Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/761502
Il-Ħadd 11 ta' Diċembru 2016 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Persons of (mis)trust A għti it poter lil min ma jafx jużah u jkollok babilonja sħiħa. Dan huwa, f 'sentenza sempliċi, dak li qed naraw jiġri fil-każ tal-allegata korruzzjoni fil- Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta' Għada, korruzzjoni li fil-fatt s'issa ħadd għadu ma nnega li teżisti, lanqas il-Ministru Evarist Bartolo stess. Fil- fatt Bartolo, meqjus bħala Ministru tal-Edukazzjoni mill-aktar kompetenti, li qed jirrivoluzzjonizza aspetti diversi fil-qasam edukattiv mingħajr wisq daqq tat- trombi, għamel dak kollu li seta' biex ismu jibqa' nadif tazza. Kien hu li ppubblika l-emails bejnu u Philip Rizzo, kien hu li f 'dawk l-istess emails għamilha ċara li ħadd m'għandu l-protezzjoni tiegħu, lanqas min ilu jaħdem għalih għal snin twal u kien hu wkoll li qal lil Rizzo li għandu jistenna aktar sakemm ikollu evidenza iktar inkriminanti fuq Edward Caruana. Imma minkejja dan kollu u minkejja l-kompetenzi tiegħu fil-qasam u minkejja li kuntrarjament għal min għandu l-faħam miblul, Bartolo kixef ħafna karti (ma nafux kixifx il-karti kollha) dwar il-każ, jibqa' fatt innegabbli li lil Caruana, bħala 'person of trust', kien Bartolo li għażlu. U hawn għalhekk nirreferu għall-artiklu ta' kull nhar ta' Ħadd ta' Carmel Cacopardo, ippubblikat fuq din il- gazzetta f 'paġna 16. Ma nistgħux ma naqblux b'mod assolut mal-Viċi Chairperson tal-Alternattiva Demokratika dwar l-hekk imsejħin 'positions' jew 'persons of trust.' Il-poter mhux biss dak li jinsab f 'idejn il-politiku, li wara kollox jiddependi mill- vot popolari biex iżommu. Il-poter huwa wkoll dak li għandu f 'idejh persuna li minn wara l-kwinti qiegħed jopera taħt il-mantell ta' Ministru u bl-approvazzjoni tiegħu. Dak il-poter huwa aktar influwenti u jista' jkun aktar perikoluż minn dak li jkollu l-Ministru, għax huwa poter li jaqa' f 'ħoġor persuna li 1) mhux neċessarjament ikun ħaqqha 2) mhux neċessarjament ikollha l-għarfien meħtieġ, 3) mhux neċessarjament tkun taf il-konsegwenzi tal-poter li għandha f 'ħoġorha u fl-aħħar 4) mhux neċessarjament tinżamm kontabbli. Għalhekk, kompetenzi u kollox, Bartolo huwa ħati daqs kull Ministru ta' dan il-Gvern u ta' qabel u ta' qablu, li minħabba eżiġenzi u obligazzjonijiet politiċi, ibiddlu l-Ministeru f 'każin ċkejken ta' partitarji li l-ewwel u l-aktar kwalifika importanti tagħhom hija l-lealtà. Il-Gvern u l-Ministri u anke l-Prim Ministru jeħtieġ jifhmu l-gravità tas- sitwazzjoni u s-sensittività tal- kariga. Hawnhekk għandek nies, ta' fiduċja jekk ma tridx, li qed jitpoġġew f 'karigi li jirrikjedu monitoraġġ fuq tranżazzjonijiet, għoti ta' tenders u kuntratti. Karigi li se jlaqqgħu lil 'person of trust' ma' persuni li se jidħqulhom u jmellsuhom u jħarrfulhom kemm jifilħu biex jakkwistaw u jiffoxnaw. Għalhekk f 'pożizzjonijiet bħal dawn, l-ebda Gvern, imma speċjalment Gvern li ilu fit-tmun tliet snin biss, ma jistax jieħu r-riskju li jitfa' nies li għandhom diġà passat dubjuż, jew inkella huma inkompetenti, li huma faċli li tikkorrompi jew inkella li se jkunu qed jiġbdu għal buthom f 'dawn it-tip ta' karigi. Din il-gazzetta tappella lill-Prim Ministru biex jieħu l-passi neċessarji kollha biex din il-ħaġa ma terġax tiġri. Għalhekk l-ILLUM qed tipproponi li jittieħdu żewġ għażliet, separatament jew b'mod konġunt. L-ewwel, li l-Kodiċi ta' Etika tal-Ministri aġġornat wara 20 sena fl-2015 tiżdied fih kundizzjoni ċara, jiġifieri li l-Ministru huwa kontabbli ta' kull 'Person of Trust' li jaħtar. Jiġifieri li meta jaħtru, quddiem il-poplu qed jgħid li hu għandu fiduċja fil- persuna, fl-abbiltajiet tagħha u li m'għandu ebda dubju li ħidmietha se twettaqha b'kompetenza u b'integrità. Dan ifisser li din il-persuna tkun sabet dan l-impjieg fuq il-kriterju uniku tal-ġudizzju tal-Ministru. Allura, huwa l-Ministru li jeħtieġ iġorr ir- responsabbiltà. It-tieni, din il-gazzetta tixtieq tipproponi wkoll li fin-nuqqas ta' rieda biex il-Ministri jinżammu responsabbli tal-azzjonijiet tal-person of trust, il-pożizzjonijiet ta' fiduċja għandhom ikunu 'nnewtraliżżati'. Jiġifieri, li minkejja li l-persuna jkollha l-fiduċja tal-Ministru, hi xorta tkun trid tgħaddi minn proċess ta' vvettjar, li jinkorpora l-kondotta, livell ta' edukazzjoni u anke, jekk ikun hemm bżonn, test li jimmira li jifhem minn qabel kif tirreaġixxi l-persuna f 'xenarji komuni f 'pożizzjonijiet b'tant sensittività. B'hekk, minkejja l-fiduċja, il-kariga ma tkunx awtomatika u tingħata biss skont il-kompetenza. F'dan il-każ u f 'dan il-każ biss, il-Ministru mhux neċessarjament jinżamm politikament responsabbli, għalkemm xorta jkun jeħtieġ iwieġeb f 'każ ta' nuqqasijiet. Nitolbu serjetà mill-Ministri ta' pajjiżna. Nitolbuhom serjetà akbar meta jagħżlu lil min jirrapreżentahom bħala parti mit-tmexxija tal-pajjiż. Għax il-pajjiż mhux każin u l-politika mhux logħba u kull min jidħol għal karigi sensittivi f 'Ministeri għandu jkun daħal għax kapaċi, u mhux għax dejjem xejjer il- maktur tal-partit. Editur: Albert Gauci Cunningham 21