Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/720018
Il-Ħadd 28 ta' Awwissu 2016 | illum Sports 31 L-Olimpjadi ta' Rio fost ferħ, spettaklu, diżappunti u sorpriżi minn Cristian Antony Muscat LATMOSFERA unika, l-ispettaklu, il-ferħ, id- diżappunti, is-sorpriżi, il-kritika, it-tamiet ta' pajjiż, ir-riskju li titlef il-kburija tiegħek bħala pajjiż, iċ-ċans li tirbħu lura, l-opportunità ta' darba fil-ħajja, il-glorja u l-uġigħ. Dawn il-karatteristiċi kollha jagħmlu l-ispirtu tal-Logħob Olimpiku, minħabba l-fatt li dawn il-Logħbiet mhumiex sempliċiment rigward rebħ ta' midalja tad-deheb, iżda rigward is-sagrifiċċji, l-isforzi, il-ħolmiet, u fl- aħħar iżda mhux l-inqas l-esseru uman innifsu. Probabbilment, din il- 31 edizzjoni tal-Logħob Olimpiku mhux se tibqa' mfakkra bħala l-aqwa ta' kull żmien, l-iktar minħaba l-fatt li ġiet imtappna bl-iskandlu tad-doping tar-Russja u s-sitwazzjoni soċjali miżerabbli f 'Rio. Madankollu, l-isport, bħal dejjem jirnexxielu jiżboq bil-bosta dawn il-materji msemmija, u għal darb'oħra pprovdiena b'mumenti speċjali li dawn il-logħbiet biss kapaċi joffru lill- pubbliku sportiv. L-Istati Uniti għal darb'oħra reġgħu ppruvaw li huma l-aħjar nazzjon, fejn jidħol sport mondjali, hekk kif irnexxielhom jiksbu l-1,000 midalja tagħhom fl- Olimpjadi, waqt li assistejna għal wirjiet superlattivi tal-għawwiem Michael Phelps u l-flessibbiltà pura tal-ġinnasta żagħżugħa, Simone Biles. Rajna wkoll lill-atleta leġġendarja Amerikana, Allyson Felix tiskolpi isimha fil-Hall of Fame tat-'Track and Field' fl-Atletika waqt li komplew jimpressjonaw fejn jidħol sport li jinvolvi tim fosthom fil-basketball. L-unika ħaġa li ħammritilhom wiċċhom ġiet mill-għawwiem Ryan Lochte, li nstab li gideb meta qal li kien vittma ta' kriminalità, f 'serqa. Min-naħa l-oħra, l-Olimpjadi ta' Rio kienu speċjali għal pajjiżi żgħar hekk kif għaxar nazzjonijiet rebħu midalja tad-deheb għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom, jew inkella telgħu fuq il-podju għall- ewwel darba. Dawn kienu l-Bahrain, il-Fiji, il-Kosta tal-Ivorju, il-Ġordan, il-Kosovo, Puerto Rico, Singapore, it-Tajikistan u l-Vjetnam, kif ukoll tim kompost minn atleti ġejjin mill-Kuwait, li iżda kkompetew mat-tim imsejjaħ 'Atleti Olimpiċi Independenti'. Pajjiżi oħra rebħu l-ewwel midalja fi sport partikolari bħal per eżempju d-Danimarka fl-Atletika, u l-Italja fil-Beach Volley, b'dawn tal-aħħar iżda baqa' ma rnexxielhomx iwarrbu l-isfortuna li jirbħu l-midalja tad-deheb tal-volleyball, hekk kif fil-finali tal-irġiel huma sfaw megħluba mill- Brażil, biex b'hekk kellhom jikkuntentaw bil-midalja tal-fidda. Rigward l-aktar sport popolari, jiġifieri l-futbol, l-Olimpjadi jistgħu ikunu l-aktar tournament irrelevanti u mingħajr importanza, iżda ironikament, kellna nassistu għal waħda mill-iktar partiti eċitanti fl-istorja tal-futbol, meta fil-finali, il-Brażil għelbu lill-Ġermanja bl- iskor ta' 5-4, wara l-għoti tal-penaltis, bl-eroj assolut għalihom ikun l-attakkant ta' Barcelona, Neymar. Dawn kienu wkoll l-Olimpjadi li rawna nagħtu l-aħħar tislima bħala parteċipanti f 'Logħob Olimpiku lill-atleti meqjusin bħala l-aqwa ta' kull żmien, fid-dixxiplina li huma jipprattikaw, jiġifieri Michael Phelps fl-għawm, Usain Bolt fl-atletika, u Manu Ginobili u Carmelo Anthony fil-basketball fost oħrajn, li l-preżenza tagħhom fl-Olimpjadi tkun dejjem waħda straordinarja li wieħed jassisti għaliha. Rio 2016 kienet ukoll konferma tal-iżviluppi kbar li saru fil-qasam tan-nisa fl-isport mondjali, hekk kif xejn inqas minn 45% tal-atleti kienu propju nisa, fejn b'hekk taw prova li 'Missier l-Olimpjadi', Pierre De Coubertin kien tassew żbaljat, hekk kif huwa kien kontra l-parteċipazzjoni tan- nisa fl-Olimpjadi. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, it-Torċa Olimpika se tkun qed tgħaddi għand il-Ġappuniżi, hekk kif erba' snin oħra jkun imiss lill-belt ta' Tokjo, li tilqa' dawn l-Olimpjadi. Fl-istess waqt, ikomplu għaddejjin fl-aqwa tagħhom is-sagrifiċċji, it-tamiet u l-ħolm tal-eluf ta' atleti li se jkunu qed jipparteċipaw f 'dawn l-Olimpjadi erba' snin oħra f 'Tokjo. Intant, l-atleti Maltin xejn ma impressjonaw waqt dawn l-Olimpjadi, anzi nistgħu ngħidu li ddiżappuntaw, hekk kif kienet l-atleta Charlotte Wingfield li kisbet l-aħjar riżultat meta kkwalifikat għall-ewwel rawnd tal-100m wara li rebħet il-heat preliminari f 'ħin ta' 11.86 sekondi. Iżda mbagħad, meta ħadet sehem f 'dan ir-rawnd, ikklassifikat fis-57 post overall, minn massimu ta' 64, biex b'hekk sfat eliminata. Hija ġriet fis- sitt heat minn tmienja fejn spiċċat fl-aħħar post, bil-ħin tagħha jkun dak ta' 11.90 sekondi. It-tiratriċi Eleanor Bezzina, spiċċat fit-22 post minn 44 kompetitur, fit-10m air pistol bi 379 punt flimkien ma' seba' tiraturi oħra, iżda ġiet klassifikata t-tielet waħda b'dan il-pun-teġġ. Dan ir-riżultat ta' Bezzina ġie mfisser bħala wieħed sodisfaċenti meta falliet il-finali b'ħames punti biss. Wara din il-kompetizzjoni, kien imiss li Bezzina tipparteċipa fil-kategorija tal-25m air pistol, fejn temmet fis-36 post. Fil- kompetizzjoni msejħa 'Precision', hija kisbet 283 punt. Fost l-aktar atleti Maltin li kien mistenni minnhom, iżda li l-aktar iddiżappunta, kien hemm it-tiratur ewlieni Malti William Chetcuti li ppro¬duċa wirja fqira meta ħa sehem fid-double trap għar-raba' darba konsekuttiva. Chetcuti, li għandu 31 sena, spara fuq 30 plattina għal ħames darbiet li fihom kiseb punteġġ ta' 22, 25, 24, 26 u 26 f 'kull waħda għal total ta' 123 minn 150. B'hekk huwa spiċċa fis-17-il post minn 22 tiratur meta fit-tliet Olimpjadi ta' qabel, l-inqas post li kiseb kien id- disa' wieħed. L-għawwiema Nicola Muscat ikklassifikat fis- seba' post minn tmien għawwiema fis-sitt heat tal-50 metru Freestyle. Hija kisbet ħin ta' 26.6 sekonda u naqset li tikkwalifika għar- rawnd ta' wara. Min-naħa l-oħra, Andrew Chetcuti, ħa sehem fil-100m freestyle. Huwa ħa sehem fit-tieni heat fejn spiċċa fir-raba' post b'ħin ta' 51.37 sekondi. Huwa kellu ħin aħjar fl- ewwel frazzjoni ta' 50m meta għamel id-distanza f 'ħin ta' 23.90 sekondi. Minn fost 59 kompetitur, Chetcuti spiċċa fil-51 post. Il-weightlifter Kyle Micallef, naqas li jagħmel refa' waħda fil- kompetizzjoni tal-85 kilogramma, meta naqas li jikseb skor tajjeb biżżejjed biex jipproċedi għar-rawnd ta' wara, u kawża ta' hekk ġie eliminat mill-kompetizzjoni. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, l-atleta żagħżugħ Luke Bezzina, ħa sehem fit- tieni heat tal-100m flimkien ma' sitt atleti oħra fejn huwa tilef il-kwalifikazzjoni bi ftit wara li temm fit-tielet post wara l-atleta mit-Tongo, Siueni Filimone li kiseb ħin ta' 10.76 sekondi. Dan ir-riżultat kien ifisser it-12- il post overall mill-heats kollha għal dan l-atleta li kien qed jieħu post l-atleta Kevin Moore, minħabba li dan kien instab pożittiv għal test tad-doping, 0.12 sekondi biss wara l-atleta mill-Brunei, Mohamed Fahkri Ismail li kiseb l-aħħar post ta' kwalifikazzjoni meta rreġistra ħin ta' 10.92 sekondi. B'hekk, Luke Bezzina safa eliminat mill- kompetizzjoni tal-100m.