Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/761502
Il-Ħadd 11 ta' Diċembru 2016 | illum Opinjoni 19 Skont Cacopardo... Il-fiduċja ta' Varist L -investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fil-ħidma tal- Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada hi materja ta' gravità kbira. Rapporti fl-istampa jindikaw li l-investigazzjoni preżentement qed teżamina bir-reqqa l-kontijiet maħruġa u mħallsa dwar xogħol ta' kostruzzjoni li l-Fondazzjoni għamlet f 'diversi skejjel u dan biex jiġi stabbilit jekk dawn il- kontijiet humiex relevanti għall-allegazzjonijiet li qed isiru. Intqal ukoll li l-mod kif ġie ffinanzjat il-bini ta' blokk appartamenti fir-Rabat jista' jkollu xi relevanza ukoll fl- investigazzjoni, u dan minħabba li dan il-blokk, li beda jinbena f 'Lulju 2015 huwa proprjetà tal- persuna li dwarha saru l-allegazzjonijiet. Il-kritika li saret s'issa kien tikkonċentra dwar jekk il-Ministru Evarist Bartolo aġixxiex bla dewmien jew le hekk kif kellu l-informazzjoni dwar l-allegata korruzzjoni. Filwaqt li l-investgazzjoni mill-Pulizija hi l-iktar azzjoni ovvja li nippretendu li sseħħ f 'każi bħal dawn, hemm aspett ieħor, daqstant gravi, li s'issa ftit li xejn ġie diskuss. L-ingaġġ ta' persuni ta' fiduċja fuq skala pjuttost kbira u mifruxa fl-operat tas-settur pubbliku hi ta' tħassib għax jista' jfisser li l-kompetenza u l-kapaċità bħala konsiderazzjonijiet bażiċi għall-ingaġġ fis- settur qed jagħmlu l-wisgħa għal-lealtà politika. Fil-lessiku politiku Malti, sfortunatament, 'persuna ta' fiduċja' tfisser persuna li hi leali politikament lejn il-politiku li jaħtarha. Dan meta fir-realtà, il-fiduċja suppost li għandha tifsira ferm usa minn hekk. Għax persuna ta' fiduċja għandha tkun persuna li tista' tafdaha minħabba l-integrità tagħha u mhux minħabba l-veduti politiċi tagħha! Il-persuna li dwarha saru l-allegazzjonijiet, Edward Caruana, inħatar mill- Ministru Evarist Bartolo fil-Fondazzjoni għall- Iskejjel ta' Għada bħala l-inkarigat mix-xiri u mill-kuntratti. Huwa kien kanvasser ta' Bartolo fid- distretti elettorali fejn dan jikkontesta l-elezzjonijiet. Kumbinazzjoni, anke ħuh huwa meqjus bħala persuna ta' fiduċja, u f 'din il-kapaċità nħatar bħala Segretarju Permanenti u dan wara li kien ġew xkupati 'l barra s-Segretarji Permanenti kollha, l-għada tal-elezzjoni ġenerali tal- 2013. L-ingaġġ ta' persuni ta' fiduċja ma jsirx biss mill-Ministeru ta' Evarist Bartolo jew mill-Gvern li jifforma parti minnu. Sar ukoll fil-passat, imma issa, mill-2013 lil hawn qed isir fuq skala ferm ikbar. F'ħafna kazi, sfortunatament, il-lealtá politika qed tintuża biex timmina l-ħtieġa ta' enfasi fuq il-mertu, l-kapaċitá u l-kompetenza, li għandhom ikunu l-kriterji bażiċi li fuqho isir kull ingaġġ, imma l-iktar dak fis- settur pubbliku. Il-mekkaniżmu tal- persuna tal-fiduċja qed jintuża biex jimmina dawn il-kriterji u b'hekk qed jispiċċaw esklużi mis- servizz pubbliku bosta persuni kapaċi u dan minħabba raġunijiet ta' lealtà politika. Dan kollu ma jwassalx biss għal nuqqas ta' motivazzjoni da parti ta' dawk li qed jispiċċaw esklużi. Imma fuq kollox iwassal ukoll għal korruzzjoni u arroganza. L-Ombudsman, diversi drabi wissa li l-użu b'mod eċċessiv tal-mekkaniżmu tal-fiduċja bħala kriterju għall-ingaġġ fis-settur pubbliku iwassal għal nuqqas ta' trasparenza. Imma konsistentement ġie injorat. Huwa u jikkummenta fuq il-każ, il-Ministru Evarist Bartolo qal li jħossu ttradut. Ħafna minna wkoll inħossuna ttraduti minn dawk li l-ewwel ipprietkaw il- meritokrazija biex wara, bl-iskuża tal-fiduċja, ipprattikaw il-klijenteliżmu politiku. Ara Editorjal f 'paġna 21 L-awtur hu Viċi Chairman ta' Alternattiva Demokratika. cacopardocarm@gmail.com, http://carmelcacopardo. wordpress. com CARMEL CACOPARDO "Fil-lessiku politiku Malti, sfortunatament, 'persuna ta' fiduċja' tfisser persuna li hi leali politikament lejn il-politiku li jaħtarha" Republic Street, Valletta next to the Courts