Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/646086
6 illum | Il-Ħadd 28 ta' Frar 2016 Aħbarijiet ...dwar il-liġi tal-konverżjoni minn Albert Gauci Cunningham DIN il-ġimgħa kompliet tiddomina x-xena soċjo- politika ta' pajjiżna l-kwistjoni tat-terapiji ta' konverżjoni li dwarha, il-Knisja Kattolika ħarġet postion paper nhar is-Sibt li għadda. Din il-gazzetta kienet minn tal-ewwel biex tintervista u tkellem persuna li għaddiet minn din it-tip ta' terapija. "Pastażata" kien l-aġġettiv li uża dan ir-raġel Malti biex jiddeskrivi l-mod kif, fl- opinjoni tiegħu, il-Knisja użat it-terapija fuq pedofeli biex tikkritika abbozz li ppreżenta l-Gvern u li għandu l-għan li jagħmel illegali kull tip ta' terapija ta' konverżjoni. F'temp ta' ftit jiem, ħarġu għonqhom kontra din it-tip ta' terapija l-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Alternattiva Demokratika u anke l-Partit Nazzjonalista. Anke l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċara li għall-Knisja, terapija ta' konverżjoni "mhux aċċettabbli" (no-go area). Iżda lil hinn minn dan kollu, qamu wkoll diversi mistoqsijiet leġittimi dwar l-abbozz mressaq mill-Gvern. Veru li dan l-abbozz se jwassal biex il-professjonisti jżommu 'l bogħod milli jagħtu għajnuna lil min ikun għaddej minn problemi jew dubji dwar is-sesswalitá tiegħu? Veru li l-liġi kif inhi diġá tkopri biżżejjed lil min ikun "mġiegħel" jagħmel terapija? U jekk dan huwa l-każ, għalfejn qed issir din il-liġi? Veru jew le li dan l-abbozz se jirfes fuq il-libertá tal-individwu li jfittex it- terapija li jħoss li għandu jieħu fil-konfront tas-sesswalitá tiegħu? L-ILLUM għamlet dawn il-mistoqsijiet lil żewġ persuni li fuq din il-kwistjoni jinsabu fuq in-naħiet dijametrikament opposti. Alex Saliba, President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, li huwa favur din il-liġi u Ivan Grech Mintoff mill-Partit Alleanza Bidla li esprima ruħu kontra dawn il-bidliet. L-omosesswalitá jista' jkun hemm xi trattament għaliha? It-trattament jingħata lil persuna li tkun marida, l-omosesswalitá mhix marda għalhekk ma jeżisti l-ebda trattament jew kura ta' din ix-xorta. Nemmen li jkun aħjar li l-kura tingħata lil dawk il-persuni li mingħalihom kapaci jikkonvertu lil persuna omosesswali sabiex jimponu fuqhom l-orjentazzjoni sesswali li hija meqjusa bħala n-norma fis- soċjetá li ngħixu fiha. Dawn it-terapiji malinni ma joħolqu l-ebda riżultati pożittivi għajr dipressjoni, dwejjaq, frustrazzjoni u saħansitra kif diġá gara fil-passat, jistgħu jwasslu għal suwicidji. Il-liġi li qed iressaq il-Gvern biex terapija ta' konverżjoni tkun abolita għandna bżonnha? Għaliex iva/le? Il-Gvern għandu obbligu morali sabiex jipproteġi liċ-ċittadini minn kull attivitá jew prattika li tkun ippruvata li toħloq riperkussjonijiet negattivi. Nemmen li fis-seklu wieħed u għoxrin u bl-avvanzi kollha li saru matul dawn l-aħħar snin kemm mill-latt mediku u kif wkoll mill-att psikjatriku, jeżistu biżżejjed provi sabiex dawn it-tip ta' terapiji malinni jiġu kkriminalizzati. Spiċċa ż-żmien li l-orjentazzjoni sesswali li ma tkunx meqjusa bħala dik tal-maġġoranza tal-poplu, tiprova tiġi imposta fuq kulħadd. Illum saħansitra Artiklu 32 tal-Kostituzzjoni jipprojbixxi diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, għaldaqstant din il-liġi għandha sservi sabiex pajjiżna jagħmel pass eqreb sabiex verament ikun pajjiż fejn uliedu jiġu lkoll trattati b'mod ugwali u mingħajr l-ebda distinzjoni jew preġudizzju. Veru li l-liġi se tipperikola x-xogħol li jagħmlu l-professjonisti ma' persuni li jkunu għaddejjin minn perjodu diffiċli fl-identita' sesswali? Mhux veru, il-liġi tagħmel distinzjoni ċara bejn dik illi hija terapija ta' konverzjoni illi l-għan tagħha huwa dak illi issewwi jew tfejjaq u dak illi jaqa taħt l-esplorazzjoni u l-izvilupp ħieles tal-orjentazzjoni sesswali. Filwaqt li l-ligi ser tkun qegħda tipprojibixxi u saħansitra tikriminalizza kull xorta ta' terapji ta' konverzjoni fl-istess ħin ser tħalli lill professjonisti f ' liberta' assoluta sabiex ikunu jistgħu jippratikaw il-professjoni tagħhom fl-akbar liberta' possibli f ' dak illi għandu x' jaqsam mal-esplorazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali. Dan iffiser illi jekk persuna tmur għand professjonist sabiex titkellem fuq l-orjentazzjoni sesswali tagħha din ser tkun tista tibqa tagħmel dan bl- akbar liberta', dejjem sakemm l-istess professjonist ma' jaqbizx il-linja legali u jpoġġi lill klijenti tiegħu għall- prattici li f ' għajnejn il-ligi ikunu jistgħu ibidlu l-orjentazzjoni sesswali tal-individwu. Jien adult u nħoss li għandi dritt immur għal kwalunkwe terapija li jien inħoss li rrid, anke ta' konverżjoni. Il-liġi se tneħħili dan id-dritt? Wieħed irid jagħmel distinzjoni bejn diversi kategoriji ta' individwi. Il-liġi għandha tipprojbixxi kwalunkwe tip ta' prattiki ta' konverżjoni li jsiru minn professjonisti, kull professjonist għandu l-obbligu u d-dmir li ma jesperimentax bi prattiċi li jaf li medikament u xjentifikament ma jħallu l-ebda effett għajr problemi fuq min jirrikorri jew jiġi mġiegħel ipoġġi għalihom. Il-liġi għandha wkoll tipprevjeni li persuni vulnerabbli fosthom tfal ta' taħt it-18-il sena jiġu mġiegħla jpoġġu għall-dawn il-prattiċi moqżieża, speċjalment fil-coming- out stage tagħhom. Min-naħa l-oħra, dawn l-adulti li ma jitqiesux bħala persuni vulnerabbli u li jkunu jridu jirrikorru għand kwalunkwe persuna oħra għajr professjonisti b'mod ħeieles u mingħajr ma jiġu sfurzati sabiex jagħmlu dan, għandhom jitħallew ipoġġu għal dawn it-terapiji, xi ħaġa li hija riflessa wkoll f 'dan l-abbozz ippreżentat mill-Gvern. Alex Saliba Alex vs Ivan L-omosesswalitá jista' jkun hemm xi trattament għaliha? Hemm żewġ ħsibijiet opposti fuq dan is-suġġett u lanqas l-imħuħ il-kbar tad-dinja ma jaqblu fuqha. Hemm min jgħid li iva, 'titwieled hekk' u hemm diversi studji li jindikaw li din hija vera, waqt li oħrajn li juru l-oppost. Hemm min jgħid li hija xi tip ta' 'għażla' magħmula mill-persuna skont iċ-ċirkostanzi u esperjenzi li jgħaddi minnhom l-individwu. Min għandu raġun? Sakemm isolvu din id- dilemma allura, naħseb li ma nistgħux, fil-veritá, ngħidu iva jew le. Jien żgur m'iniex kapaċi ngħid liema waħda hija korretta. Peró, din il-liġi mhux biss taffetwa nies omosesswali imma l-orjentazzjonijiet sesswali kollha. Allura, nibża' li min qed jipprova juża xi argument emottiv u mhux loġiku biex juri li dan hu xi trattament kiefer kontra gays, qed jagħmel hekk biex jiġbed is-simpatija minflok jara x'inhu l-aħjar għall-individwu nnifsu, tkun xi tkun il-preferenza sesswali tiegħu. Il-liġi li qed iressaq il-Gvern biex terapija ta' konverżjoni tkun abolita għandna bżonnha? Għaliex iva/le? Le. Naħseb li b'din il-liġi, l-istat qed iċaħħad lill-individwu milli jkun liberu biex jagħżel trattament li hu stess jixtieq, b'mod volontarju. Qed jitratta t-tabib li jgħinu, bħala xi kriminal u qed jorbot idejn professjonisti li jistgħu jgħinu lill-individwu. Nafu li hemm individwi li għaddew minn din it-tip ta' terapija, għax rajniehom jitkellmu fuq it-TV u fejn qabel kienu imdejqin ħafna, illum ferħanin u kuntenti bil-ħajja li qed jgħixu. Allura jien min jien, li nċaħħad lil xi ħadd milli jfittex li jkun kuntent fil-ħajja? M'għandna qatt naċċettaw li l-istat jindaħal fuq għażliet personali tagħna, speċjalment meta ċ-ċaħda tista' tkisser iktar bniedem li jrid iffitex l-għajnuna huwa stess b'mod mill-iktar volontarju. Jista' jkun hemm konsegwenzi koroh, u tbatija kbira mingħajr bżonn, u dan mhux aċċettabbli. Id-domanda trid tkun, 'B'din iċ-ċaħda, min ser ibati?' Veru li l-liġi se tipperikola x-xogħol li jagħmlu l-professjonisti ma' persuni li jkunu għaddejjin minn perjodu diffiċli fl-identita' sesswali? Bla dubju ta' xejn, u dan qaluh fiċ-ċar mhux jien, imma l-professjonisti li għamluha ċara diversi drabi fil- pubbliku. La diġá hemm 'safety nets' biex ma jsir l-ebda abbuż, u jekk issir, hemm liġijiet li jikkastigaw min jabbuża, mela dawn il-professjonisti qed jitolbu biex jitħallew joffru servizz mixtieq u kkontrollat mill-bidu sal-aħħar mill-individwu li qed jgħaddi minn kriżi serja, u qatt mit-tabib li qed jiġi mpinġi bħala xi monstru li bilfors irid jisforza l-klijent ibiddel l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, kontra r-rieda tiegħu. Din hi ħaġa assurda mill-bidu sal-aħħar, u qed ninsulentaw nies professjonali li ħlief ġid, ma jagħmlux. Jien adult u nħoss li għandi dritt immur għal kwalunkwe terapija li jien inħoss li rrid, anke ta' konverżjoni. Il-liġi se tneħħili dan id-dritt? Hija ċara ħafna li l-liġi se twaqqfek milli tieħu terapija li tkun trid, għax tista' anke titfa' l-ħabs min jipprova jgħinek b'mod professjonali biex int issib stabbiltá f 'ħajtek. Mela l-professjonista mhux se jissogra ħabs jew multi, u se jirrifjuta li jgħinek għax ma jkunx irid jieħu sogru. Dan ifisser li persuna li tixtieq l-għajnuna, li llum għandha dritt tmur tfittex l-għajnuna, b'din il-liġi se titwaqqaf mill-istat li tieħu l-kura, li permezz tagħha, ser jgħix iktar kuntent. Dan għandu jsir b'mod volontarju u jekk tixtieq il- persuna, mingħajr ħadd ma tisfurzah. Nitkellmu ħafna fuq il-libertá ta' persuna li jiddeċiedi hu fuq ħajtu u fuq ġismu. Kliem sabiħ ħafna. Imma hawnhekk għandna liġi li l-istat iwaqqfek minn dan id-dritt li għandek illum! Jekk nemmnu fil-kunċett ta' libertá tal-bniedem kif inhu miktub fil-liġijiet, mela huwa l-bniedem li għandu jiddeċiedi x'tip ta' kura jrid ifittex u mhux ikun l-istat li jikser dan id-dritt. L-individwu dejjem għandu jiġi l-ewwel u mhux miċħud minn ħajja kif irid jgħix hu stess mill- istat, u għalhekk Alleanza Bidla qed topponi din il-liġi mingħajr tlaqliq. Ivan Grech Mintoff