Illum previous editions

ILLUM 21 Frar 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/643089

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

F l-1929 il-poeta Arġentina Edelmira Thompson de Mendiluce kienet qiegħda ddur l-Ewropa flimkien ma' wliedha. Waqt li kienet il-Ġermanja Edelmira, ammiratriċi kbira ta' Adolf Hitler, irranġat biex iżżur lill-Fuhrer u tippreżentalu lil uliedha. Hitler ħa f 'idejh liż-żgħira ta' Edelmira, Luz, li kienet għadha tal-idejn, u ppoża biex jinġibed ritratt li kien wieħed mill-aktar ħwejjeġ għal qalb Edelmira. Huwa u jżomm liċ-ċkejkna, il-Fuhrer esklama kemm kienet ħelwa dik it-tarbija. Edelmira Thompson de Mendiluce u bintha Luz huma karattri fittizji li wieħed jista' jsibhom fix-xogħol ta' Roberto Bolano 'Il-Letteratura Nazista fl-Amerka', miktub fl-1996. Għalkemm f 'Malta għad m'għandniex politiċi stabbiliti bħal Hitler (anki jekk ammiraturi u oħrajn li jsegwu l-politika razzista tiegħu għandna ħafna,) dan il-passaġġ mill-ktieb ta' Bolano ftakart fih meta riċentement, il-kummissarju għat-tfal Pauline Miceli għaddiet kumment waqt il-programm tar-radju 'Għandi xi Ngħid' fuq il-mod kif it-tfal jintużaw fost l-oħrajn mill-politiċi bħala mezz ta' propaganda. Dari kien hawn id-drawwa li lit-tfal kienu jippreżentawhom lill-qaddis patrun tar-raħal, tradizzjoni li aktarx kienet ispirata mill-okkażjoni meta t-tfajjel Kristu kien ippreżentat fit-tempju. Biż-żmien, ma' din id-drawwa, kienet tfaċċat oħra: dik li bħal Edelmira Thompson de Mendiluce, il-ġenituri jippreżentaw 'l uliedhom lill-kap tal-partit (appuntu malli dan inbidel f 'qaddis miexi fl-art) meta dan, kollu tbissim u ħeġġa, jitfaċċa fit-toroq fi triqtu lejn il-każin jew lejn il-palk għall- mass meeting. L-użu tat-tfal għal finijiet politiċi huwa fenomenu antik u mifrux: bħall-Hitlerjugend, id-Deutsches Jungvolk, il- Balilla, il-Pijunieri komunisti u l-brigati jimmarċjaw il- Ħdud filgħodu. Illum, dawn l-għaqdiet m'għadhomx popolari imma t-tfal għadhom jitfaċċaw fil-proċess propagandista: fiż-żjarat li l-politiċi jagħmlu fl-iskejjel anki meta m'għandhom x'jaqsmu xejn magħhom, fil-materjal ta' propaganda ppubblikat, fir-reklamar politiku, fir-rappurtaġġi fuq il-mezzi tax-xandir (partikolarment dawk mhux indipendenti), f 'attivitajiet li l-partiti jorganizzaw 'għat-tfal' bħal ngħidu aħna l-festini fi żmien il-Milied, u f 'okkażjonijiet oħrajn. Is-sinjura Miceli għandha raġun biex tbigħ, anki jekk, iżda, huma ħafna d-drabi li mhux biss il-partit li juża lit-tfal imma anki l-ġenituri li jagħmlu dan meta jimbuttaw 'l uliedhom ħalli jidhru mal-kap, u, illum il-ġurnata, jiġbdulhom ritratt bil-mobile li mbagħad jittella' sparat fuq il-Facebook. Il-kummissarju tat-tfal ikkummentat ukoll fuq xbihat ta' tfal imsieken għall-finijiet ta' tqanqil ta' emozzjonijiet qawwija bħala motivazzjoni għall-karità, punt tassew jaħraq li f 'Malta joħloq kontroversja kull l-għada tal- Milied. Forsi għandu jkun wieħed mid-drittijiet tat-tfal dan, li jkunu protetti mill- isfruttament ta' tip politiku u li l-politika (dik partiġġjana) għandha tkun imbiegħda għal kollox mid-dinja tat-tfal. Roberta Metsola mhijiex karattru f 'rumanz. Riċentement għamlet diskors qasir fil-parlament Ewropew li fih tkellmet dwar il- qawmien ta' atteġġjamenti xenofobiċi (sfortunatament mhux fittizji lanqas) li qegħdin jieħdu s-sopravvent fil-pajjiżi Ewropej. Metsola ħeġġet li l-Ewropa għandha tieħu azzjoni fid-dawl tat- theddid xenofobiku u saħqet li l-Ewropa m'għandha tittollera ebda forma ta' mibegħda lejn ebda grupp soċjali. Fi kliem ieħor fid-diskors tagħha – u dan għamlitu ċar ħafna – Metsola kkundannat mhux biss il-mibegħda lejn l-immigranti, imma wkoll l-imġiba ta' wħud minn dawn f 'Cologne u nħawi oħrajn. X'ġara wara d-diskors? Dlonk kif dan id-diskors ġie mxandar minnha stess fuq il-paġna tal-Facebook tagħha, tfaċċaw karattri suspettużi jisparaw kull tip ta' mibegħda, f 'livelli differenti lejn din it-traditur ta' Malta. Kien hemm raġel li rrakkonta meta qagħad iħarsilha lejn saqajha (ħeqq, la hi mara hux!), min fittex jikteb li jawguralha li tisfa' stuprata (l-akbar kastig li għandna nagħtu lil waħda mara), saħansitra kien hemm min qal li ħaqqha l-mewt (u dak l-akbar kastig li għandu jingħata bniedem). Ma tistax tagħtiha tort lis-sinjura Metsola li tikkummenta b'dispjaċir aktar milli b'sorpriża dwar il-mibegħda kbira li hawn fost iċ-ċittadini ta' din ir-Repubblika li għal xi żmien kien hemm min isejħilha l-Gżira ta' (San) Pawlu. Il-faxxiżmu jkompli jeżisti biss kemm-il darba jagħraf għadu f 'xi ħadd. U llum l-għadu numru wieħed tal-faxxiżmu Malti huwa l-Musulman. Imma mhuwiex il-Musulman biss. Meta wieħed jaqra l-kummenti omnipreżenti tal-faxxiżmu Malti jintebaħ li l-kelma li qiegħda ddur issa hija, "il-barranin." M'għadhomx is-suwed imma, "il-barranin." Jiġifieri anki l-bojod aktar minna saru perikolużi: anki dawn qegħdin jeħdulna xogħolna, anki dawn qegħdin idaħħlu magħhom il-periklu, anki 'l dawn għandna nħarsu lejhom b'suspett. U hemm min qiegħed irewwaħ kemm jiflaħ tixwix kontra l-Unjoni Ewropea, u joħloq teoriji paranojċi ta' diżastri kbar ħafna "għal uliedna" kollu tort tal-Ewropa li mhux biss qiegħda taċċetta l-barranin, mhux biss qiegħda tisfurzalna l-multikulturaliżmu li ma jaħdem qatt u mkien, talli qiegħda wkoll tibgħatilna Ewropej oħra fostna li qegħdin jeħdulna l-impjiegi, jekk mhux ukoll qiegħda tibgħatlina l-qattiela. Bħas-soltu, bħas-soltu! Minflok l-imħabba lejn l-art nattiva, il-patrijottiżmu estrem, faxxista, ixerred il- mibegħda lejn minn mhuwiex minn hawn. Ma jistax jaħdem il-faxxiżmu jekk ma joħloqx purċissjoni sħiħa ta' mostri u iħirsa u babawijiet. U fost dawn id-draguni bi njieb kbar u dwiefer ippuntati jingħaddu wkoll it-tradituri. 18 illum | Il-Ħadd 21 ta' Frar 2016 Thompson De Mendiluce IMMANUEL MIFSUD Opinjoni "Mhux biss il- partit li juża lit-tfal, imma l-ġenituri li jagħmlu dan meta jimbuttaw 'l uliedhom ħalli jidhru mal-kap, illum il-ġurnata, jiġbdulhom ritratt bil-mobile li mbagħad jittella' sparat fuq il- Facebook" It-tfal għadhom jitfaċċaw fil-proċess propagandista fiż-żjarat li l-politiċi jagħmlu fl-iskejjel anki meta m'għandhom x'jaqsmu xejn magħhom

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 21 Frar 2016