Illum previous editions

ILLUM 28 August 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/720018

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 35

Aħbarijiet 7 Il-Ħadd 28 ta' Awwissu 2016 | illum Tridu t-torri wara biebek? L-ILLUM tinżel -Imqabba, Ħal Kirkop u ż-Żurrieq u tistaqsi lin-nies x'jaħsbu li kieku kellu jinbena skyscraper l-pjazza minn Veronica Lynn Mizzi ILKWISTJONI tal-bini għoli u t-torrijiet f 'pajjiżna qajmet ħafna furur fost bosta għaqdiet ambjentali, residenti tal-lokalitajiet li se jkunu qed jintlaqtu direttament, u anke fost il- poplu in ġenerali. Minkejja dan, il-kwistjoni baqgħet ftit jew wisq lokalizzata, bl-argumenti jduru fuq it-torri propost u approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar f 'Tas-Sliema. Diversi argumenti kienu jiġġustifikaw dan l-iżvilupp għaliex huwa pjanat għal din il-lokalità; lokalità li n-numru ta' bini għoli fiha huwa diġà konsiderevoli, hi żona turistika, b'diversi lukandi b'ħafna sulari, u l-iżvilupp fiha kważi ma qata' xejn fi snin sħaħ. Ħafna jiġġustifikaw dawn it-tipi ta' żviluppi wkoll għaliex jemmnu li ladarba ma nistgħux inkomplu niżviluppaw u nibnu billi nespandu fil-wisgħa, m'hemmx għażla oħra għajr li ngħollu l-bini u nitilgħu 'l fuq. Iżda x'jaħsbu n-nies dwar żviluppi simili f 'postijiet oħra? Xi jgħidu residenti ta' lokalitajiet differenti li kieku dan l-iżvilupp kellu jsir wara biebhom fil-qalba ta' xi villaġġ? Għaldaqstant, il-gazzetta ILLUM marret f 'diversi rħula, li huma magħrufa għaċ-ċokon jew il-kwiet tagħhom u waqt li wriet il-pjanti proposti ta' 38 sular tal-proġett approvat għal Tas-Sliema, staqsiet lil diversi residenti x'jaħsbu li kieku dan it-torri kellu jinbena fil-qalba tal-lokalità tagħhom. Minkejja li huwa fatt li tali lokalitajiet ma jistax ikollhom dan it-tip ta' żvilupp għaliex skont il-pjan lokali, dan mhuwiex permess, ir-residenti ġew mitluba jgħidu għalfejn jemmnu li dan l-iżvilupp huwa jew mhuwiex tajjeb għal-lokalità tagħhom. Intalbu wkoll jikkummentaw dwar il-proġett f 'Tas-Sliema u jekk jaħsbux li dan il-proġett għandu postu f 'din il-lokalità. Ħal Kirkop L-Illum marret fil-pjazza tar- raħal ċkejken ta' Ħal Kirkop u staqsiet tliet residenti xi tkun l-opinjoni tagħhom kieku t-torri ta' 38 sular kellu jinbena fil-qalba tar-raħal. Resident partikolari qal kif kieku, żgur ma jaqbilx li tinbena fil-pjazza tar-raħal, għalkemm ma jsibx oġġezzjonijiet li kieku jkun 'il barra mill-qalba tar-raħal, u sseġġerixxa li kieku għandha timtela xi barriera biex isir xi proġett simili. "Barra mil-lokal ma jdejjaqnix, imma ħdejn il-knisja ma nippretendix li għandek tibni torri, imma jekk hemm xi barriera, u tużaha, hekk tajjeb." Minkejja dan, jaħseb li fil-każ ta' Tas-Sliema, qed isir ħafna għaġeb għalxejn, għaliex l-affarijiet diġà saru drabi oħra, u jsaqsi għalfejn issa qed jinqala' dan il-paroli. "Tas-Sliema issa qed nagħtu kasha! U mhux bit-torri se titgħarraq, imma għax ma beżgħux għaliha 20 sena ilu." Ikompli jsostni li d-dannu li kellu jsir f 'Tas-Sliema, diġà sar. Residenta oħra tinsisti li dan il-proġett u proġetti ta' dan it- tip, mhux talli m'għandhomx isiru fil-qalba ta' Ħal Kirkop, imma talli m'għandhom isiru mkien f 'Malta. Ir- residenta wriet it-tħassib tagħha għall-kull proġett ta' bini għoli, minħabba diversi raġunijiet fosthom it-traffiku, il-problemi tal-parkeġġ, għaliex ħafna mis-sidien ta' appartamenti ġodda, ma jixtrux il-garaxx miegħu u anke problemi ta' saħħa minħabba t-tinġis li jinħoloq. Residenti oħra sostnew li torri ta' dan it-tip mhux postu fil-qalba ta' lokal, iżda lanqas f 'Tas-Sliema għaliex, "38 sular huma wisq għal pajjiżna." Jidher li r-residenti ma tantx jixtiequ bini għoli jew kbir f 'Ħal Kirkop għaliex, kif ikompli jgħid ir-resident, lanqas bil-bini tal-kulleġġ fil-periferija tal-lokali mhuma daqstant se jtiru bil-ferħ, minkejja li "huwa sabiħ." L-Imqabba Fl-Imqabba, residenti partikolari kieku ma jsib l-ebda oġġezzjoni li kieku kellu jinbena torri għoli 38 sular, la fl-Imqabba u fi kwalunkwe post ieħor. Jgħid li, "m'hemm xejn ħażin. Illum, barra minn Malta mhux kullimkien qegħdin bit-torrijiet għoljin." Rigward Tas-Sliema, ir- resident jisħaq li "Tas-Sliema diġà intradmet fil-bini għoli, u dan ilu li sar. Ma nafx għalfejn qed iqum il-panik fuq dawn." Residenta oħra, filwaqt li ssostni li tħoss li torri ta' dan it-tip mhux postu fil-lokalità tagħha, dwar il-kwistjoni ta' Tas-Sliema, tgħid li dik hija ħaġa li, "jridu jarawha huma, u jiġġieldu għaliha huma la huma tal-lokal," iżda xorta ssostni li bini b'dak l-għoli mhux ideali għaliex ikollu effetti negattivi fosthom li jagħlaq id-dawl tax-xemx mid-djar. Anzjan mill-Imqabba, min-naħa l-oħra jgħidilna li jħoss li jistgħu jibnu dawn it-torrijiet, "għaliex li jagħmlu, jagħmluh għall-aħjar għax se jkun hemm postijiet biex joqogħdu n-nies u postijiet għan-negozju. Jekk noqogħdu nopponu kollox, nispiċċaw ma nagħmlu xejn." Minkejja dan, residenta ma kinitx kuntenta bi proposta ipotetika bħal din u qalet li dan il-bini mhux postu fl-Imqabba. Iżda fl-istess waqt, sostniet li ma ssib l-ebda problema li dan jinbena f 'Tas- Sliema, għaliex hjuwa post turistiku u diġà hemm bini għoli. Iż-Żurrieq Fil-lokalità taż-Żurrieq, ir-reazzjoni kienet negattiva u residenta semmiet li kieku kellu jsir dan il-proġett fil-lokalità tagħha, ma kinetx tieħu gost għaliex, "inkomplu nintradmu, iktar milli diġà qegħdin." Sostniet ukoll li lanqas f 'Tas-Sliema ma temmen li għandu jsir għaliex, "la mhux tajjeb hawn, lanqas huwa tajjeb hemm. Fejn hemm djar baxxi, mhux tajjeb li jkollok bini għoli; jew ikunu kollha għoljin fejn xulxin jew inkella naraw fejn qed nagħtu l-permessi." Minkejja dan, residenta oħra miż-Żurrieq tkellmet kontra tali proġett kieku kellu jsir fil-qalba tar-raħal, iżda ma ssib l-ebda oġġezzjoni li kieku dan isir f 'post fejn ikollu l-ispazju neċessarju, anke jekk fl-istess lokalità, dment li ma jkerrahx l-ambjent. Rigward Tas-Sliema, xorta sostniet li 38 sular huma wisq għal pajjiżna. Ritratti: Raphael Farrugia Il-Knisja Parrokjali ta' Ħal Kirkop mċekkna minn torri immaġinarju..x'jaħsbu l-Koppin? Ftit mir-residenti li tkellmu mal-ILLUM...iriduh torri wara biebhom?

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 28 August 2016