Illum previous editions

ILLUM 6 Marzu 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/649881

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

J għidu li l-aħħar li tmut hija t-tama. Bil-ħafna xbihat koroh li nirċievu ta' kuljum fuq il-mezzi ta' komunikazzjoni, il- burdata ma tistax ma tkunx kiebja: is-Sirja għadha qiegħda titkisser; eluf ta' nies għadhom jiġġerrew 'l hemm u 'l hawn ifittxu ħajjithom mill-ġdid; l-Ewropa qiegħda terġa' ttella' l-ħitan; it-tixrid ta' ideoloġiji li nafu li fil-passat wasslu għal diżastri kbar u li suppost konna wegħedna li mhu se ninsewhom qatt; it-terroriżmu u t-terrur mill-istejjer tal-ISIS; il-bdil (għall-agħar) fil-klima ... u hemm ħafna affarijiet oħrajn minbarra dawn. Mhux li d-dinja, għall-inqas kemm tagħtini l-memorja, qatt kienet nieqsa minn kronaka kerha, iżda jiġu dawk il-mumenti meta l-kruha donnha tikber f 'daqqa, meta tibda tħares madwarek u tibda tixtieq ħajja oħra, differenti. Min se jagħti tort lil dak li jkun li jaqta' qalbu meta jara dan kollu? Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet waslu fi tmiemhom ir-rappreżentazzjonijiet tad- dramm 'Lampedusa', miktub minn Anders Lustgarten. Lustgarten mhuwiex biss drammaturgu imma attivist politiku u żgur u mhux forsi kien l-attiviżmu politiku tiegħu li wasslu biex jikteb dramm fuq membri ta' dik il-faxxa tas-soċjetà l-aktar batuta: l-immigranti. B'xorti tajba dwar id- dramm innifsu kien hemm diġà wħud li kitbu u dawn esprimew tifħir għall-iskript u għall- interpretazzjoni. Xtaqt ngħaddi kumment dwar l-intervent li Lustgarten innifsu għamel wara ż-żewġ rappreżentazzjonijiet li mort nara. Min mar jara 'Lampedusa' għadda ftit aktar 'il fuq minn siegħa jisma' l-istejjer koroh ta' sajjied Lampedusan li f 'dawn l-aħħar snin minflok ħut qed joħroġ fuq il- baħar biex itella' l-katavri ta' vjaġġaturi ddisprati li ppruvaw jaqsmu dak li l-iskript isejjaħlu, 'id-deżert l-ikħal', il-Mediterran kattiv li jgiddeb il-perċezzjoni romantika li tant, bħala Mediterranji, niftaħru biha. Minbarra 'l dan is-sajjied, l-udjenza semgħet ukoll il-kronaka ta' tfajla, bint emigrant, li jkollha taffaċċja, fost ħwejjeġ oħra, l-abbuż verbali u soċjali minn uħud min-nattivi tal-lokal. Imma lejn it-tmiem, id- dramm jogħla fl-ispirtu u donnu jissuġġerixxi element pożittiv. Mitlub jikkummenta dwar dan it- tmiem pjuttost improbabbli fil-ħajja reali tal-immigranti, Lustgarten iddefenda l-linja li ħa anki jekk irrikonoxxa din l-improbabilità. L-artist, issuġġerixxa Lustgarten, m'għandux jibqabad mill- ideoloġija dominanti li taqta' qalb dak li jkun, li tmewtu, tipnotizzalu kull inizjattiva li tista' tikkontribwixxi għal ħajja aħjar. Jekk, issuġġerixxa Lustgarten, inċedu l-armi, nibilgħu l-lixka tal-"m'hemmx x'tagħmel," inkunu qegħdin inkomplu nsammru t-tebut ta' dak li għad hemm minn ħajjitna. Il-qtigħ il-qalb, allura, huwa garanzija mogħtija biex żgur qatt ma jinbidel xejn. Għalkemm b'xorti ħażina ma nistax ngħodd lili nnifsi ma' dawk li jħarsu lejn in- naħa t-tajba tal-ħajja, il-punt ta' Lustgarten, mhux biss naċċettah imma jintrigani tant li, hemm aħna, baqa' jħassibni u saħansitra qiegħed nikteb dwaru. M'iniex ċert iniex kapaċi nħaddan din il-fiduċja, imma nifhem li l-kunċett tal-"m'hemmx x'tagħmel" appuntu ma jwassal għal imkien. Forsi jkun għaqli li dan il-ħsieb inħalluh għal Vladimir u Estragon, l-aktar żewġ karattri patetiċi li qatt ittellgħu fuq il-palk. Fis-snin sebgħin bdew jiġu ppubblikati n-novelli ta' Oliver Friggieri fis-'Sagħtar', dik ir-rivista li konna nistennewha bi ħrara kbira minn xahar għal ieħor u li llum tagħmel mal-lista twila ta' mejtin. Dawn in-novelli, imbagħad, ħarġu f 'żewġ volumi separati u mbagħad f 'volum wieħed f 'nofs is-snin tmenin, bl-isem 'Stejjer għal Qabel Jidlam'. Minkejja l-malinkonija kbira tagħhom, jew minħabba fiha, dawn ir- rakkonti huma fost l-aktar xogħlijiet letterarji popolari li qatt tfaċċaw f 'Malta. Min qrahom, ma setax ma jiftakarx fin-novella 'Ir-Raġel tal-Klieb' meta din il-ġimgħa smajna bl- istorja vera ta' raġel li nstab f 'daru xahrejn wara li miet, b'partijiet mill-katavru tiegħu mikulin mill-kelba mġewħa li kienet tgħix miegħu. L-istorja taż-Żabbari minsi għal xahrejn sħaħ jew aktar, hija malinkonika ferm aktar mir-rakkonti kollha ta' Friggieri. Anzi, hija storja drammatika li tkexkex. Li kieku dan ir-raġel kien jgħix f 'xi metropoli bit-toroq wisgħin u l-bini jħokk is- smewwiet, kont forsi nasal nifhem l-istorja. Imma meta tqis li dar-raġel għex u miet f 'Ħaż-Żabbar, u terġa' mhux fi triq imma fi sqaq – fi sqaq! – it-traġedja ssir ħafna aktar kattiva. Għadni s'issa ma nistax nifhem kif il-ġirien ta' Ronnie Stafrace, ma sabux problema jidhru fuq il-kameras tat-televixin, jgħidu kemm kien raġel dħuli, kif dejjem kien ikun fl-isqaq fejn joqogħdu, kif dejjem kien jgħinhom u jsajrilhom xi ħaġa, kif saħansitra innutaw li lanqas fi żmien il-Milied ma kienu rawh, u ħadd minnhom ma ħaseb li hemm xi ħaġa ħażina minkejja li lkoll innutaw li kien hemm xi ħaġa mhux tas-soltu. Ronnie Stafrace ma kienx eremita. Kien jgħix fi sqaq dejjaq ġo raħal. Minn dak li qrajna u smajna dwaru kien anki bniedem soċjevoli. Ronnie Stafrace miet waħdu. Mal-kelba. U kellhom jgħaddu x-xhur biex il- katavru tiegħu jinstab fid- dar tiegħu, fi sqaq fil-qalba ta' raħal f 'pajjiż daqs blata. Il-karattru tat-tfajla f ''Lampedusa' titkellem fuq l-iżolament soċjali. Tirrakkonta l-istejjer ta' nies li jingħalqu fl-appartamenti skwallidi tagħhom, u tirrakkonta l-istorja ta' lista ta' falluti u antieroj li jippopolaw il-bliet il-kbar, il-mekek tas-swieq ħielsa u l-kapitaliżmu. Imma ara, l-anonimità u l-iżolament infirxu ma' kullimkien, imxew mill-bliet tan-neon sal-isqaqien ħelwin imżejna bil-qsari. 18 illum | Il-Ħadd 06 ta' Marzu 2016 Stejjer Opinjoni IMMANUEL MIFSUD "Ma nistax nifhem kif il- ġirien ta' Ronnie Stafrace, ma sabux problema jidhru fuq il- kameras tat- televixin, jgħidu kif dejjem kien jgħinhom, u ħadd minnhom ma ħaseb li hemm xi ħaġa ħażina" Il-bieb tar-residenza tal-anzjan Ronnie Stafrace "Kellhom jgħaddu x-xhur biex il- katavru tiegħu jinstab fid-dar tiegħu, fi sqaq fil-qalba ta' raħal f 'pajjiż daqs blata"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 6 Marzu 2016