Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/699549
illum | Il-Ħadd 03 ta Lulju 2016 Opinjoni 16 Il-pillola u deċiżjoni bla biża' L -eżekuttiv ta' Nisa Laburisti iddikjara ruħu favur li l-kontraċezzjoni f 'każ ta' emerġenza tkun disponibbli. Għamilna dan għaliex sinċerament nemmnu li din hija kwistjoni ta' dritt. Dan apparti li skont il-Professur Anthony Serracino Inglott li jmexxi l-Awtorità Maltija dwar il-mediċini, il-prodott diġà jinsab hawn Malta, u diġà qed ikun amministrat bl- intenzjoni li jservi ta' morning after pill. Fil-mezzi tax-xandir, qal ukoll li l-uniku raġuni li m'hawnx din il-pillola f 'pajjiżna huwa għaliex ħadd ma applika għal liċenzja biex jimpurtaha. Huwa inkwetanti li ċ-ċirkustanzi f 'pajjiżna qed iwasslu biex kif qed jingħad anke fil-mezzi tax-xandir, nisa jkollhom jirrikorru għal overdose ta' kontraċettivi li jittieħdu kuljum bħala alternattiva għall-kontraċettiv ta' emerġenza magħruf bħala l-morning after pill. Nemmen li l-alternattiva għandha tkun dik li jkun hemm kontraċettiv li huwa sigur. Din tal-kontraċettiv ta' emerġenza ġagħlitni nirrifletti. Jien ngħid li tul is-snin, f 'pajjiżna stajna tkellimna aktar fuq kwistjonijiet bħalma huma l-kontraċettivi. Stajna tkellimna aktar ukoll fuq għarfien dwar id-drittijiet, l-obbligi u r-responsabbiltajiet fejn jidħlu s-sess u anke s-saħħa u d-drittijiet riproduttivi. Issa dak kien. Filwaqt li s-soċjetà qed tinbidel u saret aktar miftuħa, xorta bħal donnu jeżistu suġġetti bħalma huwa dak tal-kontraċettivi jew is-sess li għadna nistħu jew niddejqu niddiskutuhom. Fil-każ tal-kontraċezzjoni ta' emerġenza, kellu jkun protest ġudizzjarju li tressaq mill- Avukat Lara Dimitrijevic u li kellu l-appoġġ ta' aktar minn 100 mara li wassal biex tqum din id-diskussjoni kollha f 'pajjiżna. Għalija, il-fatt li Fondazzjoni dwar Drittijiet tan-Nisa ma bezgħetx tersaq 'il quddiem u tressaq il-każ quddiem il-Qrati Maltin huwa ta' min ifaħħru għaliex juri li s-soċjetà nbidlet b'tali mod li m'għadhiex tibża' tiddiskuti suġġetti li sa ftit ta' żmien ilu kienu jitqiesu bħala tabù u jinħbew taħt it-tapit. Qisu tul is-snin, il-kwistjoni tal-kontraċettivi kienet wisq miżmuma mistura. Jien ġejja minn ġenerazzjoni fejn kwazi jekk kont tisma' l-kelma kondom kont tistagħġeb u meta bdejna narawh fuq l-ixkaffa fis-supermarket, qisu stħajna nixtruh. M'iniex qed nitkellem fil-bogħod għaliex il-ġenerazzjoni tiegħi hija l-ġenerazzjoni ta' nies li llum għandhom 40 sena jew ftit aktar. Għal min għadu żagħżugħ, dan jista' jnissillu tbissima, imma dik hija l-verità. Fl-istess ħin infakkar li riċentament kienet qamet kwistjoni dwar jekk fl-Università ta' Malta għandux ikun hemm kaxxa bil-kondoms. Qed infakkar dan biex nuri kemm il- kwistjoni ta' kontraċettivi hija konservattiva f 'pajjiżna. U dan jeħodni għal tipi oħra ta' kontraċettivi. Il-copper coil, il-Mirena, li tagħlaq it-tubi, u anke li tiehu kuljum il-pillola ta' kontracezzjoni. Għall-irġiel hemm min jagħżel vażektomija. Din mhux ukoll forma ta' kontraċezzjoni? Bħala Nisa Laburisti, fittixna wkoll li l-pożizzjoni neħduha b'moħħna miftuħ għax nemmnu fid-dritt, bla biża', mingħajr indħil, iżda wkoll rajna li tkun pożizzjoni infurmata. Għalina jagħmel sens dak li qalet il-Ministru għal-Libertajiet Ċivili Helena Dalli meta qalet li personalment taqbel li l-mara għandha jkollha dritt li tuża l-kontraċettiv ta' emerġenza. Fl-istess ħin, bħala Eżekuttiv ta' NL - Nisa Laburisti, ressaqna 'l quddiem proposta għal aktar edukazzjoni dwar is-sess u s-saħħa u drittijiet fejn tidħol ir-riproduzzjoni. Din it-tip ta' edukazzjoni għandha tingħata minn età bikrija u għandha tkun disponibbli kemm għall-bniet kif ukoll għas-subien, biex dawn ikunu responsabbli minn għemilhom u fl-għażliet tagħhom. Qed insemmu bniet u subien għaliex hemm it- tendenza li wieħed jaħseb li huma l-bniet li għandhom ikunu responsabbli u li b'xi mod donnu m'għandhomx dritt għas-sess. Bħal donnu s-subien m'għandux ikollhom responsabbiltà wkoll għal għemilhom. Huwa għalhekk li semmejna dan il-punt, għaliex nemmnu li t-tibdil fis-soċjetà għandu jġib miegħu wkoll tibdil fil-mod mhux biss li bih ngħallmu fl-iskejjel, iżda wkoll fil-mod li bih ngħallmu fid-dar. Nifhem li jista' jkun hemm min ma jaqbilx mad-deċiżjoni li ħadna bħala Eżekuttiv ta' Nisa Laburisti. Nagħraf li kulħadd għandu dritt jesprimi l-opinjoni tiegħu . Però, ejja nkunu oġġettivi u bla tgħawwiġ tal-fatti. Claudette Abela Baldacchino hi president ta' NL- Nisa Laburisti "Jekk kont tisma' l-kelma kondom kont tistagħġeb u meta bdejna narawh fuq l-ixkaffa fis- supermarket, qisu stħajna nixtruh" CLAUDETTE ABELA BALDACCHINO Bħala Nisa Laburisti, fittixna wkoll li l-pożizzjoni neħduha b'moħħna miftuħ għax nemmnu fid-dritt bla biża', mingħajr indħil