Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/720018
illum Il-Ħadd 28 ta' Awwissu 2016 Sports 32 minn Cristian Antony Muscat ILPASSI ta' ġgant li għamlet l-MFA matul l-aħħar snin huma ferm evidenti u jista' jarahom kulħadd. Iżda dan għadu biss il-bidu hekk kif jidher li hemm bosta proġetti imħejjija għall-futur, speċjalment f 'dak li għandu x'jaqsam ma' infrastruttura. Fost l-aktar proġetti li għamlu l-headlines mhux biss tal-aħbarijiet sportivi, hemm dak ta' piċċ ġdid fl-Istadium Nazzjonali f 'Ta' Qali, li għadu kemm tlesta biex jiġi inawgurat b'mod uffiċjali nhar l-4 ta' Setrembru li ġej, meta Malta taffronta lill-Iskozja f 'logħba ta' kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja li se ssir fir-Russja fl-2018. Il-piċċ il-ġdid fl-Istadium Nazzjonali f 'Ta' Qali huwa tali li jħabbatha ma' wħud mill-aqwa stadia fl-Ewropa, hekk kif huwa mgħammar bl-aħħar avvanzi fir- rigward ta' terran u teknoloġija li jagħmlu l-istadia iktar idonei għal- logħob. M'hemmx dubju li minn dawn l-avvanzi se jkunu qed igawdu l-klabbs lokali, li dejjem kienu l-prijorità ewlenija tal-MFA kif spjega waqt konferenza stampa li saret nhar l-Erbgħa li għadda s-Segretarju Ġenerali tal-MFA, Bjorn Vassallo. Kien propju waqt din l-istess konferenza stampa li tħabbar li l-kumpanija SISGrass, li tirrapreżenta l-aktar sistema ta' turf naturali avvanzat li teżisti fil-preżent, kienet ġiet installata b'suċċess fl- Istadium Nazzjonali f 'Ta' Qali. Żviluppata minn SIS Pitches, li huma n-nies ewlenin fid-disinn, il- manifattura, il-kostruzzjoni, l-installazzjoni, u l-manutenzzjoni tal-artijiet li fuqhom jintlagħab l-isport madwar id-dinja, bi 15-il sena esperjenza jaħdmu mal-ikbar ismijiet fl-isport, SISGrass tirrapreżenta l-aħħar innovazzjoni għall- Istadium Nazzjonali. Din is-sistema tipprovdi stabbiltà aħjar tal-piċċ, waqt li twassal għal aktar sigħat ta' logħob minn pitches normali b'turf differenti minn dak li ġie nstallat fl-Istadium Nazzjonali. Tajjeb wieħed jirrimarka li din is-sistema ttrijonfat fl-edizzjoni ta' din is-sena tal-unuri marbuta mat-teknoloġija fl-isport fil-kategorija tal-aħjar użu ta' teknoloġija minn klabbs sportivi jew ditti partikolari. Rimarkabbli huwa l-fatt li l-logħbiet mit-Tazza tad- Dinja tal-2018 fir-Russja li se jkunu qed jintlagħbu fil-Luzhniki Stadium se qed jintlagħbu fuq piċċ imsejjaħ 'hybrid' li se jkun qed jinkludi wkoll sistema ta' 'under-soil heating' u sistema teknoloġika ta' ventilazzjoni. Dan l-istadium se jkun qed jospita logħbiet mill-fażi tal- gruppi, is-semifinali kif ukoll il-finali tat- Tazza tad-Dinja. Barra minn dan l-istadium, SIS Grass ħadet ħsieb ukoll li tibni piċċ ġdid fl-istadium il-ġdid tal-klabb ewlieni Russu, Spartak Moscow li jġib l-isem ta' Otkritie Arena li wkoll għandu jintuża waqt it-Tazza tad-Dinja li jmiss. It-teknoloġija SIS Grass hija magħrufa madwar id-dinja kollha u kienet il-moħħ biex jiġu installati piċis tal-ogħla livell madwar l-Ewropa kollha. Fost dawn insibu dak ta' Derby County fl-Ingilterra li ngħata l-isem ta' iPro Stadium, l-Istadium ta' Besiktas fit-Turkija - il- Vodafone Arena, l-Istadium ta' Olympiacos fil-Greċja - il-Georgios Karaiskakis Stadium u Sammy Ofer Stadium fl-Iżrael. Barra minn hekk, ġew installati piċis ġodda fit-training grounds ta' St Georges Park, kif ukoll tal-klabbs Ingliżi, Chelsea, Derby County u Hull City. Dawk li huma magħrufa bħala SIS Pitches li bħalhom se jkollna f 'Malta permezz tal-Istadium Nazzjonali, jinsabu imxerrdin madwar id-dinja kollha f 'dak li għandu x'jaqsam mhux biss ma' klabbs tal-futbol iżda wkoll ma' skejjel, universitajiet, kulleġġi u awtoritajiet lokali f 'diversi pajjiżi fosthom fl-Ingilterra, ir-Russja, it-Turkija, l-Olanda, l-Angola u pajjiżi ġejjin mil-Lvant Nofsani. Din is-sistema ta' turf hija liċenzjata mill-FIFA u meqjusa fost l-aqwa mill- istess awtorità li tmexxi l-futbol mondjali. Intant, waqt il-konferenza stampa li ġiet indirizzata lbieraħ, is-Segretarju Ġenerali tal-MFA saħaq li huwa ta' unur kbir għall- MFA li laħqet ftehim ma' din il-kumpanija ewlenija biex jiġi mibdul il-piċċ tat-turf li tant kien punt ta' kontroversja fl-aħħar snin, hekk kif bosta plejers kienu jisħqu li dan ma kienx tal- ogħla livell. Huwa kompla li dan huwa xhieda ċara li l-MFA dejjem taħdem qatigħ għall-akbar ġid tal-futbol lokali. Kien propju rigward dan il-punt li l-gazzetta ILLUM għamlet domanda lir-rappreżentant ta' SISGrass, George A. Mullan fejn intalab jagħti iktar dettalji rigward l-esperjenza ta' ħidma li kellu mal-MFA li ġejja minn pajjiż żgħir bħal mhuwa Malta. Dan fid-dawl tal-fatt li huwa mdorri jaħdem ma' assoċjazzjonijiet tal-futbol ġejjin minn pajjiżi ferm ikbar minn tagħna, iżda huwa mal-ewwel wieġeb li baqa' ferm impressjonat bil-ħidma sfieqa tal-MFA għall-akbar ġid tal-futbol lokali, fejn awgura li l-koperazzjoni massima li sab min-naħa tal-MFA tkun l-istess li huwa għandu jsib fil-futur minn pajjiżi oħra, fejn sfortunatament huwa ammetta li dan mhux dejjem ikun il-każ. Intant, f 'domanda lil Bjorn Vassallo rigward jekk hemmx pjanijiet li titneħħa t-trakka ta' madwar l-Istadium Nazzjonali biex wieħed ikun jista' jsegwi l-logħob iktar mill-viċin, kif ukoll rigward il-kummerċjalizzazzjoni tal- klabbs li tant ilha tissemma' mill-MFA, speċjalment mill-president Norman Darmanin Demajo, is- Segretarju Ġenerali tal- MFA saħaq li dawn huma proġetti li jinsabu fl-imħuħ tal-amministraturi tal-MFA, fosthom tiegħu u għandhom isiru realtà fis-snin li ġejjin. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Bjorn Vassallo ħabbar li dan il-proġett ta' piċċ ġdid fl-Istadium Nazzjonali f 'Ta' Qali, ġie jiswa lill-MFA, xejn inqas minn €1.5 miljun. Pass ieħor kbir mill-MFA...Imniedi piċċ ta' livell mondjali -Istadium Nazzjonali f 'Ta' Qali Il-pitch il-ġdid tal-Istadium Nazzjonali f 'Ta' Qali Bjorn Vassallo, Manuel Cassar u rappreżentanti ta' SISGrass iżanżnu l-pitch il-ġdid tal- Istadium Nazzjonali f 'Ta' Qali Ritratti: Domenic Aquilina