Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/627672
FTIT ilu fin 'New York Times', ġurnalist idedika artiklu sħiħ fuq Malta, u rrimarka kif aħna pjuttost differenti minn pajjiżi oħra qraba tagħna fil-Mediterran fejn tidħol dieta u obesità. Il-ġurnalist kompla billi spjega kif għalkemm Malta hija gżira żgħira ħafna u ovvjament għandna distanzi qosra, xorta aħna l-Maltin donna nużaw il-karozza għal kollox. Huma ħafna dawk li qatt ma rifsu fuq Malta li jimmaġinaw li fi gżejjer tad-daqs ta' Malta, ħadd m'għandu bżonn ta' karozza, u tista' tmur kullimkien bil-mixi. Forsi f 'moħħom jimmaġinaw li Malta fiha d-daqs ta' Kemmuna. Bħala wieħed li jgħix Malta, nemmen li għal ħafna minna, ma nistgħux ngħixu mingħajr karozza. Meta jkollok tfal żgħar, anzjani jew għandek xi tip ta' diżabbiltà li tillimitak mil-mixi, karozza hija neċessità. Anke għal nies li m'għandhom l-ebda minn dawn li semmejt, xorta hemm ċertu qadi li ma tistax tagħmlu mingħajr karozza. Fid-dinja mgħaġġla tal-lum, ħafna huma dawk li m'għandomx ħin imorru kuljum jixtru l-bżonnijiet tagħhom, u minflok jagħmlu xirjiet kbar kull ftit ġimgħat. Tista' timmaġina tagħmel xi xirja b'xi għaxar basktijiet imballati u timxi bihom jew titla fuq tal-linja? Tista' timmaġina tmur għal xi barbikju fis-sajf, u ġġor kollox fuq tal-linja u b'xi mod trid tmur lura lejn id-dar f 'nofs ta' lejl? Tista' timmaġina familja joħorġu nhar ta' Ħadd u jieħdu magħhom ikel, roti għat-tfal, il-kelb u xi ballun u jmorru b'tal-linja? Hemm ukoll ħafna lokalitajiet li mhumiex magħqudin ma' lokalitajiet oħra bit-trasport pubbliku, u mingħajr karozza tieħu iktar minn erba' sigħat biex tmur u tiġi. Għal dawk li jridu jieħdu t-tfal għand il-ġenituri tagħhom jew f 'xi 'child care centre' qabel ma jmorru x-xogħol, u jagħmlu l-istess wara x-xogħol, mingħajr karozza kieku dan ikun pjuttost impossibli. Hemm uħud li jgħidu li jinqdew mingħajr karozza, però kultant ikollhom bżonn l-għajnuna ta' xi ħabib li jsuq biex iwasslilhom xi mejda, ċilindru tal-gass jew televixin li jkunu xtraw jew iwassalhom id-dar wara xi attività fis-sigħat bikrin ta' filgħodu. Il-verità hi li l-karozza hija bżonn daqs l-iktar affarijiet bażiċi tal-ħajja għal ħafna nies, u meta jsiru miżuri li jżidu n-nefqa annwali tal-karozzi, ikunu qegħdin jolqtuna fil-laħam il-ħaj daqs meta jogħla l-prezz tal-ħobż, tal-ħalib jew tad-dawl u l-ilma. Mill-banda l-oħra, irridu nammettu wkoll li huwa veru li aħna l-Maltin nużaw il-karozza eċċessivament. Niftakar meta għalaqt it-tmintax-il sena u ġibt il-liċenzja, donnhom saqajja tilfu l-użu tagħhom u għal qadja ħames minuti 'il bogħod, kont nuża l-karozza. Il-karozza hija l-għażla awtomatika tagħna meta rridu mmoru x'imkien u anqas biss nieqfu naħsbu jekk hemmx xi alternattiva oħra. Waħda mir-reżoluzzjonijiet tiegħi ta' din is-sena kienet li nipprova nikkunsidra l-karozza bħala l-aħħar għażla tiegħi u meta l-alternattivi l-oħra ma jagħmlux sens. Fatturi bħat- temp, x'se nġorr u d-distanza jiddeterminaw b'liema mod nagħżel li nivjaġġa. Għalkemm xorta nuża l-karozza kull ġimgħa, qiegħed nimxi lejn ħafna destinazjonijiet li jeħduli inqas min-nofs siegħa mixi, nuża mutur meta nkun waħdi u tal-linja jekk inkun sejjer lejn il-Belt u ma nixtieqx nuża l-mutur. B'dan il-mod, naqqast iktar min-nofs l-użu tal-karozza li bla dubju huwa kontribut lejn it-tnaqqis tat- traffiku u l-emmisjonijiet waqt li fl-istess ħin qiegħed naħraq ħafna iktar kaloriji. Kemm ilni nuża l-mutur, niskanta kif kont ngħix qabel migħajru u kemm ħlejt sigħat minn ħajti wieqaf fit-traffiku u nfittex parking. Saret xi ħaġa komuni li tisma' nies jitkellmu fuq miżuri li qegħdin jieħdu biex jonqsu mill-piż u jkunu iktar b'saħħithom, fosthom mixi jew ġiri, abbonament ma' xi gym jew xi dieta partikolari. Ftit ilu inzertajt grupp ta' ġuvintur ħerġin mix-xogħol jiftiehmu bejniethom biex jiltaqgħu l-gym. Dawn il-ġuvintur bdew billi użaw il-lift biex niżlu isfel mill-uffiċju u użaw il-karozza biex isuqu lejn id-dar, imbagħad lejn il-gym, meta f 'nofs siegħa kienu jaslu bil-mixi. Ironikament, dawn kienu se jqattgħu l-ewwel nofs siegħa fil-gym fuq it-tread mill. Nisma b'nies oħra li jsuqu lejn ix-xogħol u lura imbagħad joħorġu jimxu għal xi siegħa kuljum biex jonqsu mill-piż żejjed. Meta tqis ċertu distanzi, tinduna li ħafna mid-distanzi li nsuqu nistgħu nimxuhom f 'inqas minn 25 minuta. Wieħed irid jiftakar li meta timxi, taqta' ħafna iktar fil- qasir, tgħaddi minn toroq 'one way', taqsam minn fuq 'centre strips', ma teħilx fit-traffiku, tgħaddi minn passaġġi dojoq, tuża turġien, tieqaf eżatt fejn trid u tiffranka ħafna mill- ħin tfittex parking. Jekk tqis post bħal mhu l-isptar Mater Dei, l-Università u l-fabbriki tal-madwar, tinduna li eluf ta' persuni jżuru dan il-post kuljum. Jekk taqta' barra dawk li jżuru l-isptar minnħabba mard, xorta jibqa eluf ta' ħaddiema u studenti. Dawk li joqogħdu fl-inħawi ta' Birkirkara, Swatar, Msida, San Ġwann, Gżira, Ta' Xbiex, Pietà, Tas-Sliema, Lija, Balzan, Kappara, l-Iklin, Ghargur, Naxxar, Ibraġġ, Swieqi u Santa Venera fost oħrajn huma kollha distanzi li għal ħafna barranin jikkunsidrawhom distanzi tal-mixi. Ikolli ngħid li għandhom raġun għaliex ftit ilu imxejt lejn l-Università minn Santa Venera b'pass ftit ħafif u wasalt f 'madwar 20 minuta. Però, jekk wieħed jara l-ammont ta' karozzi pparkjati f 'din iż-żona, żgur jinduna li ftit huma dawk li jimxuha u jippreferu jqattgħu ħin twil ifittxu parking. Kien hemm żmien fejn is-sewqan kien itini ċertu sodisfazzjon, però llum huma ftit sigħat kuljum fis-sigħat bikrin ta' filgħodu li wieħed jista' jgawdi minn esperjenza ta' sewqan rilassat, waqt li wħud saru jmorru xi ġita lejn Sqallija bil-karozza biex forsi jerġgħu jiftakru xi tfisser li ssuq. Jistgħu jsiru elf riforma fit-trasport u jirduppjaw l-ammonti ta' toroq li hawn, imma jekk kulħadd se jibqa' juża l-karozza għal kull raġuni, qatt mhu se nieħdu r-ruħ. U għalhekk, nappella lilek, li għadek b'saħħtek u m'għandekx daqshekk bogħod għad-destinazzjoni tiegħek, biex tagħmel ftit spazju għal dawk li verament għandhom bżonn jużaw it-triq. Iffranka mill-ispejjeż li jġib miegħu is-sewqan u naqqas naqra dik is-sonża u ħalli l-karozza wara l-bieb jew fil-garaxx. Ftiehem ma' sħabek tax- xogħol u wasslu lil xulxin jew għaqdu grupp u ikru minibus. Meta verament ikollok bżonn tużaha, taprezza lil dawk li għamlu bħalek u għamlulek il-wisa'. Il-Ħadd 17 ta' Jannar 2016 | illum 23 Vetturi Ingranat Andrew Pisani Qum minn hemm! Eluf ta' nies fi bliet Ewropej jużaw ir-rota biex imorru għax-xogħol Kuljum f 'pajjiżna, ħafna sewwieqa jinqabdu fit-traffiku