Illum previous editions

illum 30 August 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/563630

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

Il-Ħadd 30 ta' Awwissu 2015 | illum 17 L-ekonomija tal-politika tat-Tango H awn ħafna forom ta' mużika li jappellaw għal gosti differenti. Min jogħġbu l-'heavy metal', min is-'psychedelic' jew il-'jazz' jew il-mużika klassika jew dik lirika. Kulħadd gostih għax kif jgħid il- qawl latin, toqgħodx tistaqsi dwar il-gosti ta' dak jew l-ieħor. Imma nażżarda ngħid li ftit huma dawk li ma jieħdux gost jaraw xi żifna tango kif naraw f 'reklam ta' brandy Taljan jew jisimgħu xi kunċert ta' mużika tango ta' Astor Piazzolla. Ir-ritmu frenetiku tat-tango flimkien maż- żanqir tal-vjolini u l-melodija tal- accordion huma riċetta ta' armonija mużikali li ma tantx tista' tirreżistiha, ma tridx tagħmel sforzi kbar biex tapprezzaha u ma tiddejjaqx minnha kif ġieb u laħaq. Ġieni dan il-ħsieb meta kont qed nipprepara biex nikteb dan l-artiklu. Min jogħġbu jaqra sat- tmiem, jinduna għaliex irreferejt għat-tango. Inħobb naħseb li x-xeni u l-aħbarijiet ta' dawn il-jiem, għandhom jiddisturbaw il-kuxjenza ta' kull min għandu d-demm jiġri ġol-vini tiegħu. Imma m'iniex daqshekk konvint: filwaqt li l-qtugħ tad-dawl għal xi sagħtejn xi ġimgħat ilu pprovoka xmara ta' linka reali jew virtwali, l-imwiet li qed jiġru ftit mili 'l bogħod minn Malta ta' dawk li qed jaħarbu għall-Ewropa qajla jqanqlu reazzjoni fost il-poplu. Kulħadd għaddej għall-affari tiegħu qisu mhu qed jiġri xejn ftit 'il bogħod minn xtutna. Sfortunatament, il-ħajja li qed ngħixu, spiss iġġiegħlna nikkonċentraw fuq il-ħtiġijiet tagħna u qajla nagħtu kas il-ħtiġijiet tal- 'proxxmu', kelma li spiss konna nisimgħu fid-duttrina meta konna tfal imma li llum donnha m'għadhiex moda. It-traġedji li qed jiġru fl-ibħra ta' madwarna u fit-toroq tal-Ewropa qed jiġru fl-indifferenza ġenerali, tal-anqas hawn Malta. Oħroġ il- għaġeb, minkejja li ninsabu fuq waħda mir-rotot prinċipali tal- immigrazzjoni lejn l-Ewropa, f 'dawn l-aħħar sentejn, il-Forzi Armati tagħna rari intervjenew biex isalvaw l-immigranti stivati bħas-sardin fuq id-dgħajjes tal-kuntrabandisti. Fejn qabel il-Forzi Armati tagħna kienu jintervjenu bil-mezzi tagħhom jew jikkoordinaw l-operazzjoni tas- salvataġġ, jidher li issa għaddejna l-palju għal kollox lit-Taljani. Aktar qed isalvaw nies mezzi Irlandiżi, Iżlandiżi jew Norveġiżi milli dawk Maltin. U ovvjament ħadd mill-poplu Malti mhu qed jilmenta. Imma x'imkien hemm xi quid pro quo għala t-Taljani jiġbru l-ħajjin u joħduhom l-Italja mentri jħottu l-katavri hawn Malta ħalli nkunu nistgħu norganizzaw iċ-ċerimonji biex l-Ewropa tipprova turi s-sogħba tagħha għat-traġedji li qed iseħħu wisq ta' spiss. Imma l-poplu qajla jinteressah: l-importanti li l-immigranti ma jiġux jgħixu ma' saqajna, u speċjalment jekk ikunu suwed. U l-klima f 'pajjiżi oħra hija qajla aħjar. Fil-Ġermanja, in-neo nażisti ħarqu ċ-ċentri li jilqgħu r-refuġjati, is-Slovakkja ma tridx taċċetta Misilmin u l-Ungerija qiegħda tibni ħajt sabiex ma tħallix lill-immigranti jidħlu mis-Serbja. Meta ftit jiem ilu l-Maċedonja għalqet il-fruntiera mal-Greċja, kien hemm xeni ta' pandemonju u wara ftit jiem, jekk mhux sigħat, kellha terġa' tiftaħha. In-numri kollha jindikaw l-entità tal-fenomenu, l-aġenzija tal-Ġnus Magħquda għar-rifuġjati ħabbret din il-ġimgħa li matul din is-sena diġà waslu fil-Greċja u fl-Italja 300 elf migrant mentri s-sena l-oħra, li diġà kienet sena rekord, b'kollox waslu 219 elf. Il-Ġnus Magħquda qiegħda ukoll tipprevedi li dalwaqt, tlett elef emigrant kuljum se jgħaddu mill-Maċedonja u mis-Serbja. Bil- kundizzjonijiet fis-Sirja imma anke f 'pajjiżi bħall-Iraq u l-Afghanistan dejjem sejrin għal agħar, wieħed qajla jista' jistenna li l-fenomenu tal-immigrazzjoni se jbatti dalwaqt. Anzi għas-snin li ġejjin għandna nistennew li jinkiser rekord wara l-ieħor ta' wasliet. M'għandhix il-ħsieb li noqgħod nagħtikom wisq statistiċi kif spiss inħobb nagħti, naħseb li ftit għandhom jiddubitaw li qed nitkellmu fuq problema kbira għall-Ewropa kollha, problema li qiegħda kuljum tikber. Min jixtieq jara dawn l-istatistiċi, nissuġġerilu jaqra l-artiklu eċċellenti li ppubblika din il-ġimgħa l-ġurnal Ingliż The Economist. The Economist huwa wieħed mill-ġurnali favoriti tiegħi, ilni naqrah kważi tletin sena minn meta ggradwajt l-Università. Introduċihuli membru taċ-ċivil li dik il-ħabta ftit kellu x'jagħmel u li ħasra li pajjiżna m'għamielx użu aħjar minnu. Li jogħġobni ħafna f 'The Economist, barra l-korrettezza fattwali tal- artikli tiegħu, huwa l-opinjonijiet li jesprimi li spiss mhumiex ortodossi kif ukoll il-perspettiva ekonomika li regolarment jipprovdi. L-editorjal ta' din il-ġimgħa dwar l-immigrazzjoni huwa każ klassiku. It-titlu tiegħu mill-ewwel jurik x'inhu l-ħsieb tal-editur: "Let them in and let them earn". U s-sottotitolu aktar espliċitament jgħid, "A bigger welcome mat would be in Europe's own interest." L-editorjal jibda biex jgħid li l-Istat Iżlamiku ma jaħbiex il- ħruxijiet tiegħu, għaldaqstant meta l-maħrubin mis-Sirja jew l-Iraq jistqarru li jibżgħu jmorru d-dar, x'aktarx qed jgħidu l-verità. L-UE hi waħda mir-reġjuni l-aktar sinjuri u l-aktar trankwilli fid- dinja u ċ-ċittadini tagħha jħobbu jaħsbu biex iżommu l-istandard għall-kompassjoni. Il-pajjiżi kollha tal-UE jaċċettaw li għandhom dmir legali li jospitaw min jibża' mill- persekuzzjoni. Imma ż-żieda riċenti fit-talbiet għall-ażil qed jittestjaw dawn l-ideali. Għaldaqstant, jgħid The Economist, tajjeb li wieħed iżomm f 'moħħu ċertu figure, it-300,000 ruħ li waslu bil-baħar huma madwar wieħed minn kull 1,900 Ewropew. U bosta minn dawn se jintbagħtu lura. Postijiet ifqar tgħabbew b'piż akbar: il-Libanu b'popolazzjoni ta' 4 miljuni għandu 1.1 m Sirjan mentri t-Turkija għandha 1.7 miljun refuġjat. It- Tanżanija, fejn id-dħul medju hu wieħed minn ħamsin tal-UE, laqgħet fi ħdanha mijiet ta' eluf minn pajjiżi ġirien u mingħajr tgergir. Inżid ngħid li l-istess jista' jingħad għal mijiet t'eluf ta' Somali li ilhom snin jgħixu fil-Kenja. Madankollu, il- pajjiżi membri tal-UE tqanżħu biex jaċċettaw fuq perjodu ta' sentejn 32,256 rifuġjat li waslu l-Greċja u l-Italja. U hawnhekk, l-editorjal ta' The Economist ħareġ bl-argument ekonomiku. L-Ewropa, jistqarr l-editorjal, għandha u jmessha tagħmel aħjar. U mhux biss għal raġunijiet morali, imma anke għal skopijiet eġositici. Il-manodopera Ewropea qiegħda tixjieħ u dalwaqt tibda tiċkien. Il-gvernijiet Ewropej iddejnu ħafna, liema dejn iridu jagħmlu tajjeb għalih il-ġenerazzjonijiet futuri. Dan se jkun aktar iebes jekk dawn il- ġenerazzjonijiet futuri se jonqsu. L-immigranti huma tipikament żgħar fl-età u lesti li jaħdmu. Għaldaqstant, jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni jekk l-Ewropa tuża l-vitalità tagħhom sabiex jerfgħu parti mid-dejn tal-pajjiżi tal- UE. Mhux faċli li dan jitwettaq politikament, u biex isir jeħtieġ riformi tas-swieq tax-xogħol. Fl-ewwel lok, kompla The Economist, l-eżami tat-talbiet għall-ażil għandu jkun immedjat u ġeneruż - altru rifuġjat mis-Sirja u altru wieħed mill-Albanija jew mis-Serbja. Min jaqsam id-deżert u jaffronta l-baħar, x'aktarx ma jitgħażżinx meta jasal qawwi u sħiħ. Studji madwar id-dinja juru li iktar hemm ċans li l-immigranti jibdew negozju milli n-nies tal-lokal, anqas hemm ċans li jwettqu reati serji u jikkontribwixxu pożittivament għall-kaxxa tal-Istat. Lanqas mhu minnu li jieħdu x-xogħol u jnaqqsu l-pagi. The Economist jgħid li minħabba li jġibu ħiliet, ideat u konnessjonijiet ġodda, it-tendenza hi li jgħollu l-pagi tan-nies tal- lokal ħlief għal dawk ta' bla snajja. L-immigranti wkoll jibbenefikaw bil-kbir għaliex ir-renju tad-dritt fl-Ewropa jippermettilhom jaħdmu aħjar u l-pagi tagħhom għalhekk jiżdiedu. The Economist ikompli jgħid li verament hemm il-biża' tal-impatt kulturali tal-immigrazzjoni u tat- terroriżmu Iżlamiku. Tali biżgħat mhumiex bla bażi u l-monitoraġġ tal-gruppi ġiħadisti jrid jiżdied. Imma r-risposta għall-mistoqsija kif l-Ewropa tista' tassimila aħjar mal-immigranti hija sempliċi: ħallihom jaħdmu. Din il-formula, skont The Economist, taħdem sew f 'Londra, New York u Vancouver. Ix-xogħol ibiegħed iż-żgħażagħ mill-għawġ u għalhekk il-politika li tħalli lill-immigranti jitgħażżnu, bħalma għandna Malta, hija daqshekk destruttiva. L-editorjal ta' The Economist jikkonkludi li Ewropa aktar miftuħa bi swieq tax- xogħol aktar flessibli, tista' ddawwar il-kriżi tar-refuġjati f 'opportunità hekk kif għamlet l-Amerika fis-seklu għoxrin b'mewġiet suċċessivi ta' refuġjati fosthom ħafna mill-Ewropa. Ħalluhom jidħlu u ħalluhom jaqilgħu l-flus, hu l-appell imqanqal ta' The Economist. Anke Malta qegħdin naraw xi wħud minn dawn il-benefiċċji ekonomiċi tal-immigrazzjoni. F'Santa Marija kelli diskursata ma' imprenditur li tgħidx kemm faħħar il-ħaddiema barranin li għandu u speċjalment dawk Afrikani. Fl-industrija tal-kostruzzjoni, il- ħaddiema lokali naqsu sew u allura bil-fors l-imprendituri jkollhom jirrikorru għall-barranin u għall- extra-komunitarji. Ħasra jekk dawn ma jiġux ingaġġati regolarment minħabba l-liġijiet restrittivi tas-suq tax-xogħol tagħna għax dan jagħti lok għal sfruttament u għal anqas kontributi għall-fond tal-pensjonijiet li tant għandu bżonn, dak li aħna nsejħulu l-NI. U t-tango? It-tango jidher li kien il- frott ta' influssi migratorji f 'Buenos Aires u Montevideo fl-aħħar snin tas-seklu dsatax. Twieled fil-briedel tal-kwartieri baxxi ta' dawn il-bliet fejn il-vjolin tal-immigranti Lhud u l-accordion tat-Taljani taw bixra ġdida lir-ritmi tad-dixxendenti tal-iskjavi Afrikani. M'għandniex għalfejn immorru 'l bogħod għaliex anke pajjiżna mar 'il quddiem matul is-snin bl-influss ta' nies minn kull ġens li ma damux ma integraw ruħhom sew fil-ħajja Maltija. Jekk se nibqgħu nibżgħu mill- babaw, ħsara se nkomplu nagħmlu lilna nfusna. Segwini fuq Facebook jew Twitter @ellisjoseph. JOE ELLIS "L-immigranti jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni jekk l-Ewropa tuża l-vitalità tagħhom sabiex jerfgħu parti mid-dejn tal- pajjiżi tal-UE"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 30 August 2015