Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/761502
Il-Ħadd 11 ta' Diċembru 2016 | illum Għawdex 15 'Arrivederċi' Għawdex sa ma nerġgħu niltaqgħu minn John Busuttil GĦADDEW 'il fuq minn tliet snin minn meta ddeċidejt, grazzi għall-edituri tal-ILLUM li nwassal il-leħen tal- Għawdxi fuq dawn il-paġni li kienu ferm popolari mal- Għawdxin. Kull bidu fih it-tmiem jgħidu, u anke din ir-rubrika tintemm illum. Iżda l-waqfa mhux suppost li se tkun dejjiema, iżda nsellem lill-Għawdxin sa ma nerġgħu niltaqgħu. Quddiemi tfaċċat opportunità oħra, sfida ġdida, għax iva biex wieħed jilqa' sfidi ġodda m'hemmx età. L-isfidi fil-ħajja jintemmu biss meta wieħed jiddeċiedi li jieqaf jiffaċċja sfidi. Personalment għalija, għadu ma wasalx dak il- mument u għalhekk mhux talli se naqsam il-fliegu din id-darba, iżda se mmur lil hinn mill-gżejjer tagħna. Se ntir lejn Brussell fejn tinħema l-politika Ewropea, u fiż-żmien meta Malta jkollha l-presidenza tal- Ewropa, jien se nkun hemm nirrapporta minn Brussell dak li nkun qed nesperjenza u dak li jkun qed jinħema minn wara l-kwinti. Bħalma f 'dawn is- snin laqqajtkom ma' diversi Għawdxin u l-ħajja f 'Għawdex, issa se nlaqqagħkom ma' diversi Maltin u anke Għawdxin li jinsabu Brussell jaħdmu bla waqfien ħalli dawn is-sitt xhur ikunu ta' suċċess. Għax wieħed għandu jkun jaf li għalkemm quddiem l-iscreens tat-televiżjoni u fil-paġni tal-kull ġurnal u siti jidhru l-Prim Ministru u l-ministri, warajhom hemm tim qawwi ta' żgħażagħ u anke ftit akbar, ta' Maltin u Għawdxin li jaħdmu bla heda għal Malta. Hemm mijiet u mijiet li jqattgħu sigħat twal quddiem il- laptops biex kollox jimxi fuq ir-rubini, iżda dawn ftit jew ħadd jafhom. Se nipprova li f 'dawn ix- xhur li ġejjin inlaqqagħkom ma' ħafna minn dawn il-Maltin u nsiru nafu aktar dwar xi tfisser il-presidenza għal Malta. Se nipprova nġibilkom Brussell f 'Malta mhux biss politikament iżda anke l-ħajja tal-Maltin fil- belt kapitali Belġjana. Nixtieq ukoll inwassal messaġġ lill-Għawdxin li dan mhux l-addio, iżda biss l-arrivederċi. Jiġifieri se ma nerġgħu niltaqgħu, għalkemm il-kuntatti ma' Għawdex se jibqgħu u jekk ikun hemm xi nwasslu lill- qarrejja tagħna, se nkomplu nagħmluh, għax matul xahar jew ieħor, naqbeż qabża lejn Malta u Għawdex, speċjalment jekk nimmissjah wisq. Din hi sfida ġdida għalija u bħal kull sfida ġdida ma tkunx taf x'se ssib quddiemek u aktar u aktar ma tafx kemm se tħoss in-nuqqas ta' dak li tħalli warajk. Jibqa' fatt li din lest għaliha, u preparat sa snieni. Issa jirnexxilix jew le, dak iż-żmien biss jista' jagħtina parir. Se nħoss in- nuqqas mhux biss lil familja u lill-kollegi tiegħi tal-Illum, f 'Malta u anke Għawdex, iżda wkoll il-qarrejja tal- paġni tiegħi Għawdxin u mhumiex, u għalhekk irrid li jirnexxili noħloq interess biżżejjed għalikom li tkomplu ssegwu l-kitba tiegħi fuq l-Illum. Bil-ħaqq xorta se nkun insegwi dak li jkun għaddej f 'Malta u Għawdex, permezz ta' Facebook, il-portals tal- aħbarijiet u anke ta' dawk li jgħadduli xi zekzik jew aħbar. Sadattant 'arrivederci' u sa ma nerġgħu niltaqgħu. L-aħħar proġett ta' TGD: L-ewwel music video ta' Anna Miss Malta u Mr World Malta jinterpretaw il-koppja tad-diska mużikali…Higher minn John Busuttil THREE Generations Down, id-dar ċkejkna tal-produzzjoni fil-gżira t'Għawdex, kulma jmur, dejjem qed iżżid f 'dik li hi skala ta' filmografija. Iktar tard is-sena d-dieħla mistenni jidher l-ewwel materjal tal-feature f 'forma ta' dokumentarju 'Gozo At Arms', fejn se tiġi esplorata l-istorja militari tal-gżira, bl-appoġġ ta' diversi storiċi lokali. Dan il-proġett ġie esplorat f 'wieħed mill- aħħar battuti f 'din l-istess gazzetta dwar dan it-tim li qed jikkontribwixxi b'tant enerġija lejn l-industrija indiġena tal-film lokali. Iżjed kmieni din il-ġimgħa, l-aħħar proġett ta' TGD, Higher, miġbud u maħdum f 'Ottubru li għadda; l-ewwel music video tal-artista Anna, li jiżvolġi f 'festa ta' kuluri u kant sajfi, fl-isfond ta' avventura romantika ta' koppja f 'Għawdex, liema koppja ġiet interpretata minn Christie Refalo u Timmy Puschkin, li rispettivament iġorru it-titli prestiġġjużi ta' Miss Malta 2016 u Mr World Malta 2016, bl-on-screen sapport ta' Nicola Grixti, Nicole Cassar, Bernardette Bajada u Francesca Mifsud, ukoll mudelli stabbiliti fix- xena lokali tal-moda. L-istil tad-diska huwa mixħut fuq dak li jissejjah tropical-flavoured dance, b'liriċi oriġinali tal-kantanta innifisha, b'mużika miktuba mill-awtur mużikali stabbilit Aslan Liev. Il-produzzjoni inħadmet fuq medda ta' jumejn, b'filming f ' 'il fuq minn għaxar lokalitajiet, bil-viżjoni perpetwa tal-produtturi li dejjem iktar qed jistabilixxu xejra ġdida għal dak li hi esportazzjoni ta' Għawdex bħala reġjun distint f 'dak li hu ambjent, talent, u kultura. Il-filmat ġie rilaxxat fuq il-paġni tas-siti soċjali onlajn, fejn kif mistenni, ġibed l-attenzjoni tax-xena tal-mużika lokali, u skont is-soltu stil tal-produtturi, taha palata tajba lil dak li hu pubbliċità tal-gżira bħala destinazzjoni turistika, timbru li jinħass sew ma' kważi kull proġett maħruġ minn dan il-grupp ta' artisti. Wara l-lenti f 'din il-produzzjoni, wieħed isib lil Sean Attard u Manuel Xuereb f 'dak li hu fotografija regolari, akkumpanjati minn Daniel Vella u Nick Bugeja mill- aspett ta' fotografija mill- ajru, ilkoll taħt id-direzzjoni ta' Amadeo Bezzina. Lil hinn mill-aspett tekniku, din il- produzzjoni rat ukoll il-ħidma ta' Lorinda Camilleri fil-kamp tal-make-up artistiku, kif ukoll lil Andrea Schwaiger, Luke Galea, Baskal Mallia u Chris Tabone, ilkoll fil- kompiti rispettivi taghhom, filwaqt li l-kantanta kellha l-on- screen sapport vokalistiku ta' Gabriella Azzopardi, Sarah Bonnici, u Gabriella Ann Xuereb, tliet kantanti Għawdxin li, fir-remitu rispettiv tagħhom, qed jilħqu ċertu livell f 'dik li hi mużika. Dan il-filmat ittella' bis- sapport ta' diversi kumpaniji stabbiliti f 'dak li huma ħwejjeġ u tessuti, kif ukoll fil-provvista ta' makkinarju u teknoloġija tal-industrija. Il-filmat huwa aċċessibli onlajn fil-paġni u s-siti soċjali ta' Three Generations Down, filwaqt li hu mistenni jilħaq udjenza televiżiva għal bidu tas-sajf tas-sena d-dieħla. Xogħol bikri mal-kosta t'Għawdex Xogħol artistiku ta' L. Camilleri ma' Christie Refalo (Miss Malta 2016)