Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/667657
illum | Il-Ħadd 17 t'April 2016 Aħbarijiet 4 'Kulħadd jgħid li tiegħu minn Veronica Lynn Mizzi DIVERSI kienu l-persuni li lmentaw kif wara li ġie ppubblikat l-istħarriġ tal- Awtorità tax-Xandir, kienu bosta li ferħu li l-programm jew stazzjon tagħhom 'ġie l-ewwel'. Imma min verament ġie l-ewwel? L-istħarriġ tal-Awtorità jsir fuq bażi ta' telefonati lil persuni bejn it-12 u d-90 sena, u jiġu mistoqsija diversi mistoqsijiet dwar dak li jaraw fuq it-televiżjoni, u anke dwar il-preferenzi tagħhom fejn jidħlu l-programmi. Għalhekk, meta wieħed jikkunsidra l-programmi li n-nies wieġbu li huma jippreferu jaraw, wieħed isib lista sħiħa ta' programmi tad-drama, bi programmi ta' diskussjoni u l-aħbarijiet jidhru lejn l-aħħar ta' din il-lista. Minkejja dan, meta wieħed jara l-udjenzi fil-ħinijiet kollha tal- ġurnata, jinduna li għalkemm il-programmi ta' drama jiksbu udjenzi kbar, programmi oħrajn, inkluż l-aħbarijiet, spiss jgħadduhom. B'hekk il-lista ma tiġix waħda rappreżentattiva ta' dak li verament jara l-pubbliku, imma sempliċiment ta' dak li jieħdu gost jgħidu li jaraw. Fil-fatt, il-Ġimgħa filgħaxija, fil-ħin li jixxandar il-programm Xarabank, pereżempju, kien hemm l-akbar numru reġistrat ta' udjenzi fuq TVM, minn fost l-istazzjonijiet l-oħra kollha. Dan anke jekk fil-lista tal- programmi favoriti tagħhom, Xarabank akkwista t-tmien post, waqt li dawk li wieġbu, tefgħu lid-drama tal-istazzjon nazzjonali fl-ewwel erba' postijiet fosthom, Strada Stretta fl-ewwel post, Iċ-Ċaqqufa, Katrina u Ħbieb u Għedewwa warajhom. "Ħobbni jew għobodni, l-aqwa li tarani." Hekk qal il- preżentatur tal-iktar programm li hu segwit min-nies, skont l-aħħar stħarriġ tal-awtorità tax-xandir, Peppi Azzopardi. Mill-istħarriġ deher li Xarabank huwa l-iktar programm segwit fuq l-istazzjonijiet kollha, fil-ġranet kollha tal-ġimgħa, saħansitra iktar mill-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali. Il- preżentatur sostna li hemm differenza kbira bejn dak li n-nies jgħidu li jieħdu gost jaraw, u dak li fil-fatt jaraw, għaliex ċerti programmi, anke jekk jikkritikawhom, xorta jarawhom. F'kummenti mal- gazzetta ILLUM, Azzopardi jgħid li minkejja li l-programm ilu għaddej 19-il sena, "huwa inkredibbli kif jerġa' jkun dikjarat bħala l-aktar programm segwit." Mistoqsi x'inhu s-sigriet tas-suċċess tal-programm, li sena wara l-oħra jibqa' jattira l-akbar numru ta' udjenzi, Peppi qal, "naħseb li Xarabank jiġi l-ewwel fl-udjenzi għax għaraf jibqa' jirnexxielu jinbidel kull ġimgħa, u jifhem fuq xiex iridu jitkellmu n-nies. It-televiżjoni hi dwar in-nies, u Xarabank huwa l-programm fejn in-nies jistgħu jesprimu ruħhom." Kompla jgħid li s-saħħa tal- programm tiġi mis-saħħa li jagħtuh in-nies li jsegwuh u allura, "qatt ma ddejjaq jiddiskuti l-aktar suġġetti kurrenti u li jaħarqu." Sostna wkoll li huwa programm kredibbli, bil-fatt li f '19-il sena, qatt ma nsab ħati ta' żbilanċ, li jsostnilu l-argument. Minkejja dan, il-programm Xarabank spiss jiġi kritikat, kemm fuq il-kwalità tiegħu u l-mod kif inhu mmexxi fost l-oħrajn. Allura x'jaħseb dwar din il-kritika Peppi? Isostni li l-kritika, kemm fuqu kif ukoll fuq il-programm issaħħaħ il-popolarità tal-programm u żżommu relevanti. "Hemm ħafna nies iħobbu Xarabank, u hemm ħafna nies li ma jniżżluhx. Iż-żewġ estremi huma importanti. Dawk li jħobbuh, jarawh għax għandhom pjaċir bih, u dawk li ma jniżżluhx, jarawh biex jikkonfermaw kemm għandhom raġun ma jniżżluhx. Aħna nirrispettaw liż-żewġ naħat, l-aqwa li jibqgħu jsegwuna," temm jgħid Peppi Azzopardi. Kunċett oriġinali li ġibed l-eluf L-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir wera li għajr għall-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali u l-programm ta' diskussjoni Xarabank, in-nies jibqgħu jagħżlu d-drama bħala l-preferenza tagħhom fuq it-TV. Fil-fatt, il-serje Strada Stretta li kienet fl-ewwel sena tagħha matul din l-iskeda kisbet l-aktar udjenzi minn fost il-programmi ta' drama kollha. Dan minkejja l-fatt li l-programmi l-oħra tad-drama fuq l-istazzjon nazzjonali kienu jinsabu fit-tieni staġun tagħhom jew anke saħansitra fit-tielet, u għaldaqsant kienu diġà kisbu ċerta popolarità u 'fanbase' qawwija fis-snin ta' qabel. Dwar dan ir-riżultat, Steve Dalli, wieħed mill-produtturi ta' din is-serje qal li minkejja li kienu jafu li l-proġett kien wieħed tajjeb li fuqu ħadmu qatigħ, kienu sorpriżi ħafna bir-riżultat u dan kien grazzi għal tim maqgħud. Dwar l-istaġun li ġej u l-aspettattivi li għandhom, Dalli qal li qed jaħdmu dwar it-tieni staġun ta' din is-sensiela li mistenni jkollu l-introduzzjoni ta' bosta karattri ġodda, "u minn hawn, l-istorja tista' tieħu diversi xejriet hekk kif spiċċa miftuħ ħafna, bil-karattru prinċipali ta' Lydia ma nafux lil min se tiżżewweġ, jekk hux lil Mario jew lil Guido." Dwar is-suċċess li akkwistat din is-serje f 'temp relattivament qasir, Dalli qal li, "sabiex ksibna dan ir-riżultat ħdimna ħafna u ppruvajna noffru xi ħaġa differenti milli qed jagħmel ħaddieħor, b'kunċett oriġinali u b'xagħar, irtokk u kostumi tal-epoka." L-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir Peppi Azzopardi