Illum previous editions

ILLUM 28 August 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/720018

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

Il-Ħadd 28 ta' Awwissu 2016 | illum Rakkont 23 Għall-aħħar darba minn Sharon Calleja ĦARSET lejn l-arloġġ ta' fuq il-komodina. Fetħet għajnejha kemxejn aktar ħalli tiġi f 'tagħha. Illum. Illum kienet waslet dik il-ġurnata li tant kienet qiegħda tistkerraħ. Daret bil-kontra fis-sodda, qalb il-lożor imqallbin u ħarset lejh. Għalkemm kienet taf li ma kellhiex torbot qalbha miegħu, f 'dawn l-aħħar sentejn, kienet saret tħobbu. Kien rieqed qisu tarbija. Xufftejh kienu kemm kemm imbexxqin, għajnejh nofshom miftuħin u n-nifs kien b'ritmu trankwill. Xagħru iswed innukklat kien imferrex fuq l-imħadda. Għal mument xtaqet iddawwar idejha miegħu u tibqa' hemm. Xtaqet tħobbu tal-aħħar, iżda kienet taf li kien sar il-ħin. Il-ħin li titilqu għal dejjem. "Jerome...." lissnet minn taħt. Tatu bewsa b'passjoni kbira, dawret subgħajha f 'nokklu ta' xagħru, waqt li r-riħa familjari tal-ġilda tiegħu daħlet f 'imnifsejha u ħassitha kważi tirtogħod. "Ċaw, qalbi. Daqshekk rajtni...." qalet, bilkemm tinstema'. Qamet minn ġos-sodda b'ħeffa, ħadet kolazzjon ħafif u tat daqqa t'għajn lejn il-kċina. Din id-dar kienet saret parti minnha. Kienet drat sew hawnhekk. Għalfejn kienet xortiha daqshekk ħażina? Kif ma setgħetx tibqa' hawn? U kif min ikollu dal-ġid kollu, ma jkunx jaf japprezzah? Poġġiet il-platti li użat fis-sink, ħaslithom u bdiet iddur kamra, kamra, tħares lejn l-għamara u tifli kull kantuniera. Kieku riedet setgħet tibqa hawn. Setgħet tivvinta xi ħaġa biex tibqa tgħix f 'din il-ħajja lussuża ma' dan ir-raġel li bla ma riedet kienet saret tħobb. Imma kienet taf li ma setgħetx. Dawret ħarsitha lejn il- purtieri jperpru maż-żiffa ħelwa li kienet dieħla mit- twieqi, messet id-drapp fin tagħhom għall-aħħar darba u ħarġet mid-dar. Qalbha kienet maqsuma. Sentejn. Sentejn eżatt. Imxiet fuq it-takkuna li kienet drat tilbes dawn l-aħħar sentejn u daħlet fil-karozza lussuża li kien hemm ipparkjata quddiem id-dar tagħha. Tagħha. X'ironija. Sentejn ilu, meta ġiet hawn l-ewwel darba lanqas felħet temmen li kienet ser tidra daqshekk u li xi darba kienet se tqis dan kollu bħala tagħha. Qabbdet il-karozza u telqet biha. Mat-triq, infaqgħet tibki kemm-il darba. Ma setgħetx temmen li din il-ġurnata kienet waslet. U biex tgħaxxaq fuq l-istazzjonijiet kollha tar-radju, ħlief diski tal-imħabba u tad-dwejjaq ma bdietx issib! Telgħetilha fawra għal rasha u qabdet tfietu. Aħjar fis-silenzju. Aħjar tiffoka fuq it-triq. Għajnejha kienu qegħdin idemmgħu u bilkemm setgħet tara ssuq. Almenu fuq wiċċha kienet qegħda tħoss ir-riħ ivenven mit- tieqa li kien qed iwennisha. Damet issuq sagħtejn sħaħ. Kienet ħarġet mill-istat fejn kienet toqgħod u waslet fi stat ieħor. Il-post eżatt fejn ftehmu li jiltaqgħu kien l-istess wieħed fejn kienu ltaqgħu sentejn ilu. Hekk kif waslet fil-parkeġġ kbir, nofsu vojt tar-ristorant, bdiet iddawwar rasha 'l hemm u 'l hawn ħalli tara fejn ser tipparkja. Qalbha għamlet tikk. Inħasdet. Ħadet brejk. Għarfitha. Għafset idejha mal-istering u pparkjat ħdejha. Bdiet tħoss in-nifs kważi jinqatgħalha. Ħarġet minn ġol-karozza u fliet il-karozza ta' maġenbha. Għamlet idha fuqha u bdiet tħossha konfuża. Sentejn. Kienet ilha ma taraha sentejn sħaħ. Il-karozza li kienet qiegħda tara ma kinitx lussuża bħal dik li kienet ġiet fiha. Għalkemm kienet għadha fl-istess kundizzjoni li kienet ħallietha sentejn ilu, xorta kienet karozza xi ftit imdamdma u bis-sadid 'l hemm u 'l hawn. Ħadet nifs twil, irranġat il-libsa eleganti li kienet fiha u l-aċċessorji pariġġ li kienet drat tilbes dan l-aħħar u erħitilha lejn il-ħanut. Malli daħlet ġewwa, ir-riħa ta' kafè imħawwar ma' bajd moqli, fawritilha l-pulmun. Iżda ma kellhiex aptit tiekol. Ma kellha moħħ xejn. Kull ma xtaqet tagħmel hu li tidħol fil-karozza li kienet għadha kemm ġiet biha u titlaq 'il bogħod kemm jista' jkun. "Jenny!" semgħet leħen femminili jgħajjtilha. Jenny daret tħares. Ratha. Qalbha waqfet tħabbat għal ftit sekondi. "Carrie..." bdiet tgħid hekk kif oħtha ġiet tiġri lejha u bdiet tgħannaqha kemm tiflaħ. Carrie kienet liebsa qalziet issikkat, top każwali u kellha nuċċali tax-xemx. Jenny kienet għadha qatt ma rathom qabel. Ftit ħin wara, kienu bilqiegħda quddiem xulxin donnu ma kien hemm xejn insolitu bejniethom. Carrie kienet neżgħet in-nuċċali tax-xemx u għalkemm l-arja ta' bejniethom kienet xi ftit tqila, iż-żewġt aħwa kienu qegħdin jitbissmu lil xulxin. "Tridu xi ħaġa?" staqsiethom waħda mill- impjegati tal-ħanut li kienet qiegħda tnaddaf xi mwejjed. "Kafè," qalet Jenny bi tbissima sfuzata. "Lili għamilli tazza ħalib friska," weġbitha Carrie. "Mela sirt tħobbu l-kafè?" staqsietha Carrie hekk kif il- wejtress kienet illargat. "Drajt hux." "Drajt ħafna affarijiet donnok," qaltilha Carrie. "Kif mort?" "Jiena tajjeb u int?" staqsietha b'mod każwali. "Jenny, grazzi. Issa nħossni nista' nkompli ngħix. Nixtieq nirringrazzjak ta' kollox. Din veru kelli bżonnha," qaltilha oħtha tħares f 'għajnejha. "Taf li l-aħwa għalhekk qegħdin," weġbitha Jenny. "Immissjajtni f 'dawn l-aħħar sentejn?" Jenny ħasset għoqla tielgħa fi griżmejha. "Mhux ovvja? Għalkemm aħna l-kontra ta' xulxin u minn dejjem hekk konna, inti xorta...." "Naf. Din nerġgħu nagħmluha....." "Iva, nerġgħu niltaqgħu hawn, sentejn oħra!" ħatfitha Jenny fil-kelma. "Kieku tajjeb!" qaltilha Carrie tidħak kemm tiflaħ, "imma issa nħossni tajba. Grazzi oħt. Grazzi ta' vera." Wara li ħadu l-kafè u l-ħalib, tkellmu fuq l-esperjenzi tagħhom, ħarġu mill-ħanut u marru n-naħa ta' wara, fejn kien hemm il- kmamar tal-banju. Daħlu waħda wara l-oħra. Iċċekkjaw li ma kien hemm ħadd u ssakkru f 'kamra waħda. Carrie bdiet tinża'. Neżgħet it- top, il-qalziet, il-bra, il-papocc, il-qalziet ta' taħt u l-aċċessorji li kienet liebsa. Ħarset lejn Jenny. Jenny bdiet tinża' hi wkoll. Neżgħet għarwiena ħuta u biddlu l-ħwejjeġ ma' ta' xulxin. Eżatt malli libsu, ma kontx tinduna liema waħda hi Jenny u liema kienet Carrie. Peress li kienu tewmin identiċi ħadd ma kien jagħrafhom minn xulxin. Anke leħinhom kien bħal ta' xulxin. Jenny tat iċ-ċwievet tal- karozza li kienet ġiet fiha lill-oħtha u Carrie tatha tagħha. Tgħannqu. "Se nimmissjak," qaltilha Carrie u telqet lejn il- karozza lussuża, hi u timxi xi ftit żgarbata fuq it- takkuna. Kienet ilha tilbes l-istil ta' oħtha għal dawn l-aħħar sentejn u kienet drat. Jenny ħassitha tgħir għal oħtha. Kienet taf li hi ma kellha xejn għal ħdejn oħtha. La flus, la xogħol tajjeb, la raġel iħobbha, la rikkezzi, la stil...xejn. Jenny daħlet fil-karozza u telqet xi ftit irrabjata. Kienet taf li fl-appartament mikri, żdingat, li kienet ħalliet sentejn ilu ma kien hemm jistennieha ħadd. Kienet taf li ħajjitha kienet se terġa' tiġi monotona, mingħajr Jerome, ir-raġel t'oħtha. Meta Carrie kienet ipproponiet biex jinbidlu għal sentejn għaliex kellha l-problemi fiż-żwieġ u riedet ftit ħin waħedha, Jenny kienet iddejqet xi ftit. Iżda mbagħad kienet drat. Kienet drat tilbes differenti, drat il- ħajja lussuża, drat l-imħabba ta' raġel. Kienet stagħġbet kif oħtha ma kinitx qiegħda tapprezza dan kollu. Xi nofs siegħa wara waslet quddiem l-appartament. Ipparkjat. Fetħet il-bieb u daħlet. Fetħet għajnejha beraħ u qalbha bdiet tħabbat mija mija. L-istil tal-appartament kien mibdul! Kollox kien modern u sabiħ! Mhux kif kienet ħallietu sentejn ilu hi! Bdiet iddur kamra kamra, bilkemm trid temmen. Tbissmet. Marret tiġri lejn il-gwardarobba u fetħet il-bieba. Il-ħwejjeġ kienu kollha eleganti u sbieħ! Kollox tad-ditta! "Carrie...." bdiet tgħid. Dak il-ħin, ħabbat il-bieb. Tgħid kien ġie xi wieħed minn sħabha li kienet toħroġ magħhom filgħaxijiet f 'xi klabb, jixorbu? Marret tiftaħ il-bieb bil-mod u rat lil Simon b'pakkett imgeżwer f 'idu. "Simon?" fetħet ħalqha beraħ. "Int...??" Simon kien il-ġuvni li kienet ilha tiffansja minn meta kienu għadhom l-iskola. Iżda qatt ma kellha l-kuraġġ tgħidlu li kienet tiffansjah. "Mela nsejt li llum kellna mmorru nibbukkjaw il- fjuri?" staqsieha, jaqbadha minn qaddha u jbusha. "Xtrajtlek dar-rigal żgħir, għax taf kemm inħobbok." "Il-fjuri.....?" staqsietu b'leħen jirtogħod. "Il-fjuri għat-tieġ tagħna. U wara mmorru mixja fuq il-bajja li tant tħobb inti." Jenny ħasset l-art iddur biha. "Carrie...." lissnet b'leħen baxx. "Grazzi..." U qabdet lil Simon minn idu u flimkien telqu jiġru 'l barra.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 28 August 2016