Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/627672
Il-Ħadd 17 ta' Jannar 2016 | illum 13 Għawdex l-mużika mal-ġmiel tal-lingwa Maltija li jkun hemm rispett u onestà. Mhux ħa ngħid li qatt ma jkollna argumenti, anzi! Imma dejjem naslu għal konkluzjoni li ser tmexxina 'l quddiem bħala band. Il-membri tal-band saru t-tieni familja tiegħi. Nqatta' aktar ħin magħhom milli ma' tad-dar!" Taħseb li l-lingwa Maltija fid- diski hi mfittxija? "Jien naħseb li iva, imma nemmen li hemm bżonn jingħata aktar sapport lil talenti li jipproduċu biċċa arti bil- lingwa Maltija. Li tagħmel xi ħaġa bil-lingwa tiegħek hija xi ħaġa sabiħa ħafna u fl-istess ħin, qed tipromwovi lil pajjiżek." Personalità Għawdxija ikona tiegħek? "Missieri għax kien hu li mexxieni 'l quddiem fil- mużika." Clayton Bonello (bass) 25 sena mix-Xagħra u jaħdem fir-restawr "Ilni għaxar snin li qbadt il-bass għall-ewwel darba f 'idi. Bdejt indoqq, bis-saħħa ta' tnejn minn sħabi li kont nattendi l-iskola magħhom fis-Sekondarja li ħajruni nibda ndoqq (li illum m'għadnix indoqq magħhom) biex niffurmaw band." Kemm hu faċli taħdem bħala grupp? "Mhijiex daqshekk faċli. Qegħdin sitta min-nies, kulħadd bil-fehmiet tiegħu. L-importanti li tkun onest, u tagħti l-kontribut tiegħek. Fejn ma naqblux, insibu kompromess jew naraw x'inhu l-aħjar għall-band." Taħseb li l-lingwa Maltija fid- diski hi mfittxija? "Iva, però mhux daqs kemm hi mfittxija l-lingwa Ingliża, speċjalment miż-żgħażagħ. L-għan ta' dan l-esperiment kien li nuru kunċett ieħor ta' diski bil-Malti biex noħolqu sitwazzjoni fejn, fil-qasam mużikali, il-lingwa Maltija tiġi mfittxija aktar kif ukoll tiġi apprezata ferm aktar." Personalità Għawdxija ikona tiegħek? "Il-ġenituri tiegħi tas-sapport u l-paċenzja li dejjem ħadu bija." Andrew Vella, fuq il-kitarra u backing vocals, għandu 24 sena minn Kerċem u hu għalliem tal-Fiżika "Ilni involut fil-mużika minn meta kont żgħir ħafna. L-ewwel esperjenza fil-qasam tal-mużika bdiet mal-banda tar-raħal. Meta kelli madwar tlettax-il sena, bdejt nitgħallem il-kitarra u minn hemm bdejt ninvolvi ruħi f 'bands differenti. Bdejt nitgħallem kif tikteb id-diski u dejjem ipprovajt insir aħjar, l-aktar f 'dan l-aspett mużikali." Kemm hu faċli taħdem bħala grupp? "Hija pjuttost diffiċli, iżda hi waħda mill-isbaħ aspetti ta' ħajti. Hija esperjenza li jien personalment nitgħallem ħafna minnha. Qisna familja li jiġġieldu u jkollha ħafna argumenti, għax kulħadd irid li dan il-proġett jirnexxi. Fl- aħħar mill-aħħar, aħna grupp ta' ħbieb li ndoqqu flimkien, u għalkemm ikollna ħafna opinjonijiet differenti minn ta' xulxin, dejjem ngħażlu l-aħjar għall-ġid tal-band." Taħseb li l-lingwa Maltija fid- diski hi mfittxija? "Hija mfittxija żgur! Hawn festivals bil-Malti u hawn diversi bands li qed jgħażlu li jesprimu ruħhom bil-Malti. Li qed nippruvaw nagħmlu aħna huwa li nikkomponu diski relevanti għall-2016, iżda bil-Malti." Personalità Għawdxija ikona tiegħek? "Dominic Grech." Michael Camilleri fuq id- drums, 20 sena min-Nadur u jistudja l-Università "Bdejt nitgħallem il-mużika mill-età ta' ħames snin. Niftakar kont mort fuq is- surmast tal-banda tan-Nadur li għadu hemm sal-lum, Mro. Joseph Grech u kont għidtlu minn jeddi, "Nixtieq nitgħallem id-drums!" Il-mużika hija fid-demm. Ġej minn familja mużikali, u għalhekk kienet għażla naturali għalija." Kemm hu faċli taħdem bħala grupp? "Importanti li fi grupp kulħadd jesprimi l-opinjoni tiegħu, niddiskutu flimkien u kulħadd jaħdem fuq xogħlu. Xi kultant ikun hemm xi mumenti fejn ma naqblux u tkun ħa sseħħ it-Tielet Gwerra Dinjija, però kollox jintesa' f 'tebqa t'għajn. Il- grupp sar it-tieni familja tiegħi, għalhekk insibha faċli ħafna naħdem mal-bqija tal-membri li qegħdin wara kollox naħdmu għall-istess għan...il-mużika!" Taħseb li l-lingwa Maltija fid-diski hi mfittxija? "Naħseb reġa' hawn għatx għall-mużika b'lirika Maltija. L-istil tagħna huwa ferm differenti mid-diski li ħerġin riċenti bil-lingwa Maltija. Immorru lil hinn minnhom u wara kull lirika hemm ħsieb. Naħseb wasal iż-żmien li l-lingwa Maltija terġa' tqum fuq saqajha fix-xena mużikali lokali." Personalità Għawdxija ikona tiegħek? "Missieri. Li kieku ma kienx hu għalija, ma wasaltx fejn wasalt illum." Sylvano Mizzi fuq is-Sax u l-keyboards, 18-il sena mill- Għasri u jistudja l-mediċina fl-Università "Bdejt nistudja l-pjanu minn meta kelli seba' snin. Meta għalaqt tnax-il sena, tħajjart biex nibda nitgħallem is-saxophone peress li prattikament il-ħin kollu, kont nisma' dan l-istrument partikolari li il-ħoss tiegħu kien jaffaxxinani ħafna. L-ewwel bdejt mal-banda, iżda imbagħad bdejt nieħu l-istrument iktar bis-serjetà speċjalment meta ndunajt kemm jintuża għal ħafna stili differenti ta' mużika." Kemm hu faċli taħdem bħala grupp? "Li taħdem fi grupp mhuwiex dejjem faċli peress li mhux kulħadd għandu l-istess opinjonijiet. Però, peress li aħna ilna naħdmu u ndoqqu flimkien, iktar faċli li niftehmu fuq ċertu deċiżżjonijiet għax fl-aħħar mill-aħħar, kollha nixtiequ l-ġid tal-band." Taħseb li l-lingwa Maltija fid- diski hi mfittxija? "Il-lingwa Maltija fix-xena mużikali għandha bżonn tiġi iktar magħrufa għaliex ilu ma jkun hawn diski b'lirika Maltija li jaqblu mal-istil ta' żmienna." Personalità Għawdxija ikona tiegħek? "Ommi kienet dejjem ta' għajnuna kontinwa u ta' sapport f 'dak kollu li nagħmel. Mingħajrha żgur li ma kontx inkun fejn qiegħed bħalissa." The Travellers live f 'Marsalforn