Illum previous editions

illum 30 August 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/563630

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 35

Il-Ħadd 30 ta' Awwissu 2015 | illum 11 Viva x-Xemx minn Triq l-Imġarr, żewġ baned bi statwa tal-Madonna tifridhom. Quddiemhom, baħar ta żgħażagħ Għajnselmiżi kollha lebsin mill-istess pezza drapp li tinġieb minn barra apposta ħalli ma jkunx hawn bħalha, min iħit qalziet, xorts, qmis u anke xi hair band. F'idejhom ikollhom dulliegħ mimli bil-vodka (li jitlesta minn filgħodu ħalli jiffermenta aktar) li jinxtorob bl-istraws. Tibda l-għajta kbira ta' VIVA X-XEMX, għax il-Madonna ta Loretu ta' Għajnsielem fl-innu tagħha għandha li tiddi bħax-xemx, filwaqt li kulħadd jitgħannaq, jiżfen u jieħu gost bħal f 'kull marċ ieħor tal-festa. Għal nofsilejl, il-marċ jasal fil- pjazza, fejn il-folla li jkun hemm miegħu issa jkunu aktar jitbandlu milli jimxu. Hawnhekk ikun hawn spettaklu li ngħid għalija qatt ma rajt bħalu. Il-Madonna tiddendel fl-ajru, qisha qed ittir fuq il-pjazza, filwaqt li kulħadd jixgħel speċi ta' xemgħat kbar u jkantaw l-Ave Marija. Xena mill-aktar kommoventi. Malli titpoġġa fuq il-pedestall ippreparat għaliha, il-pjazza timtela b'ajruplani pirotekniċi min- naħa għall-oħra fost l-għajjatt tal-poplu Għajnselmiż. Xena spettakolari. Dan isir minħabba li l-Madonna ta' Loreto hi l-protettriċi tal- avjazzjoni, u għalhekk ikun hemm dawn l-ajruplani. Dan mhux kollox, għax minn hawn jibda 'party' kbir bejn iż-żewġ każini (tal-banda u tal-futbol) b'eluf ta żgħażagħ, jiżfnu u jaqbżu sas-sigħat bikrin ta' filgħodu. Iżda l-festa ma tintemmx hawn, għalkemm donnu li d-dimostrazzjoni tal-Ġimgħa tilħaq il-qofol tal-festa. Għax għal jum il-festa, barra t-tiġrijiet taż-żwiemel li issa ndraw madwar Għawdex kollu, jibqa' jkun hemm marċijiet brijużi miż- żgħażagħ Għajnselmiżi fejn fil-fatt dan ir-raħal hu invażat biż-żgħażagħ, anke jekk magħhom jingħaqdu oħrajn minn irħula oħra. L-Għajnselmiżi huma msemmija f 'Għawdex li huma nies li jagħmlu ħafna briju, iżda mbagħad kulħadd jistenna li llejla jinfetaħ beraħ il-bieb tal-Knisja biex toħroġ ix-Xemx fost il-kant tal- poplu Għajnselmiż tal-innu VIVA X-XEMX. It-tradizzjoni f 'Għajnsielem tal-qtugħ minn naħa ta' fuq tad-dulliegħa li timtela' b'xorb alkoħoliku u li tiġi kkunsmata waqt il-marċ ta' filogħodu "Kulħadd jistenna li jinfetaħ beraħ il-bieb tal-Knisja biex toħroġ ix-Xemx fost il-kant tal-poplu Għajnselmiż tal-innu VIVA X-XEMX" Il-kelma tas-sindku: Il-festa u Jien FESTA : kelma li mingħajr ma trid tifhem li ġejja xi ċelebrazzjoni speċjali, pożittiva u għaliex le, ta' divertiment ukoll. Niftakar sew li l-ewwel festa li kont involut fiha kienet dik tal-1977, meta dħalt abbati. Ma ninsa qatt l-eċitament, ansjetà u l-ferħ meta kont qed ngħin fiċ- ċelebrazzjonijiet ta' ġol-knisja. Bħal kull tifel ieħor ta' dik l-età, il-festa għalija kienet tfisser divertiment mal-ħbieb. Kont nosserva u nammira lill-adulti jagħtu daqqa t'id fl-armar tal-festa u għal dik il-ġimgħa kont nixtieq li kont akbar ħalli jien ukoll nagħti sehmi. Il-festa tagħna rajtha tikber f 'kull aspett tagħha: il-banda u marċijiet, knisja u funzjonijiet ta' ġewwa, l-armar u elementi partikolari li jagħmlu l-festa tagħna unika. Niftakar l-istilel u forom oħra magħmula mill- karti tat-tajr li jinxtegħlu bix- xemgħa. Dawn kienu jinġarru mit-tfal u ż-żgħażagħ waqt il-marċ tas-Sibt. Kont nieħu gost nara l-bnadar ta' diversi pajjiżi fejn hemm l-emigranti tagħna waqt il-marċ tat- tranżlazzjoni. Karatteristiċi oħra huma l-parteċipazzjoni tal-Għajnselmiżi fiż-żfin waqt il-marċijiet, it-tfigħ ta' kwantità kbira ta' karti minn fuq il-bjut, u l-ajruplani pirotekniċi li jaqsmu min- naħa għall-oħra tal-pjazza tagħna. Dawn tal-aħħar isiru biex infakkru li l-Madonna ta' Loretu hija il-patruna protettriċi tal-avjazzjoni. Kienu dawn l-esperjenzi li bla ma kont naf kienu qed inaqqxu fija mħabba lejn raħal twelidi u dak kollu li hu Għajnselmiż. Maż-żmien, dħalt sew f 'dak kollu kien ikun hemm bżonn, eż. fl- armar tat-triqat u tal-knisja, attivitajiet ta' ġbir ta' fondi u ħafna aktar xogħol volontarju b'risq ir-raħal. Illum il- ġurnata nokkupa l-kariga ta' sindku ta' Għajnsielem fejn il-festa qed ngħixha b'mod u rwol totalment differenti ħafna minn dik ta' tfuliti iżda jibqa' l-fatt li kienet il-festa li għenitni nitgħallem inħobb u nagħmel mill-aħjar li nista' għal Għajnsielem tagħna. Festa kompluta hija dik fejn wieħed iżomm bilanċ bejn dak li hu sagru u dak li hu profan. Fl-opinjoni tiegħi, festa li fiha ma tiħux sehem fil-funzjonijiet ta' ġol-knisja hija waħda bla sens, għax fl-aħħar mill-aħħar l-iskop ewlieni tal-festa huwa li l-komunità tingħaqad biex titlob u tfaħħar lil Alla u lil ommna Marija taħt it-titlu ta' Loretu. Nawgura l-festa t-tajba lill-Għajnselmiżi kollha u lil dawk kollha li jogħġobhom jiġu jiċċelebraw magħna. Franco Ciangura

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 30 August 2015