Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/761502
W aqt li l-preparamenti għall-festa tal- Milied jinsabu diġà fl-aqwa tagħhom jibdew jiġu memorji ta' Milidijiet imgħoddija: fejn konna s-sena l-oħra, kif konna niċċelebrawh meta konna żgħar, x'konna nagħmlu meta għeżież li ġew nieqsa kienu għadhom magħna u ħsibijiet oħrajn simili li dejjem jeħduna lura fiż-żmien. Il-Milied kif inhu ċċelebrat u maħsub fin-naħat tagħna donnu li għandu rabta mal- idea ta' imgħoddi mbiegħed. Imqar fil-letteratura marbuta mal-Milied, il-kunċetti ta' passat u nostalġija jidhru kważi dejjem hemm, ngħidu aħna l-ewwel spettru li jidher lil Ebenezer Scrooge, in-novelli natalizji l-oħrajn ta' Dickens u ħafna eżempji oħrajn li nistgħu nġibu. Meta kont żgħir ħafna, missieri, veteran tat-tieni gwerra dinjija, kellu reel to reel li kien jaqlagħha darba kull mitt qamar u joqgħod jisma' dejjem l-istess tapes. Fost dawn kellu kanzunetta ta' Bing Crosby li kienet dejjem għoddha tqabbiżli d-dmugħ għax kont aktar nassoċjaha ma' xi innu funebri milli mal-istaġun tal-ferħ. Maħruġa fl-1943, "I'll Be Home for Christmas", bi kliem miktub minn Kim Gannon, il-kanzunetta tirrakkonta l-messaġġ ta' suldat fuq il-kamp tal- battalja li jwiegħed li jirritorna d-dar (qawwi u sħiħ) għall-festi tal-Milied, imqar fil-ħolm u l-istħajjil. Crosby jitlob li d-dar tkun armata għall-festa, bir- rigali, bis-siġra u saħansitra bil-borra nieżla. Id-dar. Għax minbarra l-passat, il-Milied, dejjem kif nikkonċepuh aħna, huwa festa tad-dar. Imqar fi storja bi plott estrem bħal dak taċ-ċkejken Kevin McCallister f ''Home Alone' (1990), minsi d-dar f 'Chicago waqt li familtu kollha tkun fi triqitha lejn Pariġi għall- festi tal-Milied, id-dar tieħu tifsira importanti ħafna, metafora tal-ħajja familjari kollha kemm hi, tal-irdoss li bniedem jeħtieġ mill-maltempati li l-ħajja fis-soċjetà timposta fuqna. L-istess bħas-suldat joħlom u bħall-familja McCallister, il-Milied nassoċjawh aħna wkoll mad-dar: li nkunu lkoll id-dar, flimkien. Jew kif ngħidu: miġbura flimkien. Id-dar. Għax, kif ġieli ngħidu, m'hemm ebda post għażiż daqs id-dar; id-dar li mhijiex, ovvjament, il-ġebel, il-ħitan, is-saqaf u l-bejt u l-gallariji imma r-ritwali u l-privatezzi li jseħħu fil-post; l-estensjoni tal-personalità tagħna. Għal ħafna, id-dar hija aktar minn hekk. Id-dar taf tkun il-post tax- xogħol. Miniex nalludi biss għal dawk l-imsejħin 'nisa tad-dar', imma għal ħafna nies li llum il-ġurnata l-impjieg tagħhom iħallihom jibqgħu bejn il- ħitan tad-dar u jaħdmu minn hemm, grazzi għat-teknoloġija u sistemi bħat-teleworking. Bl-istess mod, id-dar taf tkun f 'postijiet differenti, mhux neċessarjament dik il-binja li tniżżel l-indirizz tagħha meta tintalab 'l-indirizz tad-dar'. Id-dar taf tkun kilometri 'l bogħod minn fejn tgħix, speċjalment jekk iċ-ċirkustanzi jkunu spustjawk minn lokok imma tibqa' toħlom, tistħajjel, tittama li għad terġa' tmur lura. F'mumenti bħal dawn ma tistax ma taħsibx f 'dawk li ssugraw ħajjithom biex telqu minn darhom għax ma kellhomx għażla oħra x'jagħmlu. Ma nistax nistħajjel x'jifhmu dawn meta jisimgħu l-kelma 'dar'. Ma nafx, fil-fond nett ta' qalbhom, baqgħux iġorru 'l darhom magħhom, jew ħallewhiex warajhom, jew tilfuhiex fit-triq, jew tilfuhiex biż- żmien kemm ilhom imbiegħda. Kif kiteb dan l-aħħar Charles Leadbeater f 'artiklu ppubblikat fuq Aeon, 'Nobody is Home', id-dar hija dik il-ħaġa (mhux neċessarjament binja għax jista' jkun li tkun biss post, pajsaġġ jekk mhux ukoll kumpanija ta' xi ħadd) li tagħti lil dak li jkun sens ta' identità, ta' min hu u min mhuwiex. Fil-każ ta' dawk li spiċċaw spustjati, jew dawk li eżiljaw ruħhom volontarjament (għalkemm dejjem jitfaċċa dubju dwar kemm eżilju jista' qatt ikun totalment volontarju) id-dar tista' tkun kunċett effimeru li jinbidel, li mhuwiex fiss, li forsi wkoll lanqas biss jeżisti. U huwa proprju għalhekk li meta xi ħadd jiddeċiedi li għandu jibgħat lil dawn l-ispustjati 'lura d-dar', jaf ikun qiegħed, fil-fatt, jaqlagħhom mid-dar għat-tieni darba, u jixħethom f 'deżert emozzjonali u psikoloġiku. U nimmaġina li għal dawk li mhumiex nomadi minn twelidhom, diffiċli ħafna tidentifika lilek innifsek ma' deżert; diffiċli ħafna, aktarx, li tagħraf id-deżert b'darek. Il-Milied u d-dar Il-Milied u ċ-ċirklu. Kemm konna nogħxew naraw iċ-ċirklu fiż-żmien tal-Milied! Meta ngħid naraw iċ-ċirklu qed nifhem narawh fuq it-televixin, dak iż-żmien fi trażmissjoni bajda u sewda, fuq televixin jitkellem lingwa li ma kinitx tagħna. L-annimali selvaġġi, li b'mod maġiku dejjem kienu jobdu flok jattakkaw bħalma kienu jagħmlu fil-films ta' Tarzan u dawk in-nies jiddendlu mas-saqaf taċ-ċirklu u jsuqu r-roti fuq ħbula stirati kienu jaffaxxinaw lil kulħadd. Imma aktarx li l-aktar li kienu jimmeraviljaw lit-tfal kienu l-buffi. Ħalliha li l-irtokk tagħhom, il- wiċċ grottesk u l-parrokki kbar setgħu wkoll iqanqlu l-biża'; l-azzjonijiet u l-bużullotti tagħhom kienu tassew idaħħqu u jagħtu sens ta' sospir mit-tensjoni li kienu jqabbduk dawk l-imdendla u l-iljuni u t-tigri bilqiegħda fuq banketti għoljin. Il-buffi kienu, biex ngħidu hekk, ir-rokna tat-tfal fi programm li kien idum 'il fuq minn siegħa. Aktar tard, il-buffu jibda jfisser il-paradoss: ir-raġel imnikket li xogħlu kien li jferraħ; ir- raġel ta' wiċċu mċarrat fi tbissima kbira li jżomm id-dmugħ għal meta jkun waħdu. Imma fi żmien it-tfulija l-buffu kien dak li jdaħħaq, ir-raġel dħuli u simpatiku li jġiegħlek tidħaq imqar bil-mixja tiegħu u bi mnieħru kbir. Il-buffu kien il-ħabib tat-tfal, iz-ziju li jgħix fiċ-ċirklu qalb l-annimali salvaġġi li għalkemm jobdu kienu perikolużi. F'Aleppo m'għadx hemm ċirklu imma kien hemm buffu, jismu Anas al-Baxa. Propjament kien social worker imma ddeċieda li jibda jibbuffunja biex itaffi ftit mid-dwejjaq u t-tensjoni tat-tfal maqbudin f 'Aleppo, dik il-gaġġa mdawra annimali slavaġ. Fid-29 ta' Novembu li għadda, Anas al-Baxa, jew kif se jibqa' magħruf, il-Buffu t'Aleppo, spiċċa maqtul waqt attakk mill-forzi ta' Assad u tar-Russi. Inħasdu ħafna fjuri f 'dit-traġedja bla sens fis-Sirja. Wisq. Imqar waħda hija żżejjed, aħseb u ara. U l-mewt tal-buffu tfakkar fl-assurdità ta' dan kollu. Għax suppost il-buffu ma jmutx; jew aħjar imut kemm-il darba waqt il-bużullotti tiegħu u arah filli mimdud mal-art u filli jimmolla mill-ġdid fuq saqajh. Anas al-Baxa, iżda, minxur mal-art kien u minxur mal-art baqa'. Lura d-dar illum | Il-Ħadd 11 ta' Diċembru 2016 Opinjoni 20 IMMANUEL MIFSUD "Id-dar taf tkun kilometri 'l bogħod minn fejn tgħix, speċjalment jekk iċ-ċirkustanzi jkunu spustjawk minn lokok imma tibqa' toħlom, tistħajjel, tittama li għad terġa' tmur lura" Anas al-Baxa, jew kif se jibqa' magħruf, il-Buffu t'Aleppo kien social worker imma ddeċieda li jibda jibbuffunja biex itaffi ftit mid-dwejjaq tat-tfal maqbudin f 'Aleppo imma spiċċa maqtul waqt attakk mill-forzi ta' Assad u tar-Russi