Illum previous editions

Illum 17 April 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/667657

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 35

illum | Il-Ħadd 17 t'April 2016 Aħbarijiet 6 It-trasformazzjoni ta' Simon: L-ILLUM tanalizza l-bidliet fl-immaġini ta' Simon Busuttil u l-istrateġija li qed iħaddem il-PN minn Albert Gauci Cunningham WARA li l-ġimgħa l-oħra u għal dawn il-ġimgħat ħarisna lejn il-kwistjoni tal-'Panama', kif din affetwat lill-Gvern Laburista u l-għażliet li għandu jew kellu l-Prim Ministru quddiemu, illum se nħarsu lejn l-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista. Kif inbidel Simon Busuttil f 'dawn l-aħħar tliet snin? Kif tela' mill-qiegħ elettorali li hu u l-PN kien fih? Kemm hija għaqlija l-istrateġija li qed imexxi bħalissa? Xi preġji u riskji fiha? Simon: Minn ħaruf għal iljun feroċi Definittivament, il-personaġġ u l-immaġini politika ta' Simon Busuttil ittrasformat b'mod komplet. Simon Busuttil tal- lum, lanqas jista' jitqabbel, u prattikament lanqas jintagħraf minn Simon Busuttil tal-2013 u qabel. Minn politiku b'immaġini ġentili u politikament moderat, illum qed naraw Busuttil li qed jappella l-aktar, jekk mhux esklussivament għal dawk in-Nazzjonalisti akkaniti li għalihom, kull ħaġa Laburista hija ħażina u kull ħaġa Nazzjonalista hija tajba. Jidher li Simon Busuttil qed jirrispondi bil-qawwa għall-akkużi li sarulu, fost setturi influwenti ħafna fil-PN meta sar kap tal-istess Partit. L-akkuża kienet li Simon Busuttil ma kien qed jidher imkien, jitkellem ftit u kien qed jidher wisq dgħajjef quddiem il-figura b'saħħitha ta' Joseph Muscat. Illum din is-sitwazzjoni nbidlet kompletament. Filwaqt li l-Prim Ministru, f 'nofs tempesta politika li benġlet lill-Partit Laburista u anke lilu, qed jidher kawt ħafna, qed jappella għall-kalma u xi minn daqqiet jidher xi ftit għajjien ukoll, Busuttil qed jidher assertiv u agressiv. Id-diskorsi tiegħu nhar il-Ħadd li għadda, kemm filgħodu fil-każin tal-PN f 'Birkirkara kif ukoll waqt il-protesta l-Belt, kienu kkaraterizzati minn għajjat li f 'xi mumenti kienu qed jilħqu tonalitajiet isteriċi. Fiż-żewġ diskorsi ma kien hemm l-ebda element ta' moderazzjoni, imma biss ta' diskorsi pjuttost agressivi, indirizzati biex iqajjmu u jsaħħu s-sentiment anti-Laburista u anti-Muscat fost il-grassroot tal-Partit Nazzjonalista. It-tliet raġunijiet għal bidla f 'Simon Busuttil (1) Dan huwa l-vera Simon Busuttil Din il-bidla totali fl-immaġini ta' Busuttil tista' tindika tliet affarijiet. L-ewwel huwa li Simon Busuttil issa ħa r-riedni tal-PN f 'idejh wara l-ewwel xhur li fihom kien qed jikklimatizza lilu nnifsu bħala Kap ġdid tal-PN. Jista' jkun li fl-ewwel ftit żmien kien qed jiżen il-pożizzjoni tal-partit li qed imexxi, bil-fazzjonijiet u differenzi li kull partit għandu, biex imbagħad, meta ħass li kellu idea sew tas-sitwazzjoni, 'impona' l-awtorità tiegħu bħala kap. (2) Its my way or no way It-tieni possibbiltà hija li wara r-riżultat devastanti fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Busuttil ħass li l-awtorità tiegħu u t-tmexxija tiegħu kienet taħt theddida serja. Fil-fatt, it-telfa fl-2014, fejn il-PN kien akkwista biss 40% tal-vot u sofra distakk mill-PL ta' madwar 33,000 vot, kienet daqqa ta' ħarta oħra għall-attivisti Nazzjonalisti. Id-diżappunt fiċ-ċentru tal- għadd tal-voti wara r-riżultat ta' din l-elezzjoni partikolari kien palpabbli u ċertament dan id-diżappunt qawwi wasal sal-Pietà u heżżeż is-siġġu ta' Busuttil. Huwa probabbli li din it-telfa wasslet biex Busuttil jiġġieled bil-qawwa kollha, mhux biss biex jaċċerta li l-PN ma jerġax isofri t-tielet telfa umiljanti, imma wkoll biex isalva l-futur politiku tiegħu bħala Kap tal-PN. Il-fatt li sena wara, fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-PN minkejja telfa, akkwista riżultat ħafna iktar rispettabbli, huwa xhieda tal-fatt li Busuttil ma kienx se jħalli d-destin tiegħu f 'idejn ir-riħ. Donnu wara din id-doxxa kiesħa, Busuttil ried jgħid li, 'it's my way or no way.' (3) Għax dgħajjef u mmexxi Hemm teorija oħra li tista' tispjega għalfejn din il-bidla f 'Simon Busuttil. Jista' jkun li Busuttil qed iħoss pressjoni qawwija mingħand nies li mhux talli huma influwenti, talli mingħajrhom Busuttil ma jkun assolutament xejn fil-partit. Jista' jkun li Busuttil qed jitmexxa minn nies li l-'forma mentis' politika tagħhom hija li akkost ta' kollox, il-PN jeħtieġ ikun fil-Gvern ilbieraħ qabel illum. Forzi qawwija fil-PN li għalihom l-ewwel u l-aħħar għan, kważi l-eżistenza politika kurrenti tagħhom, tiddependi fuq l-irrokar u t-tkissir tal-bastiment Laburista u li Muscat jaqla' umiljazzjoni ddoqq l-iskotti. Dawn il-forzi fil-PN huma ddominati minn diversi interessi, l-aktar dawk personali u finanzjarji. Forzi li jridu vendetta tal-umiljazzjoni li qala' l-PN fl-aħħar elezzjoni u li qed jużaw kull spaga, kull pupazz u kull suldat leali li għandhom, stabbiliti f 'kull qasam tal-pajjiż. Min-nies fil-midja, sad-Dipartimenti, sa membri fil-kleru, sa negozjanti, sa persuni li għandhom kull interess li jerġa' jitla' l-PN fil-Gvern biex jerġgħu jibdew jieklu (jiffangaw). Jista' jkun li dawn il-forzi bnew l-idea li l-istrateġija li qed tmexxi l-Oppożizzjoni bħalissa hija l-passaport għat-taraġ ta' Kastilja. Jista' jkun ukoll li Busuttil ġie kkundizzjonat jemmen li l-militanza, simili għal dik tas-snin 80, hija l-unika strateġija li tista' twasslu sal-barkun. Lura għat-80ijiet ... kemm se tirnexxi? Mhux xi sigriet li parti integrali mill-istrateġija Nazzjonalista fil-preżent hija li ssir rikostruzzjoni tal- immaġini tal-PN għal dak li kien fis-snin 80 u li jerġa' jinħoloq l-istess fervur u sens ta' urġenza għal bidla li eżistiet matul dawk is-snin biex jitneħħa Gvern Laburista. Ir-riskji ta' din it-tip ta' strateġija diġà bdew jidhru. L-ewwel u qabel kollox rikostruzzjoni politika tal-passat ma tista' qatt isseħħ, għax is-snin 80 kienu s-snin 80, u l-preżent huwa l-preżent. Ir-realtajiet politiċi u soċjali huma oċean 'il bogħod, daqs kemm hija oċean 'il bogħod il-mentalità tan-nies illum, paragunat ma' dak tas-snin 80. Lil hinn mir-rank and file tal-PN, jista' jkun li ħafna mill-urġenza għall- bidla tibda tevapora. Fil-fatt, il-fehma ta' bosta nies f 'dan il-mument partikolari huwa li t-tnejn maħmuġin u ż-żewġ partiti huma l-istess. Fost settur vast ta' nies, probabbilment, teżisti ħafna aktar l-urġenza li jitfu l-iswiċċ mill-politika u ma jisimgħu xejn iktar, milli li jinbidel il-Gvern. Mela allura l-PN diġà għandu żvantaġġ qawwi fl-attentat tiegħu tal- back to the 80s. L-urġenza għall-bidla jista' jkun li qed teżisti biss, jew kważi, fost dawk l-eluf li jsegwu l-midja tal-PN, li bħalissa għaddejja b'maratona kontinwa ta' propoganda u daqq ta' diski li jfakkru f 'rebħiet kbar tal-PN, fosthom 'We take the Chance' li kienet intużat fil-kampanja elettorali tal-1998 u li mmarkat il-waqa' ta' Gvern Laburista. Hemm probabbiltà qawwija li lil hinn minn din il-bużżieqa, id-dissens li jeżisti huwa fil-klassi politika kollha u r-riluttanza hija ta' nies li ma jridux jibqgħu jisimgħu. L-ambjent politiku llum huwa differenti kompletament. Illum, esebizzjonijiet kważi teatrali ta' saħħa, li joħorġu l-aktar elementi ossesjonati fil- partit u l-inqas elementi li trid turi, mhux talli m'għadhom jimpressjonaw lil ħadd, talli iktar ibegħdu nies minn dak il-partit partikolari. Ix-xeni li rajna quddiem il-Qorti setgħu għoġbu lil dawk li jemmnu fil-militanza, iżda żgur ma niżlux tajjeb ma' dawk li ma jaraw l-ebda raġuni għalfejn għandha tittella' t-temperatura politika daqstant. Is-settur iktar żagħżugħ tal-votanti Maltin, min-naħa l-oħra, mhux talli mhux qed iħossu l-urġenza biex tkun 'salvata d-demokrazija' u li Simon Busuttil jitpoġġa fuq pedestall fuq il-bini tal-Qorti (?!?!) bħalma qalet persuna li kienet parti mill-folla Nazzjonalista, talli fuq il-midja soċjali ilhom iduru diversi filmati issa li qed jiżżufjettaw bil-folla Nazzjonalista ta' quddiem il-Qorti. Dan mhux sew, ħa nkunu ċari. Imma llum, l-ebda partit m'għandu jistenna aħjar meta jorganizza parata u jesebixxi l-għamad assolut, daqs li kieku huwa rapreżentattiv tal-poplu. Simon mhux Eddie u Joseph mhux Karmenu Żvantaġġ ieħor kbir f 'dan l-attentat biex il-PN jerġa' jibni xi forma ta' battalja tal-80s huwa li għandek tliet personaġġi kompletament neqsin mix-xena. Dak li ġara f 'dawk is-snin kien il-frott ta' deċiżjonijiet, attitudnijiet jew inerzja minn Eddie Fenech Adami fuq naħa u Karmenu Mifsud Bonnici, immexxi minn Mintoff, fuq in-naħa l-oħra. Parti integrali mis-snin 80 kienu Eddie Fenech Adami u Karmenu Mifsud Bonnici

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 17 April 2016