Illum previous editions

Illum 17 April 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/667657

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 35

Aħbarijiet 7 Il-Ħadd 17 t'April 2016 | illum Ritratt: Ray Attard Simon: Minn ġwejjed għal militanti Il-karriera stellari ta' Fenech Adami fjorixxiet matul snin li fihom il-ġlied, il-frame ups u l-vjolenza kienu kważi n-norma. Fenech Adami kien qed jiffaċċja Partit Laburista li kellu l-agħar elementi vjolenti li qatt kellu u miegħu stess kellu elementi li kienu lesti jwieġbu għal dik il-vjolenza, bi vjolenza. Fenech Adami kien qed jiġġieled Gvern għajjien, Gvern mingħajr maġġoranza popolari, mexxej mingħajr ispirazzjoni u inġustizzji koroh, fi klima politika gravi fejn il- biża' kienet tirrenja. Dan kollu llum ma jeżistix (għal grazzja t'Alla). Mhux talli m'hawnx u ħadd ma jrid li jkun hawn vjolenza, talli fuq in-naħa l-oħra tal-PN hemm mexxej li minkejja li għaddej minn burraxka kerha, xorta jibqa' dinamiku, enerġetiku u politikament stuż ħafna. 'Demokrazija mhedda?' Qed ngħixu fi żmien fejn qed ifaqqsu l-partiti ġodda, għandna lil Marlene Farrugia li mhux biss trid twaqqaf partit ġdid, imma li qed tkun skalda ta' vera f 'subgħajn il-Prim Ministru, bi kritika qawwija, u ħafna drabi ġusta wkoll. Blogs? Għal wieħed għandna 10. Facebook? Kulħadd jitfa' l-kummenti u jikkritika u jfaħħar kif iħoss li huwa l-aktar ġust. Għandna midja li qed taqdi dmira u tagħmel xogħolha bl-aktar mod assidwu u professjonali u kif għamlet din il-gazzetta wkoll, fetħet il-bibien tal-kritika beraħ fil-każ tal-Panama. Għandek programmi għaddejjin il-ħin kollu fuq kull stazzjon fejn kull min irid iċempel u jitkellem, jagħmel dan. Għandek lil Emmy Bezzina, li anke jekk kellu xi pressjoni diretta lejh, qed itella' programm vivaċi u kkulurit fejn ineżża' lill- establishment tal-pajjiż minn kull presitġju soċjali. Għandek Laburisti li qed jiġu fuqna u jitkellmu b'mod ċar dwar il-partit, u fejn dan mhux qed jogħġobhom. Għandek soċjetà ċivili li se torganizza protesta f 'Mejju wara dik tal-PN il-Ħadd li għadda. Għalhekk, l-għajta tal-PN dwar demokrazija mhedda hija kważi surreali. Lil hinn mill- istamperija, din it-theddida mhux qed tinħass, anzi jekk ir-reazzjoni tal-poplu u tal- pajjiż għall-każ Panama jista' jintuża bħala termometru tad- demokrazija, nistgħu ngħidu li qed ngħixu f 'demokrazija b'saħħitha tant li l-ebda Gvern, bl-ebda maġġoranza ma jista' jserraħ rasu. Il-PN solidu wara Simon Għalkemm kwalunkwe attentat biex ikunu rikostitwiti s-snin tmenin huwa destinat li jfalli, jew li jdur kontra l-istess PN, dan ma jfissirx li l-istrateġija li qed juża l-PN ma fihiex preġji. Il-preġju tagħha hija li reġgħet issolidifikat il-bażi tal-Partit Nazzjonalista u injettat entużjażmu li l-PN kien ilu ma jesperjenza għal snin twal. Illum, il-PN jinsab back in the game u l-idea li riesaq lejn telfa ċerta u li Busuttil huwa biss għasfur tal-passa, evaporat. L-assertività, il-biża mill-babaw tal-passat, il- propoganda ma' taqta' xejn u l-militanza flimkien mal- ikkapitalizzar tal-iżbalji tal- Gvern qed jgħinu biex il-PN jitfarfar mit-trab tat-telfa ħafna iktar kmieni milli ħafna setgħu stennew. Il-PN qed iwieġeb b'mod assolut għal dawk l-eluf ta' votanti li dejjem kienu tiegħu biex ikun Oppożizzjoni qalila, li tagħmel ħajjet il- Gvern infern. Dawk l-eluf, illum kuntenti ħafna b'Simon Busuttil. Muscat...barra Iżda l-entużjażmu ta' dawk lil hinn mill-Partit Nazzjonalista jibda jonqos sew meta Busuttil, f 'tentattiv biex juża l-armi kollha possibbli f 'battalja politika ħarxa, beda jsejjaħ għal Muscat biex jitlaq. Busuttil kellu ċ-ċans li jitfa' lil George Vella, Evarist Bartolo, Leo Brincat u Louis Grech f 'kantuniera billi jpoġġilhom it-test ta' fiduċja Parlamentari f 'Konrad Mizzi. Minflok għaġġel, talab għal ras Joseph Muscat, u minflok iddistabilizza l-Gvern kif forsi xtaq, stabbilizzah wara Muscat. Simon Busuttil jeħtieġ joqgħod attent li ma jinterpretax ir-riħ fil-qala ta' bħalissa sforz il-każ Panama, bħala ċ-ċertifikat fuq platt tal-fidda f 'idejh biex ikun Prim Ministru. L-għajta tiegħu biex Muscat jirreżenja u minfloku jkun elett mexxej ġdid, kixfet l-għan tal-PN xi ftit iktar milli seta' xtaq. Busuttil jaf li minkejja l-urugan politiku li qed isawwat lil Muscat bħalissa, jekk dan iqum minnha, se jkun diffiċli li jerġa' jniżżlu. U Busuttil jaf ukoll li Muscat se jkun avversarju mill-aktar diffiċli. Hija naturali li Busuttil irid jelimina lil Muscat biex il- premju f 'Kastilja jkun eqreb, imma jista' jkun li qed jinsa li finalment mhux kemm se jaqla daqqiet ta' ponn Muscat li jiswa, iżda min se jaqla' l-aħħar u l-ikbar daqqa. Huwa ovvju u naturali li kull Oppożizzjoni trid terġa' tkun fil-Gvern u li se tagħmel minn kollox biex terġa' tirbaħ Kastilja, imma l-PN donnu li qed jinsa l-arti tas-sottilità politika, u minflok, prattikament ħareġ jgħajjatha mill-bjut li mhux se joqgħod kwiet qabel Muscat ikun xkupat 'il barra. Il-PN qed jagħmel l-iżball li jaħseb li l-pajjiż kollu huwa każin tal-PN fejn kulħadd lest u ħerqan u għandu l-urġenza daqsu, jew iktar, biex ineħħi lil Muscat u jitfa' lilu fit-tmun. Election mode Il-pajjiż qiegħed election mode qed jgħidu. Din l-istqarrija hija parzjalment veru, imma hija definittivament veru għall-PN. Il-partit fl-Oppożizzjoni bħalissa għaddej b'dik li qisha kampanja elettorali, biss fuq skala iżgħar. Definittivament l-enerġija li għandu l-PN bħalissa hija waħda li tista' titqabbel biss ma' partit li qiegħed fuq l-għatba ta' elezzjoni, b'midja li hija ffukata fuq il-propoganda b'mod kontinwu u attivisti li jinsabu lesti biex malli jisimgħu t-tisfira, joħorġu jiġru. Il-problema hija li t-tisfira għad fadlilha sentejn, skont Muscat. Jista' jkun li l-fervur tqabbad wisq kmieni u bħalma kienu jħobbu jagħmlu n-Nazzjonalisti qabel, Joseph Muscat joqgħod jilgħaba tal- underdog u li qiegħed minn taħt, biex imbagħad meta jiġri ġirja tajba, isib partit li fajjar it-tiri elettorali kmieni u li jkun ilu jistenna sentejn biex jitlaq jiġri. Il-kampanja elettorali tal- 2016, rebaħha u qed jirbaħa l-PN. Imma l-kampanja li se tiswa u li se tiddetermina l-eżistenza ta' Busuttil hija dik tal-2018. "Simon tal-lum, lanqas jista' jitqabbel u prattikament lanqas jintagħraf minn Simon tal-2013 u qabel"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 17 April 2016