Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/576898
18 illum | Il-Ħadd 27 ta' Settembru 2015 N ibda biex ngħid li bejn wieħed u ieħor, persuna minn kull 400 jesperjenzaw sentimenti transesswali qawwijin (Wilson, 2005). Għal kull raġel (bijoloġikament) li jħoss ħsibijiet trans hawn tliet nisa (bijoloġikament) li jesperjenzaw dawn l-istess ħsibijiet (Task Force on Gender Identity and Gender Variance, 2008). Mingħajr ma nidħol f 'ħafna dettal tal- erba' komponenti li jagħmlu l-identità sesswali, tlieta minn dawn l-erba' komponenti huma l-identità tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali kif ukoll is-sess. Dawn huma it-tliet komponenti, li jista' jkunu relatati, imma mhux bilfors, huma dipendenti fuq xulxin. Nibda biex ngħid li l-orjentazzjoni sesswali tirreferi għall-ġibda erotika u romantika li persuna jkollha għall-istess sess (omosesswalità/gay), lejn is-sess oppost (eterosesswalità/ straight), lejn iż-żewġ sessi (bisesswalità) jew lejn l-ebda sess (asesswalità). Dan tal- aħħar għadu kunċett ġdid li għadna qegħdin nibdew nistudjawh f 'ħafna iżjed dettall. Inkompli billi ngħid li s-sess u l-ġeneru tal-persuna huma żewġ termini relatati biss, imma differenti fit-tifsira tagħhom. Is-sess bijoloġiku jirreferi għall-anatomija tal-persuna. Tipikament, xi ħadd li huwa bijoloġikament raġel ikollu pene u testikoli. Mill-banda l-oħra, xi ħadd li huwa bijoloġikament mara, ikollha vaġina u ovarji. Mill-banda l-oħra, il-ġeneru huwa ankrat iżjed fil-kultura u l-ambjent soċjali li fih ngħixu. Ħafna kulturi madwar id-dinja għandhom normi u attivitajiet soċjali li huma assoċjati man-nisa jew l-irġiel biss. Per eżempju pupi u make- up huma relatati mal-bniet, filwaqt li karozzi u xi ballun huma aktar assoċjati mas- subien. Similarment, it-tfal jistgħu jkunu mrobbija b'ċertu mod u manjiera biex bħala adulti jieħdu rwoli speċifiċi, biex jaġixxu u jġibu ruħhom b'ċertu mod, jew anke biex jaspiraw għal xogħlijiet li huma kulturalment relatati mal- ġeneru tagħhom. Fid-dawl ta' dan, persuna tista' tkun bijoloġikament raġel, imma tħoss li għandha taderixxi (iġġib ruħha, inkluż fl-ilbies u fl-attitudni tagħha) għall-ġeneru femminili. Fl-istess waqt, din il- persuna ssejjaħ lilha nnifisha eterosesswali (straight), minħabba li tħossha attratta lejn l-irġiel. Dan huwa eżempju kemm it-termini identità tal- ġeneru u orjentazzjoni sesswali allavolja jistgħu jkunu relatati, mhux dejjem jiddependu fuq xulxin. Biex inkompli inżid ma' dan f 'termini ġenerali, il-kelma transgender tirreferi għal dawk in-nies li jidentifikaw ruħhom differenti mis-sess bijoloġiku tagħhom. Per eżempju, persuna transgender li hija bijoloġikament mara tista' tħoss li l-identità maskili hija aħjar għaliha. Għaldaqstant, il-persuna jista' jkun li tħossha aħjar jekk: Tuża isem ta' raġel minflok isem ta' mara (eżempju - Ċikku minflok Ċikka) Tuża pronomi maskili minflok pronomi femminili (huwa flok hija) Tilbes bħal raġel Tagħżel li tieħu sehem f 'attivitajiet li kulturalment jieħdu sehem fihom l-irġiel. Tuża fwieħa tal-irġiel flok tan-nisa Mill-banda l-oħra persuna transesswali hija xi ħadd li fiżikament jagħżel li jagħmel it-tranżizzjoni minn raġel għal mara jew bil-kontra. Hi (jew hu) jista' jagħti l-każ li tieħu/ jieħu ormoni biex twaqqaf milli tkompli tiżviluppa karatteristiċi tal-ġeneru bijoloġiku tagħha bħal-leħja per eżempju, jew biex tiżviluppa l-karatteristiċi ta' dak il-ġeneru mixtieq, eżempju raġel li jixtieq ikabbar is-sider. Persuna transesswali tista' wkoll tiddeċiedi li tagħmel il-kirurġija tat-tibdil tas- sess (bl-Ingliż tissejjaħ sex reassignment surgery), fejn sa fejn hu possibbli, il-karatteristiċi anatomiċi, eżempju l-pene u l-vaġina, jiġu mneħħija u l-karatteristiċi tas-sess mixtieq jiġu miżjuda jew magħmula. Għaldaqstant, tajjeb li ngħidu li dawn id-defenizzjonijiet relatati ma' persuni trans mhumiex dejjem daqshekk riġidi u stretti. Fil-ħidma tiegħi ltqajt ukoll ma' xi wħud li jħossu li l-kelma 'transesswali' m'għandhiex dejjem tkun relatata ma' tibdiliet fiżjoloġiċi biss, imma anke ma' kif wieħed iħossu. Hemm ukoll xi persuni trans li ma jħossux li għandhom jibqgħu jirreferu għalihom infushom bħala transesswali wara li l-proċess ta' tranżizzjoni jkun spiċċa, imma li għandhom isejħu lilhom infushom 'mara' jew 'raġel'. Tajjeb li ngħid li dawn it-termini huma kumplessi, speċjalment fid-dawl tal-kulturi u d-diversità. Karatteristiċi bħal ngħidu aħna l-ilbies u l-imġiba, li huma meqjusin tipikament maskili jew femminili f 'kultura partikolari, jistgħu ma jkunux aċċettati f 'kultura oħra. Iżjed minn hekk, dak li kien ikkunsidrat espressjoni tipika ta' ġeneru maskili jew femminili mitejn sena ilu, jista' ma jkunx aċċettat illum il-ġurnata. X'tip ta' inċidenti ta' kuljum jiltaqgħu magħhom persuni trans? Xi tip ta' inċidenti li mill-esperjenza tiegħi fis- sesswoloġija, nies transesswali jiltaqgħu magħhom, jistgħu jkunu varji. Xi ftit minnhom huma, problemi biex persuna ssib xogħol li tixtieq, hawn persuni li jqisu lil nies trans bħala persuna bi problemi ta' saħħa mentali, problemi liema toilet se tuża, bullying, vjolenza fiżika u emozzjonali, nuqqas t'aċċettazzjoni kemm mid- dar kif ukoll fil-ħajja soċjali, problemi ta' dipendenza fuq is-sustanzi eċċ. It-transfobija kemm hija reali? Kif iħarsu ħafna nies lejn persuni trans? It-transfobija hija mibgħeda u/jew preġudizzju intensiv ħafna kontra nies transesswali. Hija xi ħaġa li n-nies transesswali għadhom jesperjenzawha sal-lum il-ġurnata. Tajjeb li nkunu nafu li persuna ma tagħżilx li tesperjenza ħsibijiet/ inklinazzjonijiet trans, l-istess bħalma xi ħadd ma jagħżilx li jkun mara, raġel, eterosesswali, jew omosesswali, imma huma affarijiet awtomatiċi, inkonxji u naturali. In-newropsikoloġija s'issa għadha mhix f 'pożizzjoni li tgħidilna kif dawn il-ħsibijiet jiżviluppaw fil-moħħ. Qiegħed ngħid dan għax kultant bil- kliem tagħna nistgħu nweġġgħu ħafna lil dawn in-nies. Tajjeb li niftakru li l-identità tal-ġeneru hija wkoll parti integrali mill- identità tagħna (aħna minn aħna) u l-eżistenza tagħna (l-irwol tagħna fid-dinja u r-raġuni soċjo-spiritwali għala aħna neżistu). Ukoll tajjeb li nżommu ġo moħħna li persuna mhux se tagħżel li bi 'qżież' tilgħab jew ixxekkel din l-identità, li hija tant ċentrali għal kull individwu. Din l-identità għandha implikazzjonijiet psikoloġiċi, sessoloġiċi, soċjali u anke spiritwali, allavolja f 'dan il-blog mhux se noqgħod nidħol fid-dettal ta' kull implikazzjoni peress li mhux l-iskop ta' din il-kitba. Nikkonkludi billi nsellem lil dawk kollha li għaddejjin minn żmien diffiċli fil-ħajja minħabba l-identità tagħhom. Meta nirrifletti fuq sitwazzjonijiet ta' persuni li għaddejjin minn battalji bħal dawn, iġegħluni nirrealizza li l-ħajja mhux biss iswed jew abjad, mara jew raġel, gay jew straight, imma ħafna iżjed. M'għandux ikun dan biss li jiddetermina aħna min aħna, imma għandhom ikunu l-valuri u l-personalità tagħna li jieħdu prijorità fuq dan kollu. Hekk aħna nkunu nistgħu ngħixu lkoll f 'armonija ma' xulxin! Dr Nicholas Briffa huwa psikologu kliniku u qed jispeċjalizza fis-sesswoloġija Il-Punt Ir-realtà ta' persuni transgender Nicholas Briffa "Persuna mhux se tagħżel li bi 'qżież' tilgħab jew ixxekkel din l-identità, li hija tant ċentrali għal kull individwu"