Illum previous editions

illum 11 January 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/444530

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 31

Il-Ħadd 11 ta' Jannar 2015 | illum 5 FIDDAWL ta' dak li ġie mħabbar iktar kmieni din il-ġimgħa li l-politiċi Maltin se jkollhom żieda fil-pagi tagħhom, l-ILLUM riedet tisma' l-opinjonijiet ta' unjins diversi. Tony Zarb, f 'isem il-General Workers' Union qal li ż-żieda ppreżentata mill-kummissjoni responsabbli kienet waħda "eżorbitanti." "Min-naħa tal-GWU għandna fiduċja li Muscat se jżomm mal-kelma tiegħu li l-membri parlamentari ma jingħatawx żieda fis-salarju, u anke fl-onorarja tagħhom, la f 'din il-leġiżlazzjoni u lanqas fil-leġiżlazzjoni ta' wara, jekk il- Partit Laburista jkun mill-ġdid elett fil-gvern. Dan ma jfissirx li wieħed ma għandux jiddiskuti xi punti msemmija fir-rapport, bħal fost l-oħrajn jekk wasalx iż-żmien li l-membri parlamentari jkunux full-time jew le, għalkemm din tista' twassal għal xi diffikultajiet minħabba li toħloq kunflitt ta' interess max-xogħol privat tagħhom. Iżda huwa tajjeb li wieħed jibda jiddiskuti t-tibdil li wieħed jista' jagħmel biex tkompli tissaħħaħ l-istruttura u l-ħidma parlamentari f 'pajjiżna." Zarb kompla jgħid "Bħala GWU nħossu li l-membri parlamentari m'għandhomx jieħdu żieda hija skont il- punti mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista li fuqu l-istess PL kkontesta u rebaħ l-elezzjoni Ġenerali tal-2013. Għaldaqstant din il-wegħda għandha tinżamm, hekk kif stqarr proprju f 'dawn l-aħħar ġranet l-istess Prim Ministru. "Mill-ġdid intenni li dan ma jfissirx li mhux se jasal żmien li fih tkun diskussa reviżjoni li twassal għal salarji ġusti għall-membri tal-parlament u li tirrifletti b'mod aktar ċar ix-xogħol parlamentari fiż-żminijiet tal-lum li grazzi għar-realtà li qegħdin ngħixu llum, dik ta' Malta membru fl-Unjoni Ewropea, titlob impenn u ħidma akbar mir- rappreżentanti tal-poplu. Biss bħala GWU nemmnu li dan iż-żmien għandu jasal proprju meta l-poplu jqum fuq saqajh u jkun jista' jgħix b'mod diċenti u ma jkollux problemi finanzjarji biex ikun jista' jlaħħaq mal- eżiġenzi tiegħu." Paul Pace, f 'isem il-Forum Unions Maltin, filwaqt li fil-prinċipju jaqbel li jittieħdu miżuri sabiex il-Parlament ta' Malta jopera fuq livelli aktar professjonali, madankollu jsostni li r-rimunerazzjoni tal- parlamentari għandha tirrifletti r-realtà tal-ħaddiema Maltin li huma s-sinsla tas-soċjetà. F'dan ir-rigward, il-Forum Unions Maltin ikompli jinsisti li għandu jkun hemm distribuzzjoni ndaqs tal-ġid u ma tkomplix tikber sitwazzjoni fejn xi wħud ikunu aktar ugwali mill-oħrajn. "Il-Forum ma jistax ma jinnutax it-tqanċiċ rikorrenti fiż-żidiet mgħotija lill-ħaddiema, anki meta jkun hemm xejriet ekonomiċi pożittivi." Jinnota wkoll l-anomaliji fil-pensjonijiet bejn dawk tal-parlamentari u tal-bqija tal-ħaddiema li għandhom capping fuq il- pensjoni immaterjalment minn kemm ikunu ħallsu bolol tas- sigurtà soċjali. Il-Forum Unions Maltin għalhekk jirrakomanda li għandu jsir studju serju fuq il-pagi tal-ħaddiema Maltin u jiddetermina kemm għandu jkun hemm żidiet fil-paga filwaqt li jinsisti li l-prinċipji tal-ugwaljanza u ekwità għandhom jiġu dejjem rispettati. Intant l-Alleanza kontra l-Faqar taqbel mal-Forum Unions Maltin li s-salarji tal-Membri Parlamentari għandhom jirriflettu r-realtà tal-ħaddiema deskritti bħala "s-sinsla tas-soċjetà." L-Alleanza tgħid li għandu jkun hemm distribuzzjoni ekwa tal-ġid u ma tkomplix tikber sitwazzjoni fejn xi wħud ikunu aktar ugwali mill-oħrajn. "Mhux biss, imma s-salarji tal-Membri Parlamentari għandhom jirriflettu wkoll il-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali li fil-maġġoranza l-kbira tal-każi mhumiex biżżejjed biex min jirċevihom jgħix ħajja dicenti u qed iwasslu biex aktar u aktar nies jispiċċaw f 'riskju ta' faqar u eskluzjoni soċjali." "Huwa tassew ironiku li r-rapport li jirrikkomanda żieda fis-salarji tal-Membri Parlamantari xxandar fil-mezzi tax-xandir fl-istess ġranet li l-NSO ħarġet statistika li turi li l-35.2% ta' dawk li jgħixu fi djar bil-kera qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja, 9.5% qed jgħixu f 'faqar materjali kbir, b'uħud minnhom lanqas għandhom fejn jinħaslu jew flus biżżejjed biex isaħħnu darhom." L-Alleanza tappella li dawk kollha li jemmnu fil-ġustizzja soċjali biex isemmgħu leħinhom ħalli d-distakk bejn dawk li għandhom u dawk li le ma jkomplix jikber. Il-poplu se jsemma' leħnu fil-11 t'April "Il-Parlamentari m'għandhomx jieħdu żieda!" TARD ilbieraħ filgħaxija f 'Kastilja l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li r-referendum għat-tneħħija tal-kaċċa fir-rebbiegħa mistenni jsir nhar is-Sibt 11 t'April flimkien mal- elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se jsiru wkoll fl- istess ġurnata. B'hekk il-kwistjoni dwar deċiżjoni favur jew kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa mistennija tittieħed permezz tar-referendum li se jgħaddi l-poter f 'idejn l-elettorat Malti biex jesprimi l-opinjoni tiegħu fuq kwistjoni taħraq li l-gvernijiet kienu qed jipprovaw jaħarbu. Muscat qal li minn naħa tiegħu hu mhux se joqgħod gallarija u se jiddefendi d-deroga tal-kaċċa fir- rebbiegħa. Spjega li minħabba li għad hawn għejja elettorali, inħass il-bżonn li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jsiru fl-istess ġurnata mar-referendum. Qal ukoll li tliet xhur huma biżżejjed biex issir diskussjoni sħiħa dwar dan is-suġġett. Il-Prim Ministru kompla jgħid li f 'każ li r-referendum jgħaddi, l-istaġun tal-kaċċa jibqa' magħluq filwaqt li jekk ma jgħaddix, l-istaġun jinfetaħ kif dejjem sar fil-passat. Intant id-deċiżjoni tal-qorti li nhar il-Ġimgħa filgħodu wittiet it-triq għar-referendum ġiet deskritta bħala 'rebħa fuq id-demokrazija f 'Malta' mill- Birdlife. Ir-referendum favur il-kaċċa ġie approvat, wara li kienu nġabru 40,000 firma minn persuni li jinsabu fuq ir-reġistru elettorali. Fi stqarrija ftit tal-ħin wara l-konferenza tal- Prim Ministru, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru żbalja meta ddeċieda d-data għal skopijiet politiċi tiegħu hekk kif dan huwa d-dmir tal-President skont il- liġi u mhux tal-Prim Ministru. "Id-deċiżjoni hija f 'idejn il-poplu fir-referendum u l-poplu għandu jitħalla fil- libertà li jiddeċiedi mingħajr ma l-kwistjoni tiġi politiċizzata aktar milli hi." Fl-istqarrija l-PN kompla jgħid li "se jiddiskuti din il-materja fl-istrutturi interni tiegħu fil-jiem li ġejjin kif inhu mistenni minn partit li jaħdem b'mod demokratiku." Intant, Romina Tolu, il- koordinatriċi tal-kampanja għat-tneħħija tal-kaċċa fir- rebbiegħa qalet li l-koalizzjoni hi kuntenta li tara dan il-pass jittieħed u ddeskrivietu bħala pass li se jibqa' mmarkat fl-istorja tad-demokrazija Maltija. Issa huwa ċar li din mhux biss obbligazzjoni min-naħa tal-UE iżda wkoll deċiżjoni lokali." Il-koalizzjoni kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa hi magħmula minn 14-il organizzazzjoni, l-Alternattiva Demokratika, BirdLife Malta, Coalition for Animal Rights, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għall- Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Gaia Foundation, Greenhouse Malta, International Animal Rescue Malta, Malta Organic Agriculture Movement, Moviment Graffiti, Nature Trust, Ramblers Association Malta u Youth for the Environment. "Dan ir-referendum ifisser it-tmiem ta' ftehim sigrieti bejn politiċi tal-PL u l-PN u l-lobby tal-kaċċaturi f 'Malta. Il-poter tad-deċiżjoni issa qiegħed kollu f 'idejn il- poplu Malti li ħa jkun jista' jesprimi ruħu fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa f 'referendum demokratiku" hekk qal Arnold Cassola, Chairperson ta' Alternattiva Demokratika li żied jirringrazzja lill-għaqdiet ambjentali u lis-soċjetà ċivili talli aċċettaw l-istedina tal- Alternattiva Demokratika biex tiġi ffurmata koalizzjoni kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa u tax-xogħol kollu li għamlu biex jiġbru l-firem. Uħud mill-membri tal-Koalizzjoni għall-Kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa quddiem il-Qorti meta tħabbar ir-referendum

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 11 January 2015