Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/550025
Il-Ħadd 02 ta' Awwissu 2015 | illum 5 ALBERT GAUCI CUNNINGHAM DWAR vittmi ta' vjolenza smajna ħafna u għad irridu nisimgħu iżda, sfortunatament, dwar ulied li jerfgħu jdejhom u jabbużaw lill-ġenituri tagħhom stess ftit nisimgħu u naqraw. Omm, imweġġa u fi stat ta' disprament tkellmet mal- ILLUM dwar id-dilemma tagħha hekk kif sfat bla għażliet dwar x'se tagħmel b'binta ta' 16-il sena illi qed tkun vjolenti magħha, wara separazzjoni li hi kellha ma' żewġha. "Is-separazzjoni minn ma żewġi ħaditha bi kbira wisq. Għall-ewwel pruvajt kemm stajt infehma li jiġri x'jiġri aħna xorta nħobbuha. Għall- ewwel kienet qed tiżvoga r-rabja fil-kliem iżda maż- żmien is-sitwazzjoni ggravat" qalet din l-omm mbikkma. Hija tispjega kif l-aħħar inkontru morr ma' bintha kien ftit jiem biss qabel, meta din bdiet timbuttaha u tagħti bis-sieq fuq il-karozza. "Jekk inkellimha taqbad tgħajjat, issabbat, titkellem ħażin u anke tobżoqli" qalet l-omm. "L-aħħar darba ġbidtilha l-attenzjoni illi s-sitwazzjoni ta' bejnietna kienet ggravat wisq u kien wasal iż-żmien li nitkellmu. Għidtilha li jien għandi ħajti wkoll". L-omm stqarret illi meta kellmitha b'dan il-mod it-tifla infexxet f 'rabja kbira u bdiet tkun vjolenti. "Imma x'se nagħmel?" staqsiet l-omm "dik binti u għalkemm qed tkun vjolenti, timbarazzani kull meta nkun fil-pubbliku u titrattani b'ċertu mod, xorta binti tibqa". L-ILLUM staqsa jekk qattx ippruvat tgħin lil bintha biex tifhem aħjar li, fl-aħħar mill- aħħar, m'għandhiex tort f 'dak li ġara bejnha u missierha. L-omm stqarret illi għall- bidu kienu marru għand psikoloġista biex dan jgħinha tikkontrolla r-rabja kbira li kellha fiha, imma kollu ta' xejn. "Ma tantx dehret li riedet tikkoopera mal-psikoloġista u darba minnhom, meta jien kont preżenti wkoll għas- sessjoni, qabdet tirrabja u garatli tazza għal wiċċi." L-omm kompliet tispjega kif wara, anke għand l-Appoġġ kienet marret biex tipprova tieħu l-għajnuna, iżda lanqas hawn ma xtaqet tkun it-tifla. Hawnhekk hija tgħid kif baqgħet sorpriża u rrabjata fl-istess ħin hekk kif l-impjegati tal-Appoġġ qalulha biex tmur lura d-dar u tieħu ħsiebha "anke jekk kien ċar li binti għandha problema kbira ta' rabja li xi kultant ma tkunx kapaċi tikkontrolla". Wara inċident fl-akwati ta' San Ġwann, li ħalliha maqfula fil-karozza tistenna l-Pulizija hekk kif bintha intilfet f 'rabja kbira, l-każ spiċċa l-Qorti bil-Maġistrat jordna li l-każ quddiem l-Appoġġ jerġa jinfetaħ mill-ġdid. L-omm tispjega kif ir- relazzjoni ma' bintha laħqet l-agħar livelli tagħha wara li meta miġbura mill-Pulizija u qabel ma nfetaħ il-każ il-qorti, mill-poliklinika ssuġġerrew li t-tifla tmur għall-osservazzjoni fl-Isptar Monte Carmeli. "Qatt ma ħafritli li aċċettajt li tkun osservata. U hekk eżatt qaltli meta ħriġna mill-Isptar, qaltli "ma', ma naħfirlekx". Hija tgħid li anke jekk hi taħfer u tibqa' taħfer lil bintha u tibqa' teħodha d-dar u tieħu ħsiebha, dawn il-kliem kienu bħal stallett f 'qalbha. L-ILLUM staqsa lil din l-omm kemm taħseb li kienet idea tajba li tifla ta' 16-il sena tqatta' żmien fl- Isptar Monte Carmeli bl-omm tirrispondi, "imma għidli fejn ridtni mmur biha? Il-Pulizija għinuni ħafna, imma meta jkollok problema bħal din f 'ħoġrok tkun teħtieġ iktar għajnuna". L-omm turi ruħha ddispjaċuta illi tfittex kemm tfittex mhux qed issib biżejjed għajnuna. "Għaddejt minn xitwa kerha, emozzjonalment. Is-sitwazzjoni hija diffiċli u iktar kemm jgħaddi ż-żmien iktar qed issir diffiċli għalija. Imma jien nistaqsi lili nnifsi, għalfejn qed ngħix hekk? Nħobbha u dejjem tajtha li xtaqet lil binti, għalfejn qed ikolli ngħaddi minn dan il-kalvarju? Għaliex jien? Hija temmet tgħid li tixtieq li ssib soluzzjoni għas-sitwazzjoni ta' bintha u li fl-aħħar din tingħata l-għajnuna illi għandha bżonn, bl-appell finali jkun li l-awtorijitajiet u l-aġenziji jibqgħu jagħtu l-għajnuna meħtieġa biex nies fis-sitwazzjoni tagħha jaraw xaqq ta' dawl u jerġa jkollhom it-tama. Mhux rakkont sabiħ, nafu, imma definittivament din l-omm ħallietna bi ħsieb wieħed, sa fejn tasal u kemm hi bla limitu l-imħabba tal-omm. Minkejja kollox u minkejja l-kalvarju li għaddejja minnu hija xorta tippersisti li tkun mara ta' maħfra, mara ta' ħniena u mara li hija omm. "Ma nafx x'se nagħmel b'binti ... ma rridx nitfagħha l-ħabs" Omm titkellem dwar il-weġgħat tagħha hekk kif qed tisfa vittma ta' vjolenza minn bintha stess "Għalfejn qed ngħix hekk? Nħobbha u dejjem tajtha li xtaqet lil binti, għalfejn qed ikolli ngħaddi minn dan il-kalvarju? Għaliex jien?" Ritratt mill-arkivji Tarbija ta' tliet xhur midruba, tfajla u tifel iweġġgħu gravi f 'inċident SITT persuni, fosthom tarbija ta' tliet xhur, ittieħdu l-Isptar Mater Dei kawża ta' ġrieħi li sofrew f 'inċident tat-traffiku li seħħ il-bieraħ filgħaxija fi Triq il-Kbira, l-Mellieħa. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11:30 ta'filgħaxija wara li vettura tat-tip Seat Ibiza misjuqa minn żagħżugħ ta' 24 sena u residenti fin- Naxxar ħabtet f 'vettura tat-tip Suzuki Gran Vitata misjuqa minn mara ta' 42 sena residenti Ħal Qormi. Is-sewwieq ta' 24 sena u l-passiġġier li kien miegħu – raġel ta' 24 sena residenti l-Mosta, ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ta' natura ħafifa. Il-mara u t-tifel tagħha ta' tlett xhur ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief, filwaqt li żewġt itfal oħra, tfajla ta' ħmistax-il sena u tifel ta' disa' snin sofrew ġrieħi ta' natura gravi. Iż-żewġ sewwieqa u l-passiġġieri rispettivi tagħhom ittieħdu l-isptar sabiex jingħataw kura għall- ġrieħi li ġarrbu. Kawża tal-inċident it-triq kellha tingħalaq għal xi ħin. Il-vetturi ġarrbu ħsarat estensivi fil-partijiet ta' quddiem.