Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/627672
Il-Ħadd 17 ta' Jannar 2016 | illum 19 Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Il-froġa tagħkom ejjew idrawha magħna S abiħ tgħix f 'bużżieqa fejn tkun komdu biżżejjed biex tmur quddiem il-poplu b'wiċċ sobriju u tgħidlu, "m'hemmx x'tagħmel, irridu nidraw ir-rotot il-ġodda." Li mhux daqstant sabiħ huwa l-istat ta' fatt li kull darba li xi ħadd imur fuq it-TV u jgħid dan il-kliem, ikun qed jinsulta lill-eluf li jużaw it-trasport pubbliku bħala l-unika mezz ta' trasport. Peress li din il-gazzetta ma tiddilettax fil-lagħqiżmu u l-inċensar, iddeċidejna li minflok nemmnu lil min qed jgħix f 'bużżieqa, ninżlu aħna stess għand in-nies. Ridna naraw jekk fir-realtà hux qed iħossu dan l-ottimiżu kollu li qed iħossu ċerti uffiċjali ta' Transport Malta, li ibqgħu fuq kliemna, żgur li nsew l-aħħar darba li missew ma' staffa ta' xarabank. L-istorja li qed nippubblikaw fl-aħħar paġna ta' din il-gazzetta tipprova, għalkemm ma jirnexxilhiex b'mod assolut, twassal ir-rabja kbira li ffaċċjajna eżatt malli bdejna nistaqsu lin-nies dwar it- trasport pubbliku quddiem l-Isptar Mater Dei. U ma kinux irrabjati ta' xejn! Xarabanks li ma jaslu qatt, xarabanks li ma tafx meta se jaslu għax min huwa responsabbli għadu ma waħħalx il-ħinijiet, rotot li ma jispiċċaw qatt, u l-agħar waħda, rotot mibdulin u ħadd ma jaf kif u x'fatta, lanqas ix-xufiera stess. Immaġinaw madwar 20 persuna, l-aktar anzjani, kull ħin tal-ġurnata, wara viżta l-Isptar jiġru wara kull xarabank li tgħaddi. Ħadd ma jaf fejn sejra, ħadd ma jaf fejn se tieqaf u ħadd ma jaf f 'liema ħin ġejja x-xarabank li qed jistennew. U ma dawn ingħaqdu diversi oħrajn li meta tkellmu mal-ILLUM lanqas laħqu semgħu l-kliem, "Sinjur/a qed nagħmlu stħarriġ dwar il-bidliet fit- trasport pubbliku..." li ma bdewx jilmentaw dwar kif is-sistema marret għall- agħar. Naturalment għal dawk li għandhom il-karozza mogħtija lilhom b'xejn minn xi awtorità jew mit- taxxi tal-poplu, storja bħal din ma togħġobhomx. Naturalment għal dawk li kienu ġustament, jgħajru lil Manwel Delia inkompetenti, biex illum huma stess inkompetenti daqsu u iktar minnu, ir-realtà bħal dik li ppublikajna llum, ma tantx iddoqqilhom għal widnejhom. Imma minn kemm qed nagħtu pjaċir lil min għandu l-wiċċ tost jgħidilna biex nidraw, ma tantx jimpurtana. Li jimpurtana huwa dan li ġej. L-ewwel u qabel kollox li jsiru l-bidliet meħtieġa mill-aktar fis biex din is-suppost riforma ma tfallix u n-nies ma jaqtgħux qalbhom mit-trasport pubbliku. Jimpurtana wkoll li minn għada filgħodu stess jibdew jitwaħħlu l-ħinijiet mal-istejġis biex tal-inqas, lin-nies nitrattawhom ta' nies u bħal ma jiġri fl- Ewropa kollha, persuna tkun taf fi xħin se tgħaddi x-xarabank li jmiss. Jimpurtana wkoll li kemm jista' jkun malajr, min għamel din il-froġa jreġġa' lura ċerti bidliet li ġabu biss tgergir u tgerfix. Imma iktar minn hekk, jimpurtana li nkunu nafu min huwa responsabbli għal din l-inkompetenza. Min hu responsabbli meta xarabank ma tasalx u jkollok tistenna siegħa u kwart fuq stejġ? Min hu responsabbli għall- kampanja, li issa nistgħu niddikjarawha falliment tas-suppost informazzjoni? Min hu responsabbli għal dawn l-ilmenti kollha fuq rotot imferrxin madwar il-pajjiż? Xi ħadd se jkollu l-kuraġġ morali li jammetti li għamel qassata minn dawk il-kbar? Xi ħadd se jkollu l-kuraġġ li jirreżenja? Jew se nibqgħu għaddejjin bl-istess arroganza sfaċċata a la Austin Gatt fejn min iħawwad u jgerfex għad-detriment tal-poplu immorru nċekċku t-tazzi tax-xampanja miegħu? Ħaġa waħda għandna xi ngħidu lil dawk li minn fuq l-iskrin tat-TV qed jgħidulna, mingħajr traċċa ta' mistħija, biex nidraw il-bidliet. Xi ħaġa li qalitha tant tajjeb mara li nzertat qed tistenna fl-istess mument li l-ILLUM kienet ħdejn l-isptar: Jekk intom vera ġenwini, iggaraxxjaw il-karozza tagħkom u ejjew idraw il-froġa li għamiltu intom stess magħna.