Illum previous editions

ILLUM 11 December 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/761502

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

Ż ewġ interventi pubbliċi riċenti pubbliċi tal- Prim Ministru Muscat juru żewġ aspetti totalment differenti tal-persona politika tiegħu. Fl- ewwel lok, kellek l-intervista li Muscat ta lil BBC dwar in- negozjati tar-Renju Unit sabiex toħroġ mill-Unjoni Ewropea, il-famuża Brexit. F'din l-intervista, Muscat kien ferm luċidu u stqarr il-pożizzjoni kolleġjali tas-27-il pajjiż l-ieħor tal-UE b'awtorevolezza kbira. Muscat tenna li mhux se jinfetħu negozjati mar- Renju Unit qabel ma jiġi sparat il-grillu tal-artiklu 50 mill-istess Renju Unit, li r-Renju Unit ma jistax ikollu aċċess għas-suq waħdieni jekk mhux ser jirrispetta l-libertà tal-moviment tal-individwi u li żgur mhux ser jakkwista ftehim li tagħtih aktar benefiċji milli llum għandu bħala pajjiż membru. Din l-intervista ma' Muscat ġiet irrapporta f 'bosta ġurnali Ingliżi u nterpretata bħala sinjal ieħor tal- pożizzjoni aktar iebsa tal-UE fil- konfront tar-Renju Unit. Personalment, meta qrajt din l-intervista ħassejtni kburi li l-prim ministru ta' pajjiżi qed jitkellem fuq materja ta' importanza daqshekk vitali fl-Ewropa llum u dan bħala protagonist u mhux bħala sempliċi osservatur. Il-fatt li din il-kwistjoni tirrigwarda lill-eks sidien kolonjali tagħna, turi kemm imxejna 'l quddiem mill-Indipendenza 'l hawn. Imbagħad kellna faċċata oħra tal-personalità ta' Muscat matul iż-żjara ta' Martin Schulz, il-president tal- Parlament Ewropew f 'Malta ftit jiem ilu. Anke Schulz spiċċa jitkellem fuq kwistjoni intrinsikament Ewropea waqt konferenza tal-aħbarijiet li ta flimkien ma' Muscat. Schulz qal li jrid jikkjarifika xi jfisser l-hekk imsejjaħ 'establishment': "X'inhu l-establishment? Aħna stabbilejna demokrazija, l-istat ta' dritt, id-dinjità u l-protezzjoni tad-drittijiet ċivili individwali, il-ġlieda kontra l-anti-semitiżmu, ir-rażżismu u d-diskors tal-mibgħeda fl-UE." Schulz stqarr li jekk dan ifisser li wieħed huwa parti mill- establishment, allura huwa kburi li huwa jagħmel parti mill-establishment. Schulz kompla jgħid "Dawk li qed jgħidu li qed jiġġieldu kontra l-establishment fid-diskorsi tagħhom, tisma' razziżmu, diskors anti-demokratiku, dubji dwar id-drittijiet tal- minoranzi u politika li jsibu biex iwaħħlu fuq kollox." Diskors tassew maġistrali li sfortunatament ma kienx reċiprokat minn Joseph Muscat li ma tilifx l-opportunità li flok ma jipprojetta ruħu bħala statista kif l-okkażjoni kienet timmerita, ipprova jappella l-aktar lill-udjenza domestika. Huwa qal li l-atteġjament tal-Gvern tiegħu hu li jisfida l-istatus quo u bħala eżempju ta l-liġi reċenti li tipprojbixxi t-terapija tal-konverżjoni tal-gay. Huwa stqarr li xi ħadd mill-establishment kien jirreżisti din il-liġi. Huwa qal li jrid ikun hemm bidla u l-gvern mhux parti minn xi elite politika li tiddandan b'rixha imma hija aġent ta' bidla. Il-kuntrast bejn iż-żewġ interventi qajla jista' jkun akbar: l-intervista lil BBC kienet responsabbli, serja u denja ta' statista mentri dik fil-konferenza tal-aħbarijiet, l-anqas kienet denja tad- diskors f 'xi każin il-Ħadd filgħodu. Donnu Muscat ma tgħallimx il-lezzjoni ta' Cameron u ta' Renzi, tnejn min-nies li magħhom kien fil-qrib, li tilfu l-poter wara li ħallew il-kurrenti jkaxkruhom. L-Ingliżi għandhom qawl "to run with the hare and hunt with the hounds" meta wieħed jipprova li jintgħoġob minn kulħadd. Imma Muscat mhuwiex jirrealizza li fil-ħajja politika, u mhux biss, trid tagħmel għażliet fundamentali, u ma tistax tipprojetta ruħek bħala qisek qed twettaq xi rvell u li int kontra l-establishment meta fil-fatt inti għandek il- poter f 'idejk. Meta wieħed ipinġi ruħu li mhux parti minn xi elite politiku u li hu kontra l-establishment, mhu xejn ħlief eżerċizzju superfiċjali li żgur mhux ser jimpressjona lil ħafna. Bir-raġunar ta' Muscat, il-Parlament Malti hu kollu kontra l-establishment għaliex il-liġi dwar il-projbizzjoni tat-terafija tal-konverżjoni tal-omosesswali għaddiet unanimament mill-Parlament. Kien ikun ħafna aktar f 'loku li Muscat jgħidilna eżatt x'valuri jħaddan hu u l-Partit Laburista li llum hu aktar iffukat li jippreżenta ruħu bħala pro-business milli ħaġa oħra. Jekk jaħseb li l-poplu ser jikkuntenta bil-leġiżlazzjoni u inizjattivi favur il-gay, Muscat ser jgħarrhalu bl-ikrah. Għax filwaqt li fir-rigward tal-komunità gay saru ħafna inizjattivi pożittivi, hemm ħafna affarijiet oħra li baqgħu ma sarux. Ftit ġimgħat ilu tkellimna dwar dik il-persuna li qiegħda torqod fil-karozza għax ma taffordjax tikri fejn torqod. Din il-ġimgħa kellna l-istorja ta' dak is-Somalu li nstab mejjet taħt pont fejn kien jgħix peress li ma kellux dar. Forsi aktar xokkanti mill-mewt stess ta' dan il-povru, hija l-indifferenza ġenerali tal- poplu Malti għal din il-mewt. Rari nisma lil Muscat jesprimi kompassjoni ma' min ma kellux xorti fis-soċjetà u ma rnexxiex. Il-kredenzjali soċjal demokratiċi tiegħu huma pjuttost skarsi. U dan hu evidenti fil-konferenza tal-aħbarijiet ma' Schulz: ma semmiex xi inizjattiva biex jitnaqqas il-faqar jew biex jitkattar ix-xogħol imma miżura li tolqot minoranza assoluta tal-Maltin, il-gay. M'għandi xejn kontra dawn il-miżuri u jalla l-Maltin verament jibdew jittoleraw u jirrispettaw din il-komunità li spiss sofriet tbatija u inkomprensjoni. Imma tali miżuri ma jeħilsux il-Gvern ta' Muscat mid-dmirijiet li għandu fir-rigward tas-soċjetà in ġenerali. Nistgħu nsemmu bosta miżuri li l-gvern huwa kajman dwaru. Biex wieħed jagħti eżempju, mentri l-Ministru Helena Dalli hija superattiva fil-qasam tal-gay, fil-qasam tal-kompetizzjoni li wkoll jaqa' fid-dekasteru tagħha hi kajmana għal aħħar. Għandna sitwazzjoni fejn id-Direttorat tal-Kompetizzjoni m'għandhux snien legali wara sentenza diskuttibli tal-Qorti tal-Appell u qisu ma ġara xejn. Mhux talli hekk, talli min kien il- vittma ta' abbuż ta' pożizzjoni dominanti fis-suq, bħal dak il-petrol station tar-Rabat li azzarda jraħħas ftit il-prezz tad-diesel, spiċċa misjub ħati mill-istess Direttorat. Tassew affarijiet li ma jitwemmnux. Imma probabbilment l-akbar nuqqas tal-Gvern ta' Muscat huwa fil-qasam tal- governanza. Possibbilment hawn ħafna, inkluż l-istess Muscat, li qed jissottovalutaw l-effett tal-każijiet kontinwi ta' korruzzjoni u prattiċi ħżiena fl-iggvernar li issa ilhom tliet snin u nofs ifaqqgħu fuq ix-xena politika. Dawn l-iskandli, wieħed wara l-ieħor, qed inawru l-maġġoranza bla preċedent li l-Partit Laburista kellu fl-aħħar elezzjoni. Probabbilment, il-kalkolu hu li bil-pjaċiri li qed isiru, xorta l-elezzjoni li ġejja hija ġewwa u diġà mirbuħa mill-Partit Laburista. Ħafna, ikun xi jkun il- kulur politiku tagħhom, jargumentaw li l-poplu ma ddejqux il-korruzzjoni, anzi jkun irid iwettaqha hu ukoll. Ma neskludiex li hemm element ta' verità f 'dan imma nemmen li fir-rigward tal- maġġorparti tan-nies, ix- xewqa hi li l-pajjiż jitmexxa b'mod nadif u ġust. Illum hu evidenti dak li kont ipprevedejt fuq Reporter meta faqqgħet il-kriżi tal-Panama: l-inerzja tal-Prim Ministru li jieħu azzjoni effettiva fil-konfront tal-ministru Konrad Mizzi u ċ-chief of staff tiegħu swiet lil Muscat l-awtorevolezza morali tiegħu li kull Prim Ministru għandu jkollu. Altrimenti kif wieħed jispjega li ministru bħal Evarist Bartolo jżomm il-pożizzjoni tiegħu minkejja li ħareġ biċ-ċar li l-persuna ta' fiduċja li ħatar f 'pożizzjoni delikata fil- Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada li minnha jgħaddu miljuni ta' ewro, tħalliet hemm minkejja l-allegazzjonijiet serji li saru fir-rigward tagħha. Diġà ħatra ta' galoppin bħala persuna ta' fiduċja f 'pożizzjoni li messha mtliet fuq il-mertu u kompetenza tqajjem bosta mistoqsijiet. Aħseb u ara meta l-Ministru stess stqarr fil-qorti li din il-persuna ma kellhiex għalfejn tirrapporta lill-ġerarkija tal-fondazzjoni jew lis-segretarju permanenti li bl-aktar mod infeliċi nzerta ħuh stess. Dan peress li din il-persuna kellha aċċess dirett għall-ministru. Saru allegazzjonijiet serji oħra: meta kuntrattur Għawdxi allega li din il-persuna tal- fiduċja talbet €30,000 sabiex joħroġ il-ħlas, minflok ma saret investigazzjoni serja, is-segretarju permanenti rrapporta lil dan il-kuntrattur għal malafama. U meta kuntrattur ieħor kellem lil ministru stess dwar irregolaritajiet oħra, spiċċa jitkellem mal-istess segretarju permanenti u ma ħuh. Biex ma nsemmux l-akkużi li għamel Philip Rizzo li kien l-kap uffiċjal eżekuttiv tal- Fondazzjoni li l-Ministru Bartolo m'għamel xejn dwar l-evidenza li kienet qed toħroġ dwar l-abbużi ta' din il-persuna ta' fiduċja. Imma Muscat huwa impotenti u ma jista' jagħmel xejn. Kieku qed imexxi gvern serju, kieku ilu li l-ministru Bartolo wrieh il-bieb minkejja l-merti indiskussi u l-intellett tiegħu. Imma meta Muscat ħalla bosta episodji jiġru, jekk ma kienx ukoll involut fihom hu stess, ta' korrettezza dubjuża, biex ma nesaġerax, spiċċa li qajla jista' jieħu azzjoni kontra l-istess ministru li ftit xhur ilu kienu qed jikkritika lil Konrad Mizzi talli ma rriżenjax wara l-kxif tal- karti tal-Panama. Verament qegħdin f 'sitwazzjoni bla preċedent fl-istorja tar-repubblika żagħżugħa tagħna. Għad irridu naraw il-prezz politiku li jrid jitħallas għal din il- proliferazzjoni ta' korruzzjoni u prattiċi ħżiena ta' governanza li saru l-karatteristika primarja ta' dan il-gvern. Il-fidi tiegħi hija li l-poplu Malti u Għawdxi hu matur ħafna aktar milli ħafna jaħsbu u dan il-gvern ser ikollu jħallas prezz li forsi ftit qegħdin ibassru fil-preżent. Li hu ċert hu li dan il-poplu jixraqlu aħjar minn din l-orġja bla waqfien ta' rgħiba bla rażan li qed nassistu għaliha kuljum. illum | Il-Ħadd 11 ta' Diċembru 2016 Opinjoni 18 Jew maż-żrameġ jew mal-klieb AĦBARIJIET ONLINE .COM.MT JOE ELLIS "Li hu ċert hu li dan il-poplu jixraqlu aħjar minn din l-orġja bla waqfien ta' rgħiba bla rażan li qed nassistu għaliha kuljum"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 11 December 2016