Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/573370
Il-Ħadd 20 ta' Settembru 2015 | illum 25 Editorjal ILLUM, MedIaToday LTd, VjaL Ir-rIĦan, San Ġwann SĠn 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Opportunist ... sakemm ma ddurx magħna F 'dan il-pajjiż fejn kollox hu iswed u abjad, u fejn il-griż ma jeżistix, jew nagħmlu tabirruħna li ma ndunajnix bih, iż-żewġ partiti politiċi, minkejja l-ħafna paroli, għadhom ma fehmux lil dak is-settur li fih hemm eluf ta' votanti li minflok jiġru wara partit bħan-nagħaġ ta' Bendu u minflok dejjem lesti jiddendlu rashom l-isfel għall-partit, jaħsbu b'moħħhom qabel jivvutaw. Qed nirreferu għal dawk li qabel kienu jissejħu floating voters u li mill- aħħar elezzjoni ġenerali lil hawn qed insejħulhom switchers. Fl-2013 eluf kbar ta' votanti li normalment kienu jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista ddeċidew, kif inhu d-dritt sagrosant tagħhom, li jivvutaw lill- Partit Laburista. Ħafna minn dawn il-votanti kienu ddejqu, sal-ponta ta' mneħirhom bl-arroganza, bl-inefiċċjenza u bi Prim Ministru u kabinett li bdew deħlin fi sqaq wara l-ieħor u magħhom bdew idaħħlu pajjiż. Naturalment il-PN ma tantx ħa pjaċir b'din l-emorraġija u bosta kelliema tal-partit, f 'bosta okkażjonijiet, għamluha pjuttost ċara li ma kinux qed jaraw lil dan is-settur ta' votanti f 'dawl sabiħ. Il-PN ġab kull skuża imaġinabbli biex jispjega għalfejn eluf abbandunawh; min għax ried jakkwista, min għax opportunist, min għax ħalla lil Muscat jidħak bih, min għax kriminal u ried lil min jipproteġih, min għax ried impjieg, u l-lista tkompli. Ara li forsi kien il-PN stess li wassal biex eluf tawh darhom, dik ftit li xejn għaddiet mill-garigori ta' moħħhom. Il-kampanja tal-PN, kemm uffiċjalment kif ukoll, jekk mhux aktar, permezz ta' artikolisti u opinjonisti qribu, kienet waħda ta' demonizzar bla skrupli fuq kull min ma baqax Nazzjonalist u għamilha pubblika. U sa fejn l-iddemonizzar ma jwassalx biżżejjed fuq l-individwu, niftħu l-attakk ukoll fuq sħabu, qrabatu jew familtu. Imma f 'daqqa waħda, oħroġ il-għaġeb, dak it- tip ta' votant li kien bla prinċipji u opportunist tal- prima klassi, issa sar tajjeb biex neħduh f 'diskussjoni, inċapċpulu u nilqgħuh ta' eroj. Il-PN għamel kritika qawwija, u ngħidu aħna ġusta wkoll, hekk kif numru minn dawk li ħarġu għonqhom għall- Partit Laburista spiċċaw raw buthom u l-fortuni tagħhom jikbru bil-kbir. Simon Busuttil deher pjuttost konvinċenti fil- kritika tiegħu dwar persuni li f 'daqqa waħda bdew jieklu b'ħames t'iħluq, kritika li niżlet tajjeb mal- votant onest, fosthom mal- iswitcher. Għalhekk insibuha pjuttost sorprendenti li wara dik l-għagħa kollha, l-istess partit jidher li qed jakkomoda votanti li lesti jaqbżu minn partit għall- ieħor strettament fuq il-bażi ta' diżappunt personali jew għax ma nqdewx. U l-PN x'se jagħmel jekk ikun fil-Gvern? Kull Laburist li ma ngħatax impjieg, anke jekk ma ħaqqux, se jagħmel ċirklu bih imbagħad itih xogħol mal-Gvern? Kull min pretenda li jieħu xi post tal-Gvern sempliċement għax Laburist, il-PN se jċapċaplu u jtih iċ-ċwievet ta' xi appartament mingħajr ħlas l-għada li jidħol Kastilja? U l-Partit Laburista jaħti ħafna wkoll ta' dan għax għamel l-iżball kbir li ħaseb li kull min deher jew ħareġ għonqu għalih, għamel hekk għax ried xi ħaġa lura. Il-bonanza ta' kuntratti u impjiegi imqassmin daqs il-pastizzi lil tal-qalba u lil numru ta' eks Nazzjonalisti, darrset bl-ikrah, mhux biss lill-poplu in ġenerali imma lil ħafna Laburisti wkoll. Sfortunatament, il-Partit Laburista u min aċetta li jimla ħalqu bl-ewri taw impressjoni li kulħadd għall-bejgħ u kulħadd lest jinxtara. Hija pjuttost traġika li l-PN, minflok jara li ma jirrepetix dan l-iżball, fetaħ l-istaġun tal-kaċċa fuq dawk il-votanti li qed ifittxu refuġju għax minn dejjem kienu Laburisti u ħasbu li dan ċertifikat biżżejjed biex tippretendi u taqla'.