Illum previous editions

ILLUM 27 ta' Settembru 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/576898

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 39

20 illum | Il-Ħadd 27 ta' Settembru 2015 J iena wieħed minn dawk li ma nħoss ebda restrizzjonijiet biex nikkritika lill-Gvern għalkemm għandi l-kariga ta' Deputat Mexxej fil-Partit Laburista. Fil-fatt, kull min jaqra din il-paġna jaf, li kemm-il darba għamilt din il-kritika, sa nhar il-Ħadd li għadda stess. Iżda bħal ma jaf kulħadd, lanqas ma niddejjaq nikkritika lill-mexxejja Nazzjonalisti kull fejn ikun hemm bżonn u għax hekk ikun meħtieġ. Ma nikkritikax biex inkun kritikikajt jew biex inkun partiġġjan, iżda għaliex hu dmiri li nagħmel hekk fil-kariga li nokkupa. Fil-jiem li għaddew, kien hemm tliet okkażjonijiet li urtawni ħafna mhux għaliex laqtuni personalment. Anzi, min jafni sewwa, jaf ukoll li fejn ikolli interess personali dejjem inżomm 'il bogħod kemm jista' jkun mill-kontroversja. B'dawn it-tliet okkażjonijiet saret ħsara lil kulħadd, anke lil min provokahom. Kif kulħadd jaf, fl-istampa Taljana, minn żmien għal żmien, toħroġ xi aħbar li lilna ma tantx tagħmlilna ġid. Kultant nemmen, li dawn it-Taljani għadhom iħarsu lejna bħala blata li suppost hi tagħhom. F'okkażjoni minnhom, ħargu aħbarijiet dwar l-industrija tal-'e- gaming' li żgur ma għamlitilna ebda ġid. Aħbarijiet li kienu jirrigwardaw ċittadini Taljani stess li joperaw anke fl-Italja. Dejjem irridu nżommu quddiem għajnejna li dan il-pajjiz huwa kompetitur tagħna f 'dan il-qasam. Wara din l-aħbar, ħarġet oħra dwar Malta mill-Italja. Li Malta ċediet parti mid-drittijiet tagħha għat-tħaffir taż-żejt lill-Italja u inkontrakambju, l-Italja qed tieħu l-immigranti irregolari kollha hi! Li skantani mhux wisq, li hemm min fl-Italja li joħroġ dawn ix-xnigħat dwar pajjiżna, li ftit jagħmlulna ġid. Li jiskantani huwa kif hawn min f 'Malta jemmen dawn ix-xorta ta' aħbarijiet daqs li kieku kienu vanġelu mingħajr qabel ma jivverifika l-fatt u l-veraċità tal-aħbar. Wieħed minn dawk li ħareġ bilġri jemmen din ix-xniegħa b'għajnejh magħluqin, kien Simon Busuttil. Mingħajr ma imqar għaddielu minn moħħu jipprova jikkomunika mal- Gvern tiegħu jew mal-Prim Ministru Malti biex jara jekk hemmx imqar uqija verità f 'din l-aħbar, mill-ewwel għadda ġudizzju...u wieħed gravi ħafna! Ħareġ pront u spont jakkuża lill-Gvern tiegħu bi tradiment nazzjonali! L-agħar tip ta' akkuża li tista' tagħmel lil min għandu lil pajjiżu għal qalbu. Bħala Kap tal-Oppożizzjoni li għandu aċċess Kostituzzjonali għall-Prim Ministru, kien pront jiżfen għad-daqqa ta' dawk it-Taljani li żgur m'għandhomx għal qalbhom lil pajjiżna. Reminixxenti ħafna għar-reazzjoni ta' Nazzjonalisti antiki li kienu jabbraċċjaw l-irridentantiżmu Taljan. M'għandniex xi ngħidu, li minn dan kollu, m'hemm xejn. Anzi l-Gvern kien pront u spont li ħareġ stqarrija fejn ċaħad b'mod l-aktar kategoriku li ma kien hemm xejn minn dan kollu. Li jiskantani, mhux wisq li l-Kap tal- Oppożizzjoni emmen mill-ewwel x'qalu t-Taljani, iżda li f 'mument bħal dan ma jkunx spalla ma' spalla ma' pajjiżu. Wara ċ-ċaħda tal-Gvern stennejt li Simon Busuttil jagħti ċamata lit-Taljani. Mhux biss m'għamilx hekk, talli lanqas talab apoloġija jekk mhux lill-Gvern tiegħu, tal-inqas lill-Maltin. Din bħal meta akkużaw lill-Gvern Malti li l-Ministru Joe Mizzi sejjer il-Korea ta' Fuq u fil-fatt kien sejjer dik t'isfel. Żball żgħir ma nafx ta' kemm-il kilometru minn Seoul għal Pyonyang! Iżda basta ħammġu. Iżda milli jidher, l-allarm fuq livell nazzjonali saret il-marka tal-Kap tal- Oppożizzjoni. Dan ġara wkoll fid-dawl tal-proposta dwar it-tneħħija tar-reat tal- vilipendju tar-reliġjon Kattolika. Ħalli nagħmilha ċara, tista' taqbel jew ma taqbilx mat-tneħħijja ta' dan ir-reat. Min forsi għadu konfessjonali, ma jaqbilx u għandu kull dritt. Iżda l-Kap tal- Oppożizzjoni mar lil hinn mis-sempliċi nuqqas ta' qbil. Ħalli nagħmluha ċara, l-ewwel ma tkellem kontra din il-proposta kien l-Arċisqof Charles Scicluna u bir-raġun. Kont insibha stramba ħafna kieku l-Arċisqof qabel ma' din il-proposta, għalkemm ma nistax nifhem x'ried jgħid biha meta qal li l-Gvern jagħmel fattih u hekk sejra tagħmel il-Knisja. Kif jgħidu, "l'appetito vien mangiando," u Simon Busuttil mhux ħareġ jgħid li ma jaqbilx ma' din il-proposta, iżda għamel qabża fil-kwalità ta' akkużi: qal li din se toħloq periklu nazzjonali. Bil-kemm mhux qed jaħseb li se nerġgħu niġġieldu bix-xwabel u x-ximitarri fuq is-swar. Li tiddisturbak, mhux wisq il-kritika, iżda l-eżaġerazzjoni u l-allarmiżmu mingħajr bżonn. Fil-mod kif tkellem, hemm xamma ta' ksenofobiżmu reliġjuż li jfakkrek fi żmien it-templari. Erġajna lura għaż-żmien meta l-mexxejja temporali jagħmluha wkoll ta' difensuri tal-fidi, għalkemm ngħid li Simon Busuttil lemaħ l-opportunità li jirkeb fuq il-karru ta' ħaddieħor. Għadu ma tgħallimx mill-esperjenza tas-sittinijiet. Iżda kienet ġimgħa fejn kont tipprentendi maturità politika aktar mis-soltu, tal-inqas fejn jidħol jum l-Indipendenza. Għal darb'oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni kellu okkażjoni li tal- inqas, għal darba f 'sena jagħmel diskors li jgħaqqad u ma jifridx, diskors li ma jkunx dak tas-soltu...jiena insejjaħlu tal- prietki politiċi ta' kull nhar ta' Ħadd. Fid-diskors li għamel f 'Jum l-Indipendenza fil-'mass meeting' organizzat f 'Bieb il-Belt, għamel diskors ieħor minn dawk tas-soltu. Diskors partiġġjan għall-aħħar, mimli veħemenza politika. Għamel diskors li flok fih, faħħar l-għaqda nazzjonali li jirrapreżenta Jum l-Indipendenza kompla għaddej bil-prietki politiċi tas- soltu ta' akkużi partiġġjani daqs li kieku kien mass meeting ta' lejlet elezzjoni. Tilef okkażjoni li juri li hu tassew statista. Dan m'għamlux. Għall-'car free day' tas-sena d-dieħla nissuġġerilu joħroġ bit-tricycle flok bil- bicycle. Dan kollu logħob tat-tfal. Toni AbelA "Li jiskantani huwa kif hawn min f 'Malta jemmen dawn ix- xorta ta' aħbarijiet daqs li kieku kienu vanġelu mingħajr ma qabel jivverifika l-fatt u l-veraċità tal-aħbar" Fuq tlett roti

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 27 ta' Settembru 2015