biss iwassal biex jiġu introdotti ideat ġodda, iżda jsaħħaħ ukoll il-kompetizzjoni li toffri għażla aktar wiesgħa ta' prodotti u servizzi għall- konsumatur. Sistema bħal din tista' tkun opportunità valida u sostenibbli li twassal biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' xogħol kemm f 'Għawdex kif ukoll f 'Malta. Fid-dimensjonijiet territorjali limitati ta' pajjiżna, huwa faċli li jinħolqu monopolji naturali, u għalhekk li wieħed jinjora jew ixekkel negozji ġodda, żgur li mhux ser inaqqas dan ir-riskju. L-impożizzjoni ta' għadd ta' kundizzjonijiet u regolamenti fuq negozji ġodda huwa ta' detriment anke fuq livell nazzjonali aħseb u ara f 'Għawdex, b'ekonomija nieqsa minn riżorsi naturali li tiddependi fuq settur turistiku li minħabba l-elementi staġjonali huwa attiv biss f 'ċertu perjodi matul is-sena. Għawdex qatt ma jista' jirnexxi jekk iż-żagħżagħ Għawdxin ma jitħallewx jikkompetu fuq l-istess livell. Jeħtieġ li l-gżira tirriforma ruħha possibilment billi tiġi introdotta sistema ta' governanza innovattiva u simplifikata, li tirrifletti l-istat tad-dritt filwaqt li tixpruna industrijalisti u intraprendituri żgħażagħ minbarra li tattira wkoll investituri barranin. Dan imsaħħaħ b'viżjoni ħolistika li tfittex li tkompli tibni u ssaħħaħ il-koperazzjoni bejn id-diversi Ministeri tal-Gvern Ċentrali u l-partijiet interessati kollha fuq iż-żewġ gżejjer. Dak li ġara fis-snin ta' wara l-1987 huma xhieda ċara tal-ġid u r-riżultati pożittivi li jistgħu joħorġu minn din il-viżjoni. Il-burokrazija u l-intervent tal-Gvern mhix xi problema ġdida, għaliex saħansitra madwar 600 mitt sena ilu l-Għawdxin saqqfu wiċċhom ma' sitwazzjoni simili kontra l-ħakkiem Aragoniż li tefa' fuq il-poplu Malti piż tqil ta' taxxi żejda u kienu l-Għawdxin li bdew ir-rivoluzzjoni li wasslet għall-Magna Carta Libertatis, liġi li mhux biss ibbenifikaw minnha huma imma wkoll dawk kollha li ġew warajhom. Filwaqt li Malta qed tgawdi grazzi għall-kumpaniji ġodda li ġejjin mis-settur finanzjarju u dak tal-gaming, Għawdex għadu nieqes mill-infrastruttura meħtieġa biex ikun jista' jgawdi wkoll il-benefiċċji ta' dawn is-setturi ġodda – nuqqasijiet bħal ma' huma l-fibre optic, servizz ta' trasport marittimu mgħaġġel, u ajruport. Biex Għawdex ukoll ikun jista' jgawdi mill-benefiċċji ta' oqsma u setturi kummerċjali ġodda jeħtieġ li Malta tilliberalizza l-liġijiet tagħha u tnaqqas il-kontrolli żejda li huma ta' xkiel għall-pajjiż biex dan ikun jista' jikkompeti fis-swieq internazzjonali. F'dak li jirrigwarda libertajiet ekonomiċi, Malta għandha timxi fuq l-eżempju ta' pajjiżi bħal Hong Kong u Singapore fejn ġew eliminati għal kollox restrizzjonijiet żejda biex twessgħet it-triq favur suq ħieles u miftuħ. Statistiċi ppublikati dan l-aħħar dwar l-indiċi tal-libertà ekonomika, juru li Malta tinsab fil-qiegħ tal-lista f 'dak li għandu x'jaqsam ma' libertajiet ta' din in-natura, tkarkar wara l-maġġor parti tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea. F'pajjiż fejn il-libertajiet personali jikkumplimentaw is-suq ħieles hemm aktar possibiltà għall- prosperità. Hawn nixtieq niċċara li b'libertajiet personali ma rridx infisser għal ideat u approċi populisti ta' 'kollox b'xejn' jew 'nagħmel li rrid'. Malta tista' toffri libertajiet personali li jikkumplimentaw suq ħieles. Dan irid isir għaliex wara kollox, huwa grazzi għall- klassi produttiva li Malta hija kapaċi żżomm l-istituzzjonijet soċjali, minbarra l-ħaddiema fis-settur pubbliku u l-Gvern innifsu. Bħala Għawdxi, nemmen li l-Għawdxin għandhom rieda qawwija li jaħdmu, jirnexxu u jiksbu riżultati għalihom u għal gżirithom. Nemmen li jekk ningħataw l-għodda u l-opportunitajiet meħtieġa, nirnexxu żgur. Bħala kandidat ġdid li ser inkun qed nikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali li jmiss għar-reġjun ta' Għawdex, l-għan tiegħi ser ikun li naħdem u nagħmel dak kollu possibbli biex nilħaq dawn l-objettivi biex b'hekk nistabilixxu bażi soda li toffri opportunitajiet għall- klassi produttiva żagħżugħa ta' Għawdex. B'hekk dawn iż-żagħżagħ intraprendituri jingħataw l-opportunità meħtieġa biex jaraw l-ideat u l-objettivi tagħhom imwettqa fil-prattika bil-ħila tagħhom. B'dan il-mod ikunu jistgħu jgawdu r-riżultat tal-ħidma tagħhom fl-art li ħallewlna missirijietna, u ma jkollomx biss l-għażla li jfittxu opportunitajiet ta' xogħol bnadi oħra. Fi kliem sempliċi din il-ħidma għandha l-għan li tassigura futur f 'Għawdex għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' żgħażagħ Għawdxin. Illum, li resqin qrib tmiem l-2015, nistgħu verament ngħidu li jeżisti pjan direzzjonali għal Għawdex? Jew pjuttost Għawdex tħalla barra minn kull pjan ta' azzjoni li jista' jwasslu x'imkien aħjar minn fejn jinsab illum? Ryan Mercieca huwa kandidat ġdid għall-PN fuq Għawdex Il-Punt Jeżisti pjan direzzjonali għal Għawdex? Ryan meRcieca "Biex Għawdex ukoll ikun jista' jgawdi mill- benefiċċji ta' oqsma u setturi kummerċjali ġodda jeħtieġ li Malta tilliberalizza l-liġijiet tagħha u tnaqqas il- kontrolli żejda" Meta wieħed jikkunsidra dan ix-xenarju tan-negozju jintebaħ li huwa kważi impossibbli li wieħed jitħajjar jibda negozju f 'Għawdex

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 20 September 2015