Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/627672
Il-Ħadd 17 ta' Jannar 2016 | illum 15 I l-Partit Nazzjonalista nieda dokument dwar il-governanza tajba. L-ewwel darba li partit mill- Oppożizzjoni għamel dan. Żvilupp interessanti. Iktar u iktar għax dan id-dokument ra d-dawl f 'nofs leġiżlatura. Ħafna drabi, partit fl-oppożizzjoni 'jikxef ' il-karti tiegħu lejlet elezzjoni. Simon Busuttil għażel mod ieħor. Jekk dan hux se jrendilu politikament, inkunu nafu fl-elezzjoni. Żgur iżda li dan dokument bi proposti validi, jaqbel miegħu kull min jemmen fi gvernar aħjar u trasparenti. Dan id-dokument jorbot ma' dikjarazzjoni politika li Busuttil għamel ftit wara li ħa f 'idejh it-tmun tal- PN – 'Politika ta' Onestà'. Il-mistoqsija hi, n-nies iridu politika ta'onestà? U l-elettorat, jivvota fuq materji ta' governanza? 'Ma qdewnix' Qabel l-elezzjoni tal- 2013, kuljum kont tiltaqa' ma' Nazzjonalisti li kienu ħalfu li mhux se jivvutaw. Issaqsihom għaliex u jgħidulek, 'Lili nsewni, ma qdewnix'. Ħafna minnhom żammew kelmthom u ma vvutawx. Uħud minnhom riedu pjaċiri li ma kinux intitolati għalihom. Oħrajn, il-maġġoranza tagħhom, kellhom raġunijiet x'aktarx validi. Darba minnhom, lejn l-aħħar tal-leġiżlatura, kellimni wieħed li spegjali kif ftit qabel, mar għand Ministru u talbu xogħol ta' watchman, jaħdem nofstanhar biss. Speċifika li ried ikun x'imkien fejn m'hemmx tbatija biex wara, jaħdem fil-garaxx. Erġajt iltqajt miegħu wara l-elezzjoni, infurmani li ma vvutax għax il-Ministru ma kienx qdih. Bħalu kien hemm mhux ftit. X'aktarx li dawn kienu pjaċiri li ma kellhomx dritt għalihom. Imbagħad, kien hemm oħrajn li marru għand Ministru, u talbuh xi ħaġa li għaliha kellhom dritt. Ma tax kashom. Injorahom. Imbagħad ġiet l-elezzjoni, u injorawh huma. Iltqajt ma' oħrajn li riedu jibdew jew ikabbru n-negozju tagħhom, u qalgħulhom qalbhom. Iltqajt ma' oħrajn, li riedu jagħmlu żvilupp żgħir fid-dar jew il-garaxx tagħhom, u raw il-passjoni. Oħrajn baqgħu b'xejn. 'Ħallikom mill-onestà' Hemm min il-kelma onestà fil-politiku ddejqu għax biha jifhem li mal-PN 'ma tirranġax' – li l-partit, mill- gvern, ikun riġidu f 'sens li mhux prattiku. Definizzjoni għal kollox żbaljata tal- politika ta' onestà. Min imbagħad ikun irid xi ħaġa li m'għandux dritt għaliha, jgħidlek li jibża' mill-onesta fil-politika għax jaf li se jibqa' b'idu f 'idu – kif għandu jkun. Imma mbagħad, hemm min ma jifhimx li onestà tfisser ġustizzja. Dan l-aħħar iltqajt ma' uffiċjal f 'korp dixxiplinat. Nazzjonalist magħruf. Ħassu nġurjat għax ma ngħatax promozzjoni. Qalli li miegħu saret inġustizzja. Widdibni, "Issa nispera li jekk nitilgħu aħna, ssir ġustizzja miegħi. Ħallikom mill-politika ta' onestà. Weġibtu li jekk tabilħaqq saret inġustizzja miegħu, hi biss bil-politika ta' onestà li tista' ssir ġustizzja. Minkejja li jien konvint li l-PN għandu raġun bil-politika ta' onestà u gvernar aħjar, imma dan ir-raġel tani x'nifhem li l-PN jeħtieġlu jispjega aħjar x'qed ifisser biha l-politika ta' onestà. Id-dokument tajjeb, imma jrid jinftiehem min- nies. 'Il-politika maħmuġa' Iltqajt ma' raġel li għal snin twal immilita fil-PN. F'nofs il-legiżlatura li għaddiet, applika għall-permess u ma ħariġlux. Milli qalli, fhimt li kienet talba sempliċi li kien ħaqqha tiġi approvata. Weħel ma' rasu l-politiku. Fl-2013, ivvota Labour. Sentejn wara, hu diżappuntat mhux ftit. Il-permess baqa' ma ħariġx, imma xi ħadd li ried xi ħaġa bħalu ħariġlu, u tal-aħħar hu Laburist. Qalli li qata' qalbu mill-politiċi għax, "kollha l-istess, il-politika maħmuga", insista miegħi. Mhux waħdu jaħsibha hekk. Oħt din il-gazzetta, il-MaltaToday, dan l-aħħar ippubblikat sondaġġ tal- opinjoni pubblika li wera kif il-fiduċja tan-nies fil-politika naqset. Ebda sorpriża. Min ħassu diżappuntat bil-PN, u vvota Labour għax ħaseb li se jkun hawn stil ġdid ta' politika, ma tantx impressjona ruħu. Għax anke jekk dan il- gvern għandu l-mertu li żamm l-ekonomija sejra tajjeb, it-turiżmu baqa' jissaħħaħ u daħħal drittijiet ċivili li misshom ilhom li daħlu fil-pajjiż, imma fejn tidħol governanza tajba u trasparenza, falla bil-kbir. Għadma iebsa għall-PN Id-dokument tal-PN dwar governanza tajba, u l-għajta ta' Simon Busuttil għal politika nadifa, huma f 'waqthom u meħtieġa. Iżda l-PN għandu għadma iebsa. Mal-firxa tas-snin, politiċi, anke jekk kienu l-ftit, taw isem ħażin lill-politika. Faxxa mill-elettorat fixklet id-drittijiet mal-pjaċiri, u fl-aħħar tliet snin, xbajna nisimgħu bi skandli, wieħed wara l-ieħor. Meta l-fiduċja tixxellef, trid iż-żmien biex terġa' tibniha. Busuttil qed jagħmel ħiltu - naturalment hawn min ma jemmnux. Fuq kollox, jibqa' kap ta' partit politiku, b'ħafna li jappoġġjawh u ħafna oħrajn li le. Iżda jidhirli li ħafna, anke jekk ma jaqblux miegħu, waqfu biex jisimgħuh. Fl-elezzjoni se jiġġudikawh. 'Nagħmlu bħalhom' Ta' spiss niltaqa' ma' Nazzjonalisti li jgħiduli, "dawn m'hemmx rispetti, jgħawġu u jbażwru kif jaqblilhom, issa nispera li meta nitilgħu aħna, nagħmlu bħalhom." Tifhem il-ġenwinità tagħhom – reazzjoni frott il-passjoni politika, iżda l-agħar ħaġa li jista' jagħmel Busuttil hu li jkun pariġġ l-avversarji politiċi tiegħu. Jekk jagħmel hekk, ma jkun qed jagħti ebda alternattiva u jkun qed jixħet il-ġebla fuq saqajh. S'issa wera mod ieħor, mhux biss bi kliemu. Żabar fejn kellu jiżbor u qata' dritt fejn kien hemm bżonn. Togħġob wieħed, tnaffar tlieta Meta tgħawweġ ir- regoli biex taqdi wieħed, x'aktarx li fil-proċess tnaffar tlieta, għax tkun qed tagħmel inġustizzja. Hekk qed jiġrilu dan il- Gvern, ħafna drabi ma' Laburisti li ħadmu kemm felħu għall-partit tagħhom, anke meta l-Labour kien minn taħt qatigħ. Dan l-aħħar iltqajt ma' Laburista li biex binha jistudja u jirnexxi, hi u żewġha għamlu sagrifiċċji kbar. Qalti kemm hi diżgustata tara personalitajiet viċin il-Gvern jingħataw karigi fl-ogħla strutturi tal-Korp Diplomatiku meta lanqas għandom il-ħiliet bażiċi edukattivi għal dan. M'hemmx triq oħra, ħlief politika ta' onestà Fl-aħħar mill-aħħar, kultura ta' diżonestà, tgħawwiġ tal-verità, ħabi, promozzjonijiet mhux mistħoqqa u tgħawwiġ tar-regoli biex jinqeda xi bażużlu, iddejjaq lin-nies, u tisplodi f 'wiċċ min jonfoħha. Jasal iż-żmien meta l-poplu, biex ninqeda bil-frażi ta' Toni Zarb, jgħid 'Issa daqshekk' u jfittex alternattiva ta' gvernar aħjar. Għax kollox idur ma' kemm il-Gvern jimxi bis-sewwa. Il-'job' jinħoloq jekk il-Gvern jagħraf joħloq klima li tħajjar l-investiment, u l-investiment jiġi jekk il- Gvern jinċentivah. Il-pajjiż jimxi 'l quddiem jekk ikun hemm meritokrazija għal kulħadd u l-poplu jista' biss iserraħ rasu li flusu qed jintefqu tajjeb jekk minn jiggverna, jagħmel dan b'għaqal. Fin-nuqqas ta' danċ tirrenja l-korruzzjoni li therri l-fundamenti ta' socjetà ġusta. Għalhekk li l-poplu jivvota fuq materji ta' governanza. Kixef il-karti kmieni … Jekk Busuttil jirnexxilux jikkonvinċi li l-PN tabilħaqq inbidel għall-aħjar, u li hu kommess li jwettaq politika ta' onestà li twassal għal gvernar tajjeb u aħjar minn dak tal-gvern attwali, allura l-poplu se jdur lejh u jagħtih il-fiduċja. Għalhekk għamel tajjeb li kixef il-karti kmieni, biex il-poplu jkun jista' jomgħod sew dak li qed jgħidlu u jqabbel ma' dak li qed jagħmel il-Gvern Laburista. Frank Psaila huwa Opinjonista Opinjoni Għal meta l-poplu jgħid, 'Issa Daqshekk' FRANK PSAILA "Meta tgħawweġ ir-regoli biex taqdi wieħed, x'aktarx li fil-proċess tnaffar tlieta għax tkun qed tagħmel inġustizzja. Hekk qed jiġrilu dan il- Gvern"