Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/573370
Il-Ħadd 20 ta' Settembru 2015 | illum 21 L -elezzjoni ta' Jeremy Corbyn bħala mexxej tal- Partit Laburista Ingliż heżżet mill-qiegħ il-politika Inġliża. Ħolqot ukoll dibattitu dwar kemm jagħmel sens għal- laburiżmu Inġliż li jagħti iktar każ tal-għeruq tiegħu ħafna iktar milli għamel sal- lum. F'nofs il-kampanja għall- mexxej Laburista, seħħ fatt li kellu impatt mhux żgħir fuq il-kampanja. Il-Gvern Ingliż ressaq għad-diskussjoni fil- House of Commons liġi dwar is-serviżżi soċjali imsejħa l-Welfare Bill. L-aġent mexxej tal-Laburisti Ingliżi, Harriet Harman, tat direttiva lill-grupp parlamentari biex jastjeni meta ssir il- votazzjoni fl-istadju tat-tieni qari. L-abbozz ta' liġi hi parti minn strateġija tal-Gvern konservattiv Ingliż biex jibda jżarma l-welfare state. Il- Partit Laburista Ingliż ħassu f 'morsa. Imma 48 mill-Membri Parlamentari Laburisti sfidaw id-direttiva tal-Partit tagħhom u xorta vvutaw kontra. Fosthom kien hemm Jeremy Corbyn, l-unika wieħed mill-erba' kandidati għat-tmexxija li għamel hekk. L-oħrajn baxxew rashom. Ma kinitx l-ewwel darba għal Jeremy Corbyn li rribella u għamel ta' rasu waqt votazzjoni. Milli qrajt, din l-istorja għamilha madwar 533 darba kemm ilu membru parlamentari, f 'mumenti fejn fuq punt ta' prinċipju deherlu li kellu jivvota differenti. Il-Partit Laburista Ingliż issa huwa mmexxi minn ribell. Għax irribella kull meta l-kuxjenza iddettatlu linja differenti minn dik tal- partit, Corybn hu bniedem li japprezza iktar il-valur tad-diskussjoni interna fil- partit. Diskussjoni li tibda mill-għeruq u titla' 'l fuq ftit ftit sakemm twassal għal deċiżjoni. Dan jikkuntrasta ħafna mal-mod kif ħafna drabi jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-politika: jittieħdu fuq nett, u jkunu imposti fuq l-għeruq. Dan kollu jagħti kredibbiltà ikbar lil Jeremy Corbyn fl-argumenti li żviluppa waqt il-kampanja għat- tmexxija dwar il-ħtieġa ta' demokratizazzjoni ikbar tal- partit. Irnexxielu jimmotiva ħafna nies u kulħadd jattribwixxi lilu, l-mewġa kbira ta' membri ġodda li resqu lejn il-Partit Laburista Ingliż f 'dawn l-aħħar ġimgħat. Dawn huma kollha persuni li emmnu li Jeremy Corbyn irid li l-Partit Laburista Ingliż, ikun il-partit li jismagħhom kif ukoll li jkun il-vuċi tagħhom. Wegħda li rnexxielu jimplimenta fl-ewwel ġranet tiegħu bħala mexxej bil-mod sempliċi imma dinjituż kif ħa sehem fil-Prime Minister's Question Time nhar l-Erbgħa. Irċieva 'il fuq minn 40,000 email bi proposti u mistoqsijiet li minnhom għażel sitta dwar temi ta' politika soċjali attwali fir-Renju Unit. Corbyn ġie elett għax wassal messaġġ ċar dwar l-awtentiċità politika tiegħu: li hu jaġixxi skont dak li jemmen u mhux skont kif jaqbel. Il-Partit Laburista Inġliż għandu dilemma li għadu ma sabx mod kif isolviha mingħajr ma jxellef dak li jemmen. Ix-xellug Ingliż hu maqsum u huwa rappreżentat minn diversi partiti. Dan hu ppenalizzat mis-sistema elettorali Ingliża tal-first past the post, fejn il-Ħodor, per eżempju kisbu miljun vot, imma siġġu parlamentari wieħed fil-waqt li l-partit skoċċiż SNP bi ftit inqas minn miljun u nofs vot ikkonċentrati fl-Iskozja, rebħu 56 siġġu parlamentari. Rapport dwar l-elezzjoni ġenerali Ingliża ta' Mejju li għadda ippubblikat din il-ġimgħa u intitolat 'Learning the right lessons from Labour's 2015 defeat' jidentifika, fost l-oħrajn li l-voti li l-Labour Ingliż rebaħ f 'xi kostitwenzi mingħand kandidati liberali swew biex dawn tilfu s-siġġu u dan intrebaħ mill-Partit Konservattiv. Dan ġara f 'numru ta' kostitwenzi u spiċċa biex dgħajjef lill-alleati potenzjali tal-Partit Laburista Ingliż. Dan trid tarah fid-dawl tar- riżultati elettorali miksuba tul is-snin fejn qabel ma tfaċċa Tony Blair, il-Labour Ingliż meta rebaħ, għamel dan bit-tqanżieh. Blair kien rebaħ b'mod komdu tliet elezzjonijiet wara xulxin. Dan sar għax Blair trasforma l-Partit Laburista Ingliż minn wieħed ibbażat fuq twemmin soċjalista għal wieħed fejn iktar ta importanza lill- politika neo-liberali b'mod li għal żmien mhux qasir, ma kienx jingħaraf mill-Partit Konservattiv Ingliż. Fi ftit kliem, bosta jqisu li l-Partit Laburista Ingliż fi żmien Tony Blair biegħ ruħu. Din hi l-bidla mill-qiegħ li tfisser l-elezzjoni ta' Jeremy Corbyn. Il-Partit Laburista Ingliż irid ruħu lura! L-ideat ta' Corbyn ġew imfissra minn uħud bħala li jikkundannaw lill-Partit Laburista Ingliż għal snin twal fl-Oppożizzjoni. Għax għal dawn, dak li temmen huwa sekondarju. L-importanza hi fl-istrateġija, fis-soundbites u fil- komunikazzjoni orkestrata u mhux fl-awtentiċità politika tat-tmexxija. Issa ma rridx li ninftiehem ħazin: il-metodu kif il- politiku jikkomunika huwa importanti ħafna. Peró, m'għandux u qatt mhu meħtieġ li jkunu sagrifikati l-prinċipji fuq l-altar tal- popolarità. Din hi l-isfida li għandu quddiemu Jeremy Corbyn. Iżda hi sfida li jista' jegħliba minkejja l-antagoniżmu tal-grupp parlamentari li hu mdawwar bih. Iċ-ċavetta jsibha, mhux biss fl-għeruq tal-partit li tawh l-appoġġ massiċċ tagħhom imma wkoll billi jibni pontijiet ma' dawk il-partiti politiċi li jqarrbu l-iktar lejn l-ideat u l-ideali tiegħu. Għax hu possibli li l-prinċipji u l-istrateġija jimxu id f 'id. L-awtur hu Perit u Viċi Chairman ta' Alternattiva Demokratika. cacopardocarm@gmail.com, http://carmelcacopardo. wordpress.com Kif Naħsibha Bejn prinċipji u strateġija Carmel CaCopardo Corybn hu bniedem li japprezza iktar il-valur tad-diskussjoni interna fil-partit "Il-Partit Laburista Ingliż issa huwa mmexxi minn ribell. Għax irribella kull meta l-kuxjenza iddettatlu linja differenti minn dik tal-Partit" "Fi ftit kliem, bosta jqisu li l-Partit Laburista Ingliż fi żmien Tony Blair biegħ ruħu"