Illum previous editions

ILLUM 28 August 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/720018

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 28 ta' Awwissu 2016 Opinjoni 18 Sfida żejda G ħaddew xahrejn mill-vot storiku tar- Renju Unit sabiex joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Għalkemm tista' ssir l-ewwel analiżi għar- raġunijiet tal-vot, għadna ma nafu prattikament xejn dwar in-natura futura tar-relazzjoni illi r-Renju Unit ser ikollu mal-U.E. Naħseb illi dina konstatazzjoni illi ħadd ma jista' jmeriha. Ħafna jaħsbu illi l-Ingliżi u n-nies ta' Wales (b'differenzi mill-Iskoċċiżi u n-nies ta' Ulster) ivvutaw sabiex ir-Renju Unit joħroġ mill-U.E. minħabba illi ddejqu jitmexxew minn Brussel. Jiena naħseb illi dan m'hu minnu xejn. Fil-verità, il-Kummissjoni Ewropea illi tant tlaqqat kritika hija bħal kwalunkwe burokrazija oħra, inkluż iċ-ċivil tagħna. Kemm nonfħu u ngergru kontra xi uffiċjal illi japplika r-regoli skond il-punto e virgola ? Madankollu, ilkoll nafu illi ċ-ċivil hu xi ħaġa illi ma nistgħux ngħaddu mingħajrha. L-istess fir-rigward tal- Kummissjoni Ewropea : hija l-kolla illi żżomm l-istituzzjonijiet ewropej flimkien. Bid-differenza illi għandha ukoll il-prerogattiva illi tinizja l-leġislazzjoni ewropea illi żgur ma tiġiex eżerċitata fl-ajru imma bħala rispons għall-ħtiġijiet ta' kontinent. Allura għala l-vot tar-Renju Unit kien favur il-ħruġ ? Fl-opinjoni tiegħi, il-motivi ħafna drabi kellhom aktar x'jaqsmu ma' raġunijiet interni milli minħabba xi risentiment profond kontra Brussel. Ħa niftehmu sew : ċertament kien hemm min ivvota minħabba l-ideja mifruxa sew illi r-Renju Unit spiċċa kolonja ta' Brussel u ried illi r-Renju Unit jerġa jieħu l-poter leġislattiv totalment f 'idejh. Imma ma naħsiebx illi dina kienet ir-raġuni prinċipali tal- vot. Naħseb illi r-raġuni prinċipali kienet illi meta l-kampanja favur it-tluq mill-U.E. tilfet l-argument ekonomiku u bdiet tiffoka minflok fuq l-immigrazzjoni mill-pajjiżi l-oħra tal-U.E., keskset mewġa ta' emozzjonijiet illi qalbet l-esitu. Min hu qiegħed, min m'għadhux igawdi mill-istil ta' ħajja li darba kien igawdi, faċli jwaħħal fl-immigranti għall- qagħda tiegħu. Fil-verità, l-U.E. kienet strumentali sabiex tingħata għajnuna kbira lir-reġjuni brittaniċi illi ntlaqtu ħażin mill-globalizzazzjoni. Nieħdu bħala eżempju r-reġjun tal-grigal tal-Ingilterra. Wieħed mill-akbar impriżi hija l-impjant tan-Nissan illi Thatcher irnexxielha tikkonvinċi tinvesti f 'Sunderland wara li għalqu l-aħħar tarznari. Illum Nissan timpjega 6,700 direttament mentri 30,000 oħra fir-reġjun jiddependu fuqha. Peress illidan l-impjant illi huwa wieħed mill-aktar effiċjenti illi għandha n-Nissan jesporta l-maġġiorparti tal-produzzjoni tagħha lill-kumplament tal-U.E., l-aċċess għas-suq waħdieni huwa ta' mportanza enormi għal Nissan. Il-kap ta' Nissan, Carlos Ghosn diġa wissa illi d-deċiżjonijiet futuri dwar investiment jiddependu mill-esitu tat-taħdidiet bejn ir-Renju Unit u l-U.E. Nissan kienet wissiet kontra vot favur il-ħruġ mir-Renju Unit. Madankollu, Sunderland, territorju tradizzjonalment laburista, ivvotat 61% favur il-Brexit. It-tħabbir tal-vot ta' Sunderland, b' dan il- marġni m'hux mistenni, kien l-ewwel indikazzjoni tar-riżultat finali. Dana minkejja illi Sunderland gawdiet bil-kbir mill-finanzjamenti ewropej. Meta għalqu t-tarznari fl-1988, l-U.E. kkontribwiet £ 45 m sabiex tgħin min spiċċa bla xogħol. Fis-snin ta' wara, għenet sabiex jinbena ċentru akwatiku kif ukoll sabiex l-università tibni campus ġdid waqt illi flus mill- Unjoni Ewropea taw palata sabiex titwaqqaf Sunderland Software City, ċentru t'għajnuna għall-imprendituri ġodda tas-software. Il-grigal tal-Ingilterra huwa ukoll ir-reġjun bl-anqas proporzjon ta' immigranti, 3%. Fl-2014, kien hemm 40,000 immigrant mill-U.E. u 42,000 minn barra l-U.E. minn populazzjoni ta' 2.5 m. Imma dan huwa r-reġjun fejn kien hemm l-akbar tnaqqis fil-populazzjoni mis-snin tmenin 'il hawn, 8%. U dan it-tnaqqis kien ikun akbar kieku m'hux għall- università illi qed jirnexxielha tattira studenti internazzjonali. Kif dejjem argumentajna, id-demografija hija l-lapes tad-deni tal-ekonomija. Għal ħafna mill-ħaddiema tal-grigal tal-Ingilterra, 'il bogħod mill-ġid ta' Londra u miż-żminijiet ġlorjużi tal-passat, il-vot kien mezz biex juru lill-elite li tmexxihom illi huma jgħoddu u ma jistgħux jiġu njorati. Kien vot fuq kollox illi juri id-distakk illi dejjem qed jikber bejn il-klassi tal-ħaddiema u l-partit laburista. Il-Labour uffiċjalment kien kontra l-Brexit imma illi l-mexxej tiegħu mexxa kampanja mill-aktar kajmana illi attiratlu ħafna kritika. Huwa ċar illi l-U.K. Independence Party qed igerrem mill-appoġġ tal-laburisti ukoll, u m'hux biss tal-konservattivi. Min tilef mill-globalizzazzjoni qiegħed jirvella, u dana anke narawh fil-ħaddiema bojod amerikani illi tradizjonalment dejjem ivvutaw demokratiċi imma lli qegħdin jappoġġjaw lill-populista Trump, l-ex komunisti franċiżi illi issa qed jappoġjaw lil Marine Le Pen u dawk taljani illi spiċċaw jappoġġjaw il-populisti tal-Lega Nord jew lil Movimento Cinque Stelle. Tajjeb illi ngħidu dan għax huwa ferm faċli illi mmaqdru lill-U.E. u l-Kummissjoni Ewropea meta minkejja illi dawna żgur m'humiex perfetti, fil-fatt, illi qed jiġri huwa d-dinamika inevitabbli taċ-ċaqlieq ekonomika illi ġabet magħha l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-globalizzazzjoni. Faċli illi wieħed jipprova jattira l-appoġġ billi jippriedka kontra l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ kif bosta politiċi qed jagħmlu imma l-istorja dejjem uriet illi l-protezjonjiżmu ma joħloqx il-ġid. Imma mur spjega dan lil min tilef xogħolu minħabba l-importazzjoni irħisa miċ-Ċina jew mill-Indja jew mill-Vjetnam. Il-vot tat-23 ta' Ġunju kien li kien u issa r-Renju Unit għandu prim ministru ġdida illi stqarret illi "Brexit means Brexit". Madankollu, ħadd għadu ma jaf eżatt xi tfisser Brexit minkejja illi Theresa May ħatret tlett ministri prominenti sabiex imexxu n-negozjati illi ġejjin mill-kamp tal-"Leave". Kif nafu, Boris Johnson inħatar ministru tal-affarijiet barranin fil-waqt illi l-ex-ministru tad-difiża, Liam Fox sar is-segretarju għall-kummerċ barrani illi ser jinnegozja t-trattati ta' kummerċ mal- pajjiżi varji meta r-Renju Unit joħroġ mill-U.E. Illum, dawn in-negożjati huma mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea u ċ-ċivil ingliż ftit li xejn għandu nies kapaċi sabiex imexxu tali negozjati. Għaldaqstant, qed isiru sforzi kbar sabiex jinstabu dawn in-nies. L-aħħar persuna tat-triumvirat huwa Peter Davis illi kien turufnat fi żmien Cameron u li issa laħaq s-segretarju sabiex ir- Renju Unit joħroġ mill-U.E. It-tlieta li huma għandhom personalitajiet u aġendi differenti u diġa bdew il-kwisjtonijiet bejniethom. Hemm min spekula illi din kienet mossa makakka ta' May illi poġġiet dawn it- tlett persunaġġi prominenti fil-kamp tal-"Leave" sabiex jinnegozjaw il- Brexit ħalli meta jidher ċar illi Brexit m'hux daqshekk faċli, ilaqtu l-ħtija huma meta jkollha tindaqq l-irtirata. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed joħroġ ċar kemm Brexit hija operazzjoni kumplessa. Ir-Renju Unit u l-U.E. huma ferm aktar intrinsikament marbutin milli forsi ħafna ħasbu u t-tluq tar-Renju Unit mill-U.E. qisha s-seperazzjoni ta' żewġ tewmin illi ilhom snin kbar magħqudin flimkien. Skond Charles Grant, direttur tas-Centre for European Reform, in-negozjati sabiex ir-Renju Unit joħroġ mill-U.E. jinvolvu sitt negozjati differenti illi l-esitu tagħhom jiddependi m'hux biss mill-buonavolontà tal-pajjiżi membri tal-U.E. kif ukoll tal- parlamenti tagħhom u tal-Parlament Ewropej imma anke tal-154 membru tal-Għaqda Dinjija tal-Kummerċ. Kwalunkwe membru ta' din l-għaqda jista' joġġezzjona għad-dħul tar- Renju Unit meta japplika sabiex jidħol fiha meta toħroġ mill-U.E. Skond Grant, ftehim minnhom irid ikopri s-separazzjoni legali mill-U.E., it-tieni jkun ftehim ta' kummerċ ħieles mal-U.E., it-tielet ftehim ikun wieħed temporanju sabiex ikopri l-perjodu bejn il-ħruġ tar-Renju Unit u d-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' kummerċ ħieles, ir-raba ftehim ikun id-dħul fl-Għaqda Dinjija tal- Kummerċ, il-ħames ftehim hu fil-fatt serje ta' ftehim ta' kummerċ ħieles illi ser jissostitwixxu t-53 ftehim illi l-U.E. għandha ma' pajjiżi oħra u s-sitt ftehim ikopri ko-operazzjoni fil-politika, barranija, difiża u sigurtà, materji illi m'għandhomx x'jaqsmu ma' kummerċ. M'hux ta' b'xejn illi hawn min qed jipprevedi illi l-Brexit ser tfisser snin u snin ta' negozjati. Imma dan kollu xorta ma jispjegax in-natura tar-relazzjoni illi r-Renju Unit irid mal-kumplament tal-U.E. Skond is-solitament ben informat Robert Peston, l-editur politiku ta' I.T.V., Theresa May iddeċidiet illi Brexit ser tfisser illi r-Renju Unit ikollu kontroll fuq l-immigrazzjoni, kontroll fuq il-leġislazzjoni u l-ebda kontribut ta' bil-fors lill-budget tal-U.E. Peston jikkonkludi illi dan ifisser illi r-Renju Unit qed jeskludi ftehim simili għal dak tan-Norveġja jew tal-Iżvizzera. Peston igħid illi Davis qed jaħdem fuq il-possibilità illi r-Renju Unit jinnegozja ftehim simili għal dak illi ġie negozjat mal- Kanada illi jkopri l-prodotti biss kif ukoll ftehim ad hoc dwar is-servizzi illi jikkostitwixxu 80% tal-ekonomija brittanika. Imma m'hemm l-ebda garanzija illi l-membri l-oħra tal-U.E. ser jaqblu ma dan l-arranġament u d-dritt tal-istituzzjonijiet finanzjarji brittaniċi illi jaħdmu fil-kumplament tal-U.E. żgur illi ser jitpoġġa f 'dubju serju jekk ir-Renju Unit jagħżel illi jirrinunzja għall-aċċess għas-suq waħdieni (illi ironikament huwa invenzjoni ta' Thatcher) sabiex jillimita l-libertà tal-moviment mill- pajjiżi l-oħra tal-U.E. Hu x'inhu l-każ, huwa ċar illi Brexit tefa' r-Renju Unit fil- limbu mingħajr direzzjoni ċara liema triq ser jieħu fil-futur. Dina l-inċertezza żgur ser taffetwa l-livell ta' investiment fl-ekonomija brittanika u l-konsegwenzi ta' dan diġa bdejna narawh Malta. Imma anke l-kumplament tal-U.E. ser tiġi affetwata minn din l-indeċiżjoni brittanika u jekk din is-sitwazzjoni tieħu fit-tul, il-konsegwenzi jistgħu jkunu serji u inċerti fil-futur għal kulħadd. Meta l-U.E. kollha messha qiegħda tikkonċentra fuq l-isfidi kbar li għandha minħabba l-globalizzazzjoni, it-tibdil fil- klima, it-terroriżmu u ħafna sfidi oħra, l-għażla tar-Renju Unit għal raġunijiet spiss ibbażati fuq nostalġija mperjali u emozjonijiet irrazjonali hija kapriċċ illi tista' tiddestablizza kontinent sħiħ. Il-mexxejja ewropej kollha, inkluż dawk brittaniċi, żgur illi qatt ma kellhom sfida daqshekk kbira, sfida illi messha qatt l-anqas biss tfaċċat fuq ix-xefaq. JOE ELLIS

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 28 August 2016