Illum previous editions

ILLUM 5 June 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/688383

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

Il-Ħadd 05 ta' Ġunju 2016 | illum Rakkont 23 Il-Bagalja ta' Monica minn Sharon Calleja MONICA kienet mara sabiħa. Fir-raħal kollu fejn kienet tgħix mal-familja tagħha kienu jsibuha bħala Monica l-Maltija. Għaliex kienet xempju tas-sbuħija naturali tal-mara Maltija. Għajnejn kbar suwed, ġilda kemxejn samranija, figura li ssaħħar bosta u tbissima unika. Dawn kollha kienu karatteristiċi li kellha x-xorti tkun imżejna bihom. Kienet għadha kemm waslet id-dar mix-xogħol fejn kienet taħdem ma' aġenzija tal-proprjetà, kantuniera 'l bogħod minn fejn kienet toqgħod xħin ratu. Ommha kienet ħallithulha fuq il- mejda malli tidħol ħalli tarah żgur. Invit. Invit għal tieġ. Baqgħet hemm bilwieqfa tħares lejh għal ftit donnha tibża tiftħu. Idha kważi ħassitha tirtogħod. Kienet diġà taf. Bla ma kellha għalxiex tiftħu. Kienet ser tiftħu biss biex tara l-kartonċina tal-invit arteġjanat b'ħila kbira bil- lewlu bl-idejn. "Monica," ommha ħasditha hekk malli daħlet fil-kċina għal għarrieda. "Wasal l-invit. X'se tagħmel? Se tmur?" Bilkemm taqla' għajnejha fuq l-invit, għamlitilha iva b'rasha. "Taf li trid tivvjaġġa waħdek? Taf li jistgħu jagħmlulek xi ħaġa, jisirquk……" ommha bdiet tgħidilha. Monica għolliet idha bil- mod u għamlet subgħajha quddiem xufftejha. "Ħalli f 'idi ma. Naf x'għandi nagħmel. Imma t-tieġ sejra. Avolja ser ikun l-Italja." Ommha fehmet. Monica ma kinitx ta' subgħajha f 'ħalqha. Imma peress illi qatt ma kienet siefret waħedha, kienet qiegħda tinkwieta xi ftit għaliha. Eżatt tliet ġimgħat wara kienet qiegħda hemm; l-Italja. Peress illi t-tieġ kellu jkun fil-post ta' fejn kien joqgħod l-għarus, kien ser isir ġewwa Ġenova. Kienet fittxet ħafna dwar din il-Belt fuq l-internet u impressjonat ruħha b'dak li rat. Ħassitha xxurtjata li setgħet tiġi f 'post sabiħ bħal dan għat-tieġ ta' ħabiba tal-qalb. Niżlet minn fuq il-ferrovija kważi titgerbeb lejn l-art. Kellha bagalja kbira ħafna, mimlija. Kienet mgħobbija sew. Peress illi kienet ser tkun mistiedna diversi ikliet u preparamenti għat-tieġ, inkluż it-tieġ innifsu, Monica ħasbet biex iġġib diversi ġiżirajjen tad-deheb, fosos u djamanti magħha. Din kienet okkażjoni speċjali u kulħadd kien jaf Monica kemm kienet tħobb tiddandan. Eżatt malli imbuttat il- bagalja enormi li kellha lejn tabella kbira li kienet qiegħda timmarka l-ħinijiet ferrovjali, rawha. Jonas u Kaftan. Kienu żewġt irġiel ħaxxejja u ħallelin prima klassi. "Rajtha l-bagalja ta' dik?" qal Jonas lil Kaftan, jiftaħ par għajnejn daqsxiex. "Dik tgħodd għalina! Rajtha kemm hi liebsa fin? Dik żgur mimlija djamanti u oġġetti prezzjużi," wieġbu Kaftan bi tbissima mimlija ħażen. "Tidher tat-tajjeb it-tifla!" Bl- eċċitament ħass kważi l-bżieq ħiereġ minn ħalqu. Bla ma żiedu aktar kliem, kienu miftehmin. Monica ħalliet il-bagalja eżatt warajha u rat li l-ferrovija li kellha taqbad kienet appik li tiġi. Daret lura f 'salt biex tara li l-bagalja għadha f 'postha. "X'inhi sabiħa s-sinjorina," qalilha Kaftan b'ton ġentili. Tbissmitlu lura però wrietu li ma kellha l-ebda interess tkompli miegħu. Eżatt malli waslet it- tren, qabda nies resqu lejn l-apertura minn fejn tidħol u lil Monica għal ftit ma qelbuhiex b'dik il-bagalja f 'idha u b'borża żgħira b'xi ikel żejjed fiha, milli kienet ħalliet ftit qabel. Dak kien mument prezzjuż għal Jonas u Kafta u raw kif għamlu sabiex jgħollulha l-bagalja 'l fuq u taparsi jgħinuha tidħol fit-tren. Jonas kien diġà għamel ħsieb li jitlaq jiġri biha 'l hemm iżda bejn ir-rassa u bejn li Monica qagħdet maġenbhom il-ħin kollu, għarrielu. Daħħal il-bagalja fit-tren u kontra qalbu kellu jpoġġihielha fil- kompartament. "Dik x'fiha kemm hi tqila?" staqsieha b'nifsu maqtugħ u b'nerv minn dahru miġbud. Tgħidx kemm kellu aptit jitkellem ħażin. "Sejra tieġ ta' ħabiba tiegħi," weġbitu xott xott. Jonas u Kaftan ħarsu lejn xulxin minn taħt u għajnejhom bdew ileqqu. Kienu sabu x-xorti! Żgur kienet mimlija ġojjelli din il-bagalja! "Donnu għandi l-ġuħ," qaltilhom. "Inżel ixtri b'ġirja," qalilha Jonas. "Din għandha ħames minuti eżatti biex tagħlaq il-bieb!" "Imma lanqas għandi żgħar," bdiet tfittex fil-but tal-ġakketta li kienet liebsa. "Ħa mmurlek jien," qalilha Kaftan u telaq jiġri 'l barra mit-tren lejn gabbana żgħira li kien hemm faċċata tagħhom. Jonas baqa' jħares ftit lejh. Kaftan kien qed iġib ruħu xi ftit stramb. Beda jispera li ma kienx ħa grazzja magħha għaliex dan il-pjan kien jgħarrilhom. "Ħa niskuża ftit ruħi," qalet lil Jonas, turih li kellha bżonn tmur fil-kamra tal-banju. "Iva, iva," weġibha. Tatu borża żgħira b'riħa ta' ikel donnu ħażin ġej minn ġo fiha. "Żommhieli ftit," qaltlu bi tbissima. "Din x'fiha?" staqsieha Jonas b'wiċċu mqarras. "Xi ikel żejjed. Għax issa nara l-papri u l-għasafar fil- ġnien u nitmahulhom. Jonas ħa l-borża f 'idu u ħassu redikolat. Kaftan ġie lura b'ħobża u ċikkulata f 'idu. "Xtrajtilha ċikkulata wkoll?" staqsieh Jonas. "Tgħidlix li…." "Tindaħalx int," qallu. "Ma nifilħekx Kaftan, ejja ħa nippruvaw nitilqu issa hekk kif qiegħda fit-twalett! Ejja! Ħaffef!" qallu. Il-borża li kienet tatu kien diġà tefagħha fuq is-sedil tal-ferrovija biex jaqbdu l-bagalja u jitilqu jiġru 'l barra biha però mill- ewwel jaraw lil Monica ġejja lura. Ħarsu lejn xulxin u poġġew bilqiegħda qishom żewġ ġrieden. "Grazzi tal-ikel," qalet lil Kaftan, ħadet il-borża tal-ikel li Jonas kien qed ixomm jinten u bdiet tiekol. It-tren telqet minnufih. Matul it-triq bilkemm tkellmu. Monica baqgħet tħares barra mit-tieqa tul il-vjaġġ kollu. "Għandi n-ngħas," qaltilhom f 'ħin minnhom. "Orqod sabiħa," qalilha Jonas wiċċu mibdul fi tbissima sħiha waqt li kixef żewġ sinniet neqsin f 'kull naħa. "U le irrid nara l-ambjent," weġbitu. Però ftit ħin wara kienet qiegħda b'għajnejha magħluqin, isserraħ rasha mal-ħġieġa. Jonas ħares lejn Kaftan. Il- mument tagħhom kien wasal. Monica kienet raqdet! Fl-ewwel stazzjon ferrovjali li kien imiss dehru żewġt irġiel neżlin iħaffu minn ġot- tren b'bagalja kbira u goffa. Bdew jiġru kemm jifilħu li ma jmurx tilħaq tqum u tarahom. Staħbew wara kantuniera tal-istazzjon. "Din mimlija ġojjelli! Sejra tieġ qalet! U ngħidlek anke flus ħbiet hawn għax tidher tat-tajjeb!" qal Jonas jogħrok idejh u jiftaħ il-bagalja. Iż-żewġt irġiel ħarsu lejn il-kontenut tal-bagalja u lejn xulxin. Qliezet ta' taħt, ħwejjeġ ta' kuljum u xi żraben. Xejn aktar. Għalxejn qallbu kemm felħu. "U iva ma tlifna xejn," qallu Jonas kważi jrid jibki. "Tini l-aħħar żgħar li kien fadlilna ħa nixtri x'nixrob għax lanqas niflaħ nitkellem." "Infaqthom ikel għaliha!" kien pront wieġbu sieħbu. Jonas ħares lejn Kaftan u kellu aptit joqtlu. Monica kienet għadha fil- ferrovija. Kienet rilassata; rieqda bil-borża tal-ikel f 'ħobbha. Kienet ħalliet għajnha tmur biha għaliex kienet taf li ħadd ma kien ser ifittex id-dehbijiet kollha, djamanti, ġojjelli u flus fil- borża tal-ikel li kienet qed iżżomm f 'ħobbha. U tibdila għat-tieġ kienet ser tixtri minn hemm…..

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 5 June 2016