Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/573370
22 illum | Il-Ħadd 20 ta' Settembru 2015 I lni noqgħod ir-Rabat għal dawn l-aħħar 27 sena. F'27 sena rajt ir-Rabat jinbidel b'mod rapidu. Minn wieħed li fih kont għadek tista' tilmaħ l-istil ta' ħajja rurali, għal wieħed li kważi sar ċentru ta' konsum. Għalqu ħwienet tat-titotla u fetħu flokhom oħrajn moderni. Waqgħu djar antiki, u flokhom telgħu blokok ta' appartamenti mingħajr gost. Fi ftit kliem, it-trasformazzjoni mhix waħda għall-aħjar, iżda għall-agħar. Dak li ġara fir-Rabat, m'għandi ebda dubju li ġara f 'ħafna irħula u bliet madwar Malta. Kieku dak li qiegħed jieħu post dak li konna nafu bih ilbieraħ, huwa progress estetiku, kieku ma fiha xejn. Iżda pjuttost qiegħed jiġri bil-kuntrarju. Anke jekk kważi 30% tal-postijiet mibnija, huma battala! Kull meta nħares madwari, nilmaħ foresta ta' krejnijiet għaliex ma tilħaqx tinbena blokka, li ma taqax ta' ħdejha. Meta nilmaħ dawn il-krejnijiet, inkun naf li qed tinqered xi ħaġa. Waħda mill-problemi kbar li għandna hi, li l-industrija tal-bini f 'pajjiżna hija waħda mill-akbar kontributuri għall-ġid nazzjonali. Veru li tiġġenera l-impiegi. Veru wkoll li fiha jsir ħafna investiment. Veru wkoll li jekk illum għandek post, tista' tikrieh tajjeb u jpattilek għall-pensjoni miżera li se tirċievi. Iżda huwa veru wkoll li l-bini kontinwament tiela' kemm vertikalment u kif ukoll orizzontalment, qiegħed inaqqar mill-kwalità tal-ħajja tagħna. Minbarra dan, aktar bini u aktar żvilupp li jiekol minn art verġni taħt xi skuza jew oħra, ser fit-tul jeffetwa l-industrija tat-turiżmu. Ma nafx min se jkun li jiġi Malta biex jgħaddi vaganza qalb il-ġebel u l-konkos. Fi gżira ftit akbar minn Lilliput, sar hawn aktar petrol stations u mega supermarkets minn kemm kien hawn knejjes. Qatt ma fhimt kif f 'distanza ta' anqas minn kilometre, jekk mhux ukoll faċċata ta' xulxin, ikollok erba' petrol stations, meta d-distanzi li għandna f 'pajjiżna paragunati ma' dawk ta' barra minn Malta, kważi kważi tista' timxihom. Inħossni insultat kull meta nilmaħ għalqa qed tinqala' biex flokha nibnu petrol station, li hija binja sinonima ma' xi ħaġa li tniġġes. Kull meta mmur l-Imġarr jew ngħaddi minn taħt l-Imdina u niftakar, li fejn darba kien hemm għalqa f 'ODZ, issa hemm petrol station, inkun irrid naqbad nibki. Irridu nkunu boloh neqirdu n-natura biex flokha nibnu xi ħaġa li hija antiteżi...u meta ma hemmx bzonnha. Dan jingħad ukoll għall-ħafna mega supermarkets li nbnew u jidher li għad hemm min irid jibnihom, bħalma ġara fil-każ ta' Ħal-Kirkop. Hija sfortuna li għandna din il- mentalità li kull fejn hemm biċċa raba', kieku nista', nibnieha. Nifhem li kulħadd irid isir sinjur u kemm jista' jkun mil-lum għal għada, izda li dan isir bi prezz soċjali u anke ekonomiku, ma naqbel xejn magħha. Min irid isir sinjur jew ikompli jsir sinjur, għandu jaħdem u jistinka, iżda raba' verġni għandha tibqa' barra mill-istorja. L-aktar ħaġa faċli hi li jkolli biċċa raba' ma tiswa xejn, u presto jinħareġ permess għal petrol station u nsir, ejja ma ngħidux sinjur, iżda żgur aħjar minn kif inkun. Dik ħila u kapaċità! In-negozju trid taħdem għalih jew jekk tkun xortik tajba, tirtu. Iżda kultant, l-iżvilupp f 'waqtu jġib ukoll il-vantaġġi kollaterali tiegħu. Fejn noqgħod jien, qegħdin jinqalgħu t-toroq kollha. Xogħol li jrid isir minkejja t-trabijiet u l-inkonvinjenti li dan iġib miegħu. Is-soltu, d-dehra ta' gaffa jew bajla tal-konkos isewduli qalbi, izda f 'din l-okkazjoni, ħadt pjaċir. Ftit 'il bogħod minn fejn sabu triq Rumana, sabu qabar Puniku bi kwantità ta' skeletri u artefatti li għadhom intatti. Sejba sabiħa u interessanti. F'qalbi għedt li għal darba, il-magni tat- tħaffir u skavar għamlu biċċa xogħol tajba fejn normalment xogħol ma jsirx. Toni AbelA "Inħossni insultat kull meta nilmaħ għalqa qed tinqala' biex flokha nibnu petrol station, li hija binja sinonima ma' xi ħaġa li tniġġes" Dil-pompa kollha