Illum previous editions

Illum 17 April 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/667657

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

Il-Ħadd 17 t'April 2016 | illum Ingranat Vetturi 23 META nħares lura lejn żminijiet fejn kelli ħafna inqas responsabbiltajiet, niftakar kemm kont infaqt flus u ħin fuq l-ewwel karozza tiegħi madwar għoxrin sena ilu u ninduna kemm inbidlu l-affarijiet. Kienet ħaġa kważi impossibbli fis-snin tmenin u disgħin li bniedem bil- paga ta' ħaddiem jgħaqqad biżżejjed flus biex jixtri xi karozza lussuża jew sportiva. Minflok, wieħed kien jixtri karozza komuni u ftit ftit jibda jonfoq il- flus fuqha biex b'xi mod din il-karozza tiġi speċjali, personalizzata jew tixbah lil xi verżjoni iktar sportiva jew lussuża. Ma kinitx xi ħaġa rari li wieħed jonfoq anke għaxar darbiet iktar mill-valur li jkun xtara l-karozza fuq zebgħa, qtugħ ta' sadid u titliegħ ta' għafiesi, tapizzerija, 'spoilers', armar fil-magna jew twaħħil ta' magna oħra, modifiki fis- 'suspension' u brejkijiet, arloġġi żejda, ammont redikolu ta' 'speakers', 'amplifiers' u apparat ieħor li kien jaqa' taħt il-kategorija ta' 'sound'. Forsi wieħed illum ma jifhimx il-loġika ta' dan l-aġir, però meta tħares lejn iċ-ċirkostansi ta' dak iż-żminijiet, ma tantx kien hemm għażla. Biex wieħed jixtri karozza ta' preġju ġdida, kien impossibli sakemm ma kellux għexieren ta' eluf ta' liri Maltin merfugħin xi mkien. Li tixtri karozza ta' dan it-tip, użata minn barra, ukoll kien impossibli bl-ammont eżaġerat ta' dazju dovut. Id-dilettant ħaddiem kien impossibli li jkollu ammonti kbar ta' flus f 'daqqa, u minflok kien jagħżel li jimmodifika karozza komuni ftit ftit ma' kull paga. Illum, is-sitwazzjoni nbidlet mhux ħażin. Kif għidt kemm-il darba, jiena kritiku ħafna tas-sistema l-ġdida tat-taxxa annwali tal-karozzi. Naraha bħala serq u pressjoni żejda mill- Unjoni Ewropea biex dejjem nixtru karozzi ġodda għal skopijiet ekonomiċi tal- pajjiżi il-kbar li jipproduċu l-karozzi. Però biex inkun għidt kollox, dan it-tibdil flimkien ma' suq mifqugħ b'karozzi użati għall-bejgħ ġab miegħu opportunitajiet interessanti għal xerrej bi ftit flus x'jonfoq. B'massimu ta' €6,000, persuna jkollha xalata ta' karozzi kemm lussużi kif ukoll sportivi li fil-passat, lanqas biss kienu joħolmu li xi darba jirkbu ġo fihom aħseb u ara jixtruwhom. Jekk tibda mill-qiegħ, l-irħas karozza sportiva li wieħed isib naħseb li hija l- Honda CR-X Del Sol. Bi prezzijiet jibdew minn madwar €2,000 u medja ta' madwar €3,500, jista' jkollok karozza '2 seater', bis-saqaf jinfetaħ, arja kkundizzjonata, diversi kumditajiet oħrajn, u magna bis-sistema 'V-tec' li għalkemm għandha 'l fuq minn 20 sena, tista' ttik ftit pjaċir mhux ħażin. Jekk tinzerta mudell bil- magna 1.6, għandu jkollok ferm iktar qawwa fil-magna milli kapaċi tikkontrolla jekk inti għadek iġġib il-liċenzja tas-sewqan. Minħabba li ħafna minn dawn il-karozzi ġew impurtanti qabel ir-riforma fit-taxxi tar- reġistrazzjoni, il-liċenzja annwali wkoll hija rħisa. Jekk tixtieq tixtri xi ħaġa ftit iktar moderna u lest li tħallas xi ħaġa iżjed kull sena, għandek diversi għażliet oħrajn. B'madwar €4,000, jista' jkollok 'hot hatch' ta' bejn 8 u 12-il sena bħal mhi l-Fiesta 2.0 ST b'qawwa massima ta' madwar 147 bhp jew Mini Cooper tal-istess età jekk lest li tħallas sa massimu ta' €541 kull sena għal-liċenzja. Fil-kategorija ta' wara, b'massimu ta' €747 fis-sena, jista' jkollok karozzi bħal Peugeot 206 Gti, Focus ST 170 jew Mini Cooper S li għanda ħafna iktar saħħa mill-Mini Cooper. Fejn jidħol il-lussu, il- ħaddiem jerġa' għandu iktar minn fejn jagħżel. Karozzi eżekuttivi bħal mhuma l-Peugeot 407, Audi A4 jew VolksWagen Passat tista' ssibhom għall-bejgħ f 'kull kantuniera hawn Malta bi prezzijiet li fil-passat konna nixtru Lada ġdida jew xi Toyota Tercel tal-Ġappun li anke tħares lejha jaqbdek it-titwib. Il-lista ta 'extras' li jkollom dawn il-karozzi, il-kwalità tad-disinn, is- saħħa u l-irfinezza tal-magni u l-kumdita li joffru, huwa wieħed li joffri sodisfazzjon kbir għal kull ewro li tkun infaqt. Fejn qabel ditti bħal BMW, Mercedes u Jaguar kienu xi ħaġa abbinata ma' xi ħadd sinjur, illum tara żgħażaġħ għadhom kif bdew isuqu lbieraħ li ironikament ikunu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol, għaddejjin b'xi waħda minn dawn. Żgur li jkun hawn xi erbgħa li jfakkruni li l-Jaguar X-type mhu xejn ħlief Ford Mondeo glorifikat, però għal prezz taħt il-€5,000 anke Mondeo mhux daqshekk idea ħażina. Jekk wieħed lest li jħaffer ftit iktar l-isfel fil-but, b'liċenzja annwali taqbeż l-€1,000 fis-sena, jista' jkollu karozza bħal mhi l-Audi TT Quattro b'madwar 225 bhp għal prezz taħt is-€6,000. Dawn il-karozzi li semmejt huma biss ftit mill-għażliet possibli li fil-passat anqas biss konna noħolmu li jkollna u minflok konna nonfqu eluf fuq karozzi ħafna ifqar. Mur ġib lili meta kelli 18-il sena kieku minflok Marina, xtrajt waħda minn dawn il-karozzi li semmejt, kif kont inqażżeż lil kulħadd. Mill-banda l-oħra, mhux kull ma jleqq hu deheb. Huwa veru li d-disinn tal- magni moderni sar ifisser li magna b'100,000 mil tkun għadha tibda, però meta jibdew il-problemi f 'karozzi bħal dawn, l-ispejjeż m'għadhomx żgħar. L-iskop ta' min jimmanifattura dawn il-karozzi mhuwiex li ssewwihom iżda li tixtri oħra ġdida kemm jista' jkun malajr. Liċenzja annwali u assikurazzjoni huma balla kull sena li qatt ma tispiċċa. Nimmaġina li fis-snin li ġejjin se jkun hawn iktar karozzi minn dawn li ma rnexxilhomx jimbiegħu u diġà hawn numru minnhom qegħdin jimbiegħu għall- 'parts'. Niskanta kif f 'dan il-pajjiż morna minn estrem għall-ieħor. Andrew Pisani Il-ħaddiem b'żarbun tas-sinjur Audi TT Peugeot 407

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 17 April 2016