Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/720018
illum | Il-Ħadd 28 ta' Awwissu 2016 Aħbarijiet 10 Wara s-sajf jiġi l-biki: Skeda Kien sajf kwiet, imma kien l-aħħar sajf kwiet...Muscat se jkollu ħafna x'jagħmel, x'jirranġa u xi jnaddaf jekk irid jibqa' Prim minn Albert Gauci Cunningham DAN is-sajf ftit li xejn seħħew ġrajjiet politiċi. Il-battibekki kienu mill- anqas u t-temperatura niżlet ġmielha kkumparat mal- furur li qam matul ix-xhur tax-xitwa minħabba l-każ tal-Panama. Imma fir-realtà, il-kwiet ta' dan is-sajf kien preludju għat- tempesti politiċi inevitabbli li għandna nistennew minn issa, sakemm tissaffar is-suffara għall-elezzjoni ġenerali Joseph Muscat jispiċċa dan is-sajf u jibda l-istaġun politiku l-ġdid b'ħafna inqas saħħa minn bħal daż-żmien sena minħabba kwistjoni li prattikament tefgħet lill- Partit Laburista u l-Gvern li jmexxi, fi kriżi politika. Iffaċċjat b'diżillużjoni mifruxa fost il-partitarji tiegħu stess u fost ħafna switchers, kif qed jara li jista' jerġa' jirbaħ mill-fiduċja li tilef Muscat? Liema hi s-saħħa tal-Gvern li jmexxi u liema hi d-dgħjufija? Kif se jiġġieled il-perċezzjoni li l-Gvern tiegħu mhux trasparenti? U lil Simon Busuttil qed jissottovalutah? L-ILLUM tħares lejn x'seta' kien fuq moħħ Muscat dan is- sajf qabel ma jerġgħu jibdew il-battalji, li din id-darba nassumu li jixtieq jirbaħ. Tentattivi lejn ix-xellug... L-elezzjoni għal Deputat Mexxej ġdid tal-Partit Laburista u r-riżultat ta' dik l-istess l-elezzjoni uriet li l-borma tbaqbaq ta' Laburisti rrabjati hija fattur li l-Partit Laburista ma jistax jinjora. Ma kien sorprendenti xejn li Chris Cardona, l-aktar kandidat voċiferu u li jappella għal dan is-sentiment, rebaħ tali elezzjoni interna. Għalkemm kienet sempliċiment elezzjoni interna u għalhekk mhux ta' wisq interess għal min qed iħares lejn il-Labour minn barra, dik il-kontestazzjoni mmarkat il-bidu ta' bidla strateġika u importanti fil- partit, f 'dak li jirrigwarda politiki soċjali u ġustizzja soċjali. Filwaqt li s-saħħa ta' Muscat tibqa' mmarkata fil-mod kif irnexxielu jressaq lejh interessi ta' negozji kbar lejn il-partit, jew aħjar lejn Gvern Laburista u filwaqt li Muscat żamm ma' kelmtu u fetaħ it-tapit l-aħmar biex jagħmel ħajjet l-istess negozji kbar aktar faċli, dan xorta huwa riskju jekk l-istess trattament jibqa' wieħed esklussiv. Tant jafu dan Muscat, li minn ftit xhur ilu 'l hawn reġgħet tfaċċat b'qawwa l-wegħda ta' ġlieda kontra l-faqar. Minkejja l-akkużi li mhux soċjalist u minkejja li hemm min saħansitra jakkuża lil Muscat b'perverżjoni tal-vera spirtu soċjalista, jidher li l-Gvern qed jimmira li jitrażmetti parti minn dan il-ġid f 'miżuri li jerfgħu lil min baqa' mwaħħal fejn kien. Huwa ċar, issa aktar minn qatt qabel, li l-Gvern u l-Partit Laburista se jkun qed jorbot parti sew mill- fortuni politiċi tiegħu mal- abbilità li jikkrea immaġini, preferibbilment reali, ta' ġid ekonomiku li jibda jilħaq lil kulħadd, anke lil dawk li ma jaħdmux biss fis-settur tal- kostruzzjoni u l-proprjetà. Il-Baġit se jkun kumpass u ġudizzju Il-baġit li ġej se jkun kruċjali għax se jkun kumpass importanti u indikattiv ta' fejn verament qed tħabbat qalb Muscat. Se jkun hekk, għax fih Muscat u l-Gvern tegħu se jkollhom l-opportunità li juru kemm hu veru l-ħsieb tiegħu li l-ġid li qed jinħoloq bħalissa qed isir bil-għan li jinżel lejn is-saffi enormi, medji u baxxi tas-soċjetà Maltija. Definittivament il-baġit li jmiss, fi ftit żmien ieħor, se jkun wieħed politiku fis-sens li se jiddetermina darba għal dejjem jekk il-ħaddiem u n-negozjant huwiex verament għall-qalb dan il-Gvern, jew inkella jekk dak li jgħodd huwa t-taptip fuq id-dahar u l-profitti tal-ftit. Huwa l-eżerċizzju kważi finali, għax mhux se jiġi ftit qabel l-elezzjoni u allura liberu mit- tiketta ta' pre-election budget, ta' jekk dan il-Gvern għandux farka soċjal-demokrazija fih, jew jekk hux wieħed mill- aktar Gvernijiet neo-liberali li qatt ra pajjiżna. Tiċpisa li għaqdet sew Jekk l-ekonomija sejra tajjeb u l-Gvern għandu ħafna fejn jimmanuvra biex iroxx ġol bwiet, mhux l-istess jista' jingħad għall-immaġini tiegħu. Il-Gvern preżenti, permezz ta' diversi każijiet imma l-aktar permezz tal-każ Panama akkwista l-fama ta' Gvern li mhux onest, imdawwar b'nies li jridu jibilgħu d-dinja b'għajnejhom, bla kumpass u ideali morali, ħlief il-profitt. U kif jgħid il-Malti, 'ħu l-fama u mur orqod'. Dan is-sajf serva biex il-kwistjoni Panama torqod, serva wkoll biex kwistjonijiet oħrajn ta' nuqqas ta' governanza 'jorqdu' wkoll. Imma għax in-nies qegħdin il-baħar, jixxemxu u jieklu l-ġelati ma jfissirx li biddlu fehemthom dwar il-kredenzjali tal-Gvern fil- governanza. Anzi, jista' jkun li n-nies jippreferu jixxemxu u jitfu l-iswiċċ politiku għax diġà huma deċiżi li l-Gvern m'għandux kredenzjali tajbin f 'dan il-qasam u li 'ż-żewġ partiti huma l-istess.' Dan is-sajf ma serva għall- ebda bidla f 'dan il-ħsieb, minkejja li hemm min jaħseb il-kontra. U dan se jibqa' l-ikbar żball ta' dan il-Gvern: li ħalla r-reputazzjoni li bena qabel l-elezzjoni, ta' partit li jista' joffri d-differenza, ttir mar-riħ. Illum ftit huma dawk li jemmnu li l-Gvern Laburista tal-lum huwa wisq differenti fil-kredenzjali ta' trasparenza u governanza, anzi qed jibda jinbet il-ħsieb, grazzi għall-kampanja ma taqta' xejn mill-PN, li fil-fatt huwa agħar. Muscat se jkollu sfida Erkoleana biex forsi jibda jdawwar ir-riħ kontrih f 'dan il-qasam. Tant hi kbira, u jaf, li qed iħares lil hinn minn din il-kwistjoni u jittama li ekonomija b'saħħitha, miżuri soċjali fil-baġit u rranġar ta' inġustizzji jagħmlu tajjeb biżżejjed għal nuqqasijiet pjuttost gravi oħrajn. Il-fattur Air Malta... Il-kwistjoni kurrenti tal- privatizazzjoni tal-Air Malta, li xi ftit jew wisq dehret fuq il-mezzi tax-xandir matul dan is-sajf, se tkun waħda kruċjali wkoll għall-Gvern ta' Muscat. Mingħajr ma nidħlu f 'dettalji li għadhom pjuttost spekulattivi, huwa ċar li s-suċċess f 'din il- privatizzazzjoni tkun tfisser li dan il-Gvern għandu l-mertu li ta injezzjoni ta' ħajja lil linja tal-ajru li ġiet għarkupptejha minħabba diversi deċiżjonijiet, il- maġġoranza tat Gvernijiet Nazzjonalisti. Il-poplu qed jistenna li dak li ftiehem il- Gvern se jkabbar il-'ġwienaħ' tal-linja nazzjonali tal-ajru u b'hekk, l-għażla tkun ħafna ikbar. L-ottimiżmu ta' bosta għall- privatizzazzjoni tal-Air Malta, inkluż ta' din il-gazzetta, bil-prospett tax-xiri tal-ishma mill-Etihad, ittappnet xi ftit hekk kif issemmiet l-Alitalia. Iżda wieħed għad irid jistenna. Filwaqt li sagrifiċċji se jkun hemm, u dawn se jġibu element ta' għadab, il-ġudizzju fuq il-Gvern u l-Ministru Edward Zammit Lewis jkun jista' jsir ladarba l-kwistjoni tkun magħluqa u l-ftehim jimmaterjalizza. Turiżmu b'saħħtu...moħħ mistrieħ L-ikbar serħan il-moħħ għal Muscat dan is-sajf baqa' t-turiżmu, li reġa' laħaq numri rekord, biex qabeż kull rekord li ntlaħaq s'issa. Dan il-fattur wassal biex pajjiżna gawda minn negozju