Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/646086
16 illum | Il-Ħadd 28 ta' Frar 2016 I lkoll konna l-iskola, u lkoll nafu sew li mhux kollha kemm aħna konna nġibu ruħna l-istess. Kien hemm fostna li kienu jissieltu għall-premji li kienu jtuna fil-Prize Day. U kien hemm min kien student medju jew medjokri jew anke mqareb, forsi anke jekk kien intelliġenti. X'għandu jagħmel l-għalliem fil-konfront ta' min hu mqareb u ma jridx jaf bit- tagħlim? Iżiegħel bih, iħallih jagħmel li jrid fil-klassi bit-tama li joqgħod bi kwietu u ma jtellifx lil sħabu jew jurih l-id tal-ħadid u jiddixxiplinah kull x'ħin jiżgarra ? Din hija s-sitwazzjoni fl-Unjoni Ewropea llum. Għaqda ta' 28 pajjiż membru li aktar ma jgħaddi ż-żmien, flok ma ssir aktar magħquda, qed taffaċja l-possibilità li xi pajjiż joħroġ minnha. U anke min ma jridx joħroġ, qiegħed juri li jaqa' u jqum mill- ispirtu kollettiv tal-Unjoni u aktar ma jgħaddi ż-żmien, jagħmel ta' rasu. Il- benefiċċji tal-għaqda spiss jintesew, mentri l-obbligi jiġu ttraskurati u l-iżvantaġġi minfuħin. Il-kriżi ekonomika kif ukoll il-mewġa bla preċedent ta' immigrazzjoni, qegħdin jheddu l-istess eżistenza tal-Unjoni bħal qatt qabel. Filwaqt li sa ħmistax- il sena ilu, għaqda aktar fil-qrib bejn il-pajjiżi membri kienet tidher inevitabbli, illum l-qagħda nbidlet sew. Għalkemm għad hemm bosta pajjiżi li jixtiequ jidħlu fl-Unjoni, l-esperjenza riċenti wrietna li bosta pajjiżi membri saru biss membri għall-benefiċċji ekonomiċi u politiċi li s-sħubija tagħtihom. Darba li saru membri, l-entużjasmu tagħhom għall-proġett Ewropew bired sew. U daħlu dritt fost l-aktar imqarbin kif qed naraw fil-każ tal-Ungerija. Imma anke fost il-membri l-antiki hemm l-iskuntentezza. Għall-ewwel darba, qed nassistu għall-pożizzjoni anti-Ewropea ta' Gvern Taljan li tirrifletti l-opinjoni pubblika aktar ewroxettika fl-Italja. Fi Franza, pajjiż ieħor kruċjali għall-proġett Ewropew, l-ewroxettiċiżmu qed isib sblokk fil-politika tal-Front Nationale ta' Marine LePen li tista' tilħaq il-president Franċiż li jmiss. L-ewroxettiċiżmu laħaq livelli allarmanti ukoll f 'pajjiżi bħall- Olanda, l-Iżvezja u d-Danimarka. Imma ċertament, imkien m'hemm sentiment anti-Ewropew aktar milli hemm fir-Renju Unit. Hemm partit li kiber sew fil-popolarità bl-isem ta' UK Independence Party li apertament irid li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Is- sistema elettorali Brittanika ċaħdet lil dan il-partit minn rappreżentanza qawwija fil-parlament Brittaniku fl-elezzjoni tas-sena l-oħra. Anke fi ħdan il-partit konservattiv fil- Gvern, is-sentimenti anti-Ewropekisti huma mifruxin sew. Tant li l-mexxej tal-konservattivi, il-Prim Ministru David Cameron kellu jwiegħed fl-2013 li jekk jerġa' jitla' fil-poter fl-2015, jinnegozja kundizzjonijiet ġodda mal-UE u jħalli lill-elettorat jiddeċiedi f 'referendum jekk ir-Renju Unit għandhux jibqa' fl-UE. Cameron għamel din il-wegħda biex jipprova jżomm l-erwieħ differenti tal-partit konservattiv flimkien u jevita aktar defezzjonijiet lejn l-UKIP. Imma r-riżultat hu illi mbarka fuq strateġija riskjuża illi jista' jkollha l-esitu xejn mixtieq ta' Brexit, bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, u l-Brexit jista' anke jagħti lok għax-xoljiment tal-istess Renju Unit bl-Iskozja u Ulster ħerqanin li jibqgħu jiffurmaw parti mill-Unjoni Ewropea. Xi ħamsa u tletin sena ilu, meta kont student il-Kanada, kont assistejt għal taħdita li fiha l-kelliem kien iddeskriva kif il-forzi ta' għaqda u ta' firda qed jaħdmu fl-istess ħin f 'dik li dak iż-żmien kienet għadha s-Suq Komuni. Kien ta l-eżempju tal-Ispanjoli, li riedu jsiru membri mentri l-Baski u sa ċertu punt anke l-Katalani u nazzjonijiet oħra riedu joħorġu mir-renju ta' Spanja. Imma ċertament ħadd ma ppreveda l-possibilità li l-ħruġ ta' pajjiż mill-UE jiddestabbilizza l-għaqda pluriċentenarja tal-istess pajjiż kif inhu l-każ tar-Renju Unit. Tassew Cameron irnexxielu jakkwista xi konċessjonijiet minuri fit-taħdidiet maratona li saru fi Brussell il-ġimgħa l-oħra, u jista' jiftaħar li r-Renju Unit akkwista status speċjali li jħallieh igawdi mill-benefiċċji tas-sħubija mentri jissalvagawardja l-isterlina u l-pożizzjoni ta' Londra bħala ċentru finanzjarju. Madankollu, dawn il-konċessjonijiet qajla jidhru li nfluwenzaw l-opinjoni pubblika u l-istħarriġ tal-opinjoni juru li l-vantaġġ ta' min irid jibqa' fl-Unjoni fuq min irid joħroġ, ċkien sew u hu fil-minimu tiegħu f 'dawn l-aħħar snin. Tant illi fil-bidu ta' din il- ġimgħa, il-biża' ta' Brexit waqqa' lill-isterlina fl-aktar livell baxx tagħha għal diversi snin kontra l-ewro u d-dollaru. In-negozjati fi Brussell il-ġimgħa l-oħra kienu iebsin u Cameron kellu jagħmel bosta konċessjonijiet sabiex jintlaħaq ftehim. Ċertament ma akkwistax il-bidla fundamentali fir-rapport bejn ir-Renju Unit u l-UE li kien wiegħed. Imma l-president tal- Kunsill Ewropew iddikjara l-ħolqien ta' status speċjali għar-Renju Unit. Bħallikieku r-Renju Unit mhux diġá kellu dan l-istatus speċjali bl-opt out li kien innegozja biex ma jidħolx fl- ewro u fiż-żona Schengen. Tassew ir-rapport bejn ir-Renju Unit u l-UE kien dejjem problematiku. Minkejja li Winston Churchill kien minn tal-ewwel li ħareġ bl-idea ta' Stati Uniti tal-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija u l-uffiċjali Brittaniċi kienu min ta' quddiem fit-tnissil tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Brittaniċi ma damux ma reġgħu daħlu f 'qoxorthom. Fil-fatt, dlonk irtiraw mit-taħdidiet li eventwalment, taw lok għall-iffirmar minn sitt pajjiżi Ewropej tat-Trattat ta' Ruma fl-1957 biex twaqfet il-Komunità Ekonomika Ewropea. Iż-żmien donnu ta raġun lil Charles De Gaulle, il-president Franċiż. Meta fl-1963, f 'nofs kriżi ekonomika u bit-telf tal-imperu, ir-Renju Unit wera x-xewqa li jsir membru tas- Suq Komuni, De Gaulle oppona għaliex deherlu li kien hemm wisq antagoniżmu Brittaniku għall-proġett ta' integrazzjoni Ewropea. U ma żbaljax. Anke jekk ir-referendum li Cameron sejjaħ għat-23 ta' Ġunju li ġej juri li l-elettorat Brittaniku jrid li jibqgħu fi ħdan l-UE, l-istorja turi li wieħed qajla jista' jittama li l-kwistjoni Ewropea tar-Renju Unit ser tkun deċiża darba għal dejjem. Meta r-Renju Unit fl-aħħar sar membru fl-1973 taħt il-gvern konservattiv ta' Edward Heath, mill-ewwel bdew il-kwistjonijiet. Fi żmien sena, ir-Renju Unit kien qed isejjaħ għal riforma tal-Politika Agrikola Komuni u l-mod kif jiġi ffinanzjat il-baġit. Dan ta lok għall- ewwel konċessjonijiet fir-rigward tal-kummerċ ma' pajjiżi tal- Commonwealth bħan-New Zealand. Fl-1974 tela' gvern laburista mmexxi minn Harold Wilson li wiegħed li jirrinegozja l-kundizzjonijiet tad-dħul tar-Renju Unit fis-Suq Komuni u jħalli l-elettorat jiddeċiedi f 'referendum. Il-partit laburista kien maqsum dwar il-kwistjoni tad-dħul tar-Renju Unit fis-Suq Komuni bl- akbar oppożizzjoni ġejja mill-parti l-aktar xellugija tal-partit. Wara li Wilson ġab kundizzjonijiet ġodda f 'taħdidiet f 'Dublin fil-11 ta' Marzu 1975, il-House of Commons ivvotat b'maġġoranza kbira ta' 396 kontra 170 sabiex ir-Renju Unit jibqa' membru tar-Renju Unit. Ġie msejjaħ referendum għall-5 ta' Ġunju 1975 li fih, il-partit laburista kien maqsum b'bosta membri tal- kabinett fosthom Michael Foot, Tony Benn u Barbara Castle mix-xellug tiegħu jikkampanjaw favur il-ħruġ tar-Renju Unit mis-Suq Komuni mentri Wilson u l-maġġorparti tal-kabinett riedu li jibqa'. Il- responsabbiltà kollettiva tal-kabinett ġiet imwarrba, ħaġa tassew rari, kif qed jerġa jiġri llum. Min-naħa l-oħra, il-maġġorparti tal-partit konservattiv, fosthom il-mexxej il-ġdid tiegħu, Margaret Thatcher, kienu favur li r-Renju Unit tibqa' fi ħdan is- Suq Komuni. Eventwalment, 67% tal-elettorat Brittaniku vvota biex il-pajjiż jibqa' fis-Suq Komuni. Imma kif kulħadd jaf, il-kwistjoni Ewropea tar-Renju Unit jew il- kwistjoni Ingliża tal-UE ma ngħalqietx fl-1975. Fl-1984, Margaret Thatcher bdiet ixxejjer il-handbag tagħha fi Brussell u akkwistat tnaqqis fil-kontributi finanzjarji Brittaniċi peress li r-Renju Unit kien qed jieħu anqas mill-Politika Agrikola Komuni minħabba li hu anqas agrikolu minn Franza. Imbagħad fl-1997, ir-Renju Unit iddikjara li mhux ser iħaddan il-munita unika sakemm ma jgħaddix mill-ħames testijiet tad-deheb ta' Gordon Brown. Testijiet li llum intesew għal kollox għax id-dħul tar-Renju Unit fiż-żona ewro huwa fil-fantapolitika. Għaxar snin wara, Brown, li issa kien laħaq Prim Ministru flok Blair, m'attendiex iċ-ċerimonja tal-iffirmar tat-Trattat ta' Lisbona li saħħaħ l-UE wara li ma setgħetx titnieda l-kostituzzjoni Ewropea. Intant ir-Renju Unit baqa' barra miż-żona Schengen u l-ostilità għall- proġett ewropew fost il-populazzjoni kompliet dejjem tikber. Dana minkejja illi r-Renju Unit għaddej minn perjodu ekonomiku pjuttost feliċi, evita l-eqqel tar-riċessjoni illi laqtet bosta pajjiżi tal-ewrożona u gawda bil-kbir mill-fatt li huwa membru tal-UE. Għax anke l-fatt li bosta Ewropej emigraw lejn ir- Renju Unit qed jikkontribwixxi għall-prosperità ekonomika tiegħu għax dawn qed imorru biex jaħdmu u jagħlqu bosta toqob fis-suq tax- xogħol brittaniku. Xiftit jew wisq kif qed jiġri hawn. Madankollu, l-ewroxettiċiżmu u l-ostilità għall-proġett ewropew fost faxex kbar tal-populazzjoni huma tali li wieħed irid bil-fors isaqsi jekk jagħmielx sens kemm għar-Renju Unit kif ukoll għall- kumplament tal-U.E. illi r-Renju Unit jibqa' membru. Ma jidhierx illi r-referendum ta' Ġunju li ġej ser ikollu l-esitu plebexxitarju ta' dak ta' Ġunju 1975 illi fi kwalunkwe każ ma għalaqx il-kwistjoni darba għal dejjem. U għalhekk wieħed għandu jsaqsi kemm jagħmel sens li r-Renju Unit ngħata konċessjonijiet il-ġimgħa l-oħra illi ser idagħjfu l-ispinta għall-għaqda ewropea. U jqanqlu l-ambizzjonijiet tal-ewroxettiċi f 'pajjiżi oħra. X'inhu l-aħjar? Illi t-tifel imqareb jitkeċċa mill-klassi jew illi jitħalla jagħmel li jrid u jtellef il-kumplament tal-klassi ? Wasal iż-żmien illi għall-ġid tal-proġett Ewropew, il-prepotenza u ardità Brittanika titwaqqaf darba għal dejjem. Min ma jemmienx fil-proġett ewropew, jista' jaqbad u jitlaq billi japplika l-artiklu 50 tat-Trattat ta' Lisbona. It-titubanza ma tagħmel ġid lil ħadd u wasal iż-żmien illi l-kwistjoni brittanika tingħalaq darba għal dejjem. Ikompli... JOE ELLIS Opinjoni Żmien l-għażla AĦBARIJIET ONLINE .COM.MT