Illum previous editions

Illum 17 April 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/667657

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 17 t'April 2016 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Altru milli mhedda d-demokrazija Meta t-temperatura politika tisħon xi ftit, il-politiċi għandhom tendenza jibdew jiżolqu fin-niexef u l-qatra jibdew jarawha oċean u l-makku jarawh balena. Il-Partit Nazzjonalista bħalissa għandu riħ fil-qala li ilu ma jħoss minn dik ir-rebħa, minimalissima u kważi pirrika tal-2008. Minn dakinhar, il-PN iffaċċja telfa umiljanti wara l-oħra, ibda mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2009, elezzjonijiet tal- Kunsilli Lokali, sofra tkaxkira storika fl-2013 u sofra tkaxkira madornali oħra fl-2014 fl-elezzjoni tal- Parlament Ewropew. Dan apparti li ntrabat mal-kamp tal-konservattivi kontra d-divorzju, u anke hawn tilef bil-kbir. Fir-realtà, il-Partit Nazzjonalista kien ilu qed jegħreq ftit ftit, mill-punt li Malta saret membru tal-UE fl-2004, li jista' jitqies bħala l-quċċata tal-istess partit u ta' Eddie Fenech Adami. L-għaxar snin ta' wara kienu, kważi l-ħin kollu għan-niżla. Kien ovvju għalhekk li wara żmien twil fil-mira tal-kritika u tal-istmerrija tal-kotra, il-PN sab nifs frisk fil-każ Panama, li tefa' lill- Gvern Laburista u lill-Prim Ministru Joseph Muscat fi sqaq ikrah li għadu fih sakemm qed jinkiteb dan l-editorjal. Kienet xi ħaġa mistennija li l-Oppożizzjoni se tuża dan l-iskandlu biex tiftaħ baraxx ta' kritika fuq il-Gvern u tassigura li l-każ iħalli l-ħsara elettorali kollha possibbli fuq il-PL u Muscat. L-iżball tal-PN kien, kif għidna l-ġimgħa l-oħra wkoll, li mar u deher li qed imur fl-estrem, u minflok baqa' ffukat fuq kritika li tniggeż lill-Gvern 'bil-pulit' u li twassal il- messaġġ tagħha bl-aktar mod moderat, intilfet f 'dik li dehret qisha dagħdigħa isterika ta' għajjat, inbiegħ minn fuq il-palk u manifestazzjonijiet ta' massa liebsa għamad oħxon. Ix-xeneġġjati quddiem il-Qorti kienu żball kbir, u mhux talli kienu żball, talli din il-ġimgħa stess kellna l-konferma kemm dak li ġara quddiem il-Qorti kien teatrin iffabbrikat minn min ried joħloq martri, fejn martri ma kienx hemm. Il-każ instema' u Jason Azzopardi ma nstabx ħati ta' malafama. Il-proċess ħa l-kors naturali u demokratiku tiegħu, u rrispetta n-normi kollha meħtieġa u mitlubin minn sistema ġudizzjarja. Hekk dejjem sar fl-imgħoddi, u hekk għadu qed isir illum. L-unika ħaġa barra n-norma f 'dan il-każ kollu, kien l-għajjat ta' theddida demokratika, liema għajta perriċnieha barra l-pajjiż biex it-teatrin ta' quddiem il-Qorti nestenduh għal ma' sħabna fl-Ewropa. Min mar iperreċ l-għajta Nazzjonalista li f 'Malta qegħdin fuq il-preċipizju demokratiku, ma setax jiżżufjetta bih innifsu, b'pajjiżu u bil-partit li jħaddan iktar minn hekk. F'dan il-pajjiż li kważi wasal f 'xifer li jkun ġungla, skont xi wħud, qed nitkellmu dwar il-ħolqien ta' partit ġdid immexxi minn Marlene Farrugia, li għadha ma tilfet l-ebda okkażjoni biex kif tagħtiha l-faċilità, tikkritika lill-Gvern bil- qawwa kollha. F'dan il-pajjiż, immexxi minn imperatur viljakk, qed isiru u saru diġà protesti kontra l-istess Gvern, kemm mill- Oppożizzjoni kif ukoll mis- soċjetà ċivili, meta dawn ħassew li għandhom id-dritt demokratiku li jagħmlu dan. Għandek midja assidwa li qed tkun, kif jixraq, għassiesa li tfakkar, tanalizza u li titlob rimedji għall- iżbalji li qed isiru fil-pajjiż. Għandek midja soċjali li fuqha kulħadd għandu l-libertà li jgħid li jrid u jesprimi dak li jħoss bl-aħjar mod u għandna programmi fejn kull min irid, jista' jċempel biex litteralment jaqla' kull ħsieb li għandu fl-istonku kontra l-Prim Ministru u kontra l-Gvern. Dawn mhux sintomi ta' demokrazija mhedda. Dawn huma sintomi ta' demokrazija b'saħħitha u jekk hawn termometru preċiż tad-demokrazija bħalissa huwa proprju l-każ tal-Panama. Dan il-każ mhux biss heżżeż u qed jheżżeż il-Gvern, talli qed ifakkar li poplu demokratiku ma japprezzax min jgħaddih minn għajn il-labbra. Dan il-każ wera' li l-ebda Gvern m'għandu jkun komdu wisq fil-poter, tkun kemm tkun kbira l-maġġoranza li jgawdi. Permezz tal-każ Panama, il-poplu qed juża l-mezzi kollha demokratiċi biex isemma leħnu u biex jesprimi d-diżillużjoni fis- sistema kollha politika. Altru milli għandna demokrazija fuq il- preċipizju. Editur: Albert Gauci Cunningham 19

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 17 April 2016