Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/688383
illum | Il-Ħadd 05 ta' Ġunju 2016 Opinjoni Il-President tappella lill-partiti biex ma jagħtux protezzjoni lil min qed juża mezzi soċjali biex ikissru lin-nies 'Tipproteġux lil min qed ikisser lin-nies' QED jidher biċ-ċar, li sfortunatament, għandna nuqqas ta' formazzjoni edukattiva, fil-mod kif nikkomunikaw l-ideat tagħna. Flimkien mal- polarizzazzjoni politika, qegħdin iwasslu biex l-ispazji u l-għodod ta' komunikazzjoni, jintużaw minn xi wħud, b'isimhom jew b'mod anonimu, biex jumiljaw, jirredikolaw, jintimidaw u jħammġu individwi u l-familji tagħhom, u jinvadu l-ħajja privata tagħhom. Din hija vjolenza soċjali li għandha tiġi kkundannata bla riżervi; vjolenza li tattakka id- dinjità tal-bniedem, tnawwar il-fibra soċjali, toħnoq il-komunikazzjoni vera, twerwer lil persuni innoċenti, tbiegħed lin- nies mill-ħajja pubblika, iddaħħal lin-nies f 'burdata ta' kattiverija, u tgħerreq lill- pajjiż f 'kultura ta' vjolenza psikoloġika, li tfixkel is- solidarjetà li l-poplu Malti huwa tant magħruf għaliha. Xtaqt infakkar fid- diskors li għamilt f 'Jum ir-Repubblika 2015, dwar id-dritt tal-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni, u nisħaq, li filwaqt li dmir ir-Repubblika huwa li tħares Artiklu 18 tad-dikjarazzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem, hemm limiti etiċi għal dan id-dritt. Il-fatt li hawn massa ta' nies li tipparteċipa b'mod attiv jew silenzjuż f 'dawn l-atti anti-soċjali u kontro- etiċi, jurina li għad fadal ħafna xi jsir biex l-għodod li tant għandhom potenzjal li jkattru d-djalogu, ma jibqgħux jiġu użati biex jifirdu, jweġġgħu u jwerwru. Għalhekk nappella lill- Maltin u l-Għawdxin ta' rieda tajba biex jużaw il- mezzi ta' komunikazzjoni soċjali, għodod u opportunitajiet oħra, biex ifakkru u jedukaw favur relazzjonijiet u kommunikazzjoni aktar etiċi, u biex jipparteċipaw fi djalogi soċjali li jistimulaw il-ħsieb mingħajr ma jweġġgħu. Komunikazzjoni soċjali li hija etikament produttiva, tagħmel kuraġġ lin-nies biex jipparteċipaw b'mod attiv fl-ispazji li tagħtina d-demokrazija. Irrid nappella lill- partiti politiċi u lill- entitajiet pubbliċi biex ma jipproteġu lill-ebda individwi, direttament jew indirettament, li jinqdew bil-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali biex ikissru l-ħajja privata tan-nies u l-familji. L-istrateġija ta' tkissir in-nies hija bħal susa soċjali, li tifnina lkoll, għax iċċaħħadna mill-komponenti essenzjali tal-verità, tas- sewwa u tad-dinjità. Fuq kollox, din l-istrateġija hija anti-edukattiva u ma tagħmel xejn ħlief li tiżgura li uliedna jitilgħu jemmnu, li l-libertà tal-espressjoni m'għandhiex tarf, limiti jew regoli. Dan huwa fost l-agħar legat li aħna l-adulti nistgħu nħallu lil uliedna. Għaldaqstant, nixtieq li dawk il-Maltin u l-Għawdxin kollha, li jemmnu fis-saħħa tal- għaqda ta' bejnietna, u fil-valuri l-oħra li jistgħu jmexxuna 'l quddiem bħala poplu, biex naħdmu flimkien, ħalli nsaħħu r-rispett, it-tolleranza, u d-dinjità fostna. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA "L-istrateġija ta' tkissir in- nies hija bħal susa soċjali, li tifnina lkoll.... dan huwa fost l-agħar legat li nistgħu nħallu lil uliedna"