Illum previous editions

illum 3 July 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/699549

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 03 ta Lulju 2016 Opinjoni 18 Din hija l-agħar Ewropa possibli... Ħ lief għall-Ewropi li ġew qabilha. Dan il-kliem qalu l-istoriku Ingliż Timothy Garton Ash billi pparafraża l-famuża frażi ta' Churchill dwar id-demokrazija. Garton Ash huwa eEropeista konvint li ddeskriva l-għada tar- referendum bħala l-aktar jum ta' dwejjaq f 'ħajtu. Il-ġimgħa li għaddiet kienet waħda tassew straordinarja fl- istorja tar-Renju Unit. Ir-riżultat tar-referendum ħoloq kaos sħiħ u kif għidt il-ġimgħa l-oħra, huwa ċar li min ikkampanja biex jitlaq mill-UE ma kellu l-ebda pjan x'ser jiġri fil-każ ta' rebħa. Issa għaddiet aktar minn ġimgħa u għadu ħadd ma jaf eżatt x'tip ta' relazzjoni ġdida r-Renju Unit irid mal-UE. Il-wiċċ l-aktar prominenti tal- kampanja tal-Leave, Boris Johnson, għamel dikjarazzjoni pjuttost mqita meta tħabbar ir-riżultat, qatta' tmiem il-ġimgħa jilgħab il-cricket u llimita ruħu għall-artiklu regolari tiegħu fit-Telegraph ta' nhar ta' Tnejn li għalih jirċievi l-bellezza ta' £266,667 fis-sena. Johnson pinġa stampa fejn prattikament kollox ser jibqa' l-istess bil-Brexit ħlief li tiġi limitata l-immigrazzjoni mill- pajjiżi tal-UE. Johnson spiċċa jirtira mit-tiġrija għas-suċċessur ta' Cameron wara li ngħata gambetta minn sieħbu fil-kampanja tal-Leave, il-ministru tal-ġustizzja Michael Gove. Nhar il-Ħamis, Gove ta diskors ta' 5,000 kelma imma ma ddefiniex ir- relazzjoni futura tar-Renju Unit mal-UE. Bħalma lanqas għamlet il- ministru tal-Intern, Theresa May li issa hija l-favorita li se tispiċċa f '10 Downing Street. Intant, il-mexxej tal-Partit Laburista, Jeremy Corbyn qiegħed jaffaċja rvell sħiħ fil-grupp parlamentari tiegħu li sfiduċjah bil- kbir (172 għal 40). Jidher li m'għad fadallux ħajja twila fit-tmun u postu jista' jimtela' minn Angela Eagle. Ma niskantax li fi ftit xhur oħra, il-Prim Ministru u l-kap tal- opposizzjoni fir-Renju Unit ikunu t-tnejn nisa (kif possibbilment ikunu ukoll il-president u viċi president Amerikan). Fi kwalunkwe każ, l-unika mexxej denju li jidher li hemm fir-Renju Unit bħalissa huwa l-ewwel ministru skoċċiż Nicola Sturgeon illi din il-ġimgħa għaddiet fil- parlament skoċċiż risoluzzjoni bl-appoġġ tal-laburisti u l-ħodor imma m'hux tal-konservattivi (ilkoll immexxijin min-nisa) sabiex l-Iskozja tfittex illi żżomm postha fl-Ewropa. F'Westminster jidher li hemm vojt kbir u ħadd m'għandu ideja ċara tat-tip ta' relazzjoni illi r-Renju Unit jixtieq jiżviluppa mal-UE. Bosta kummentaturi qed isostnu li l-mudell Norveġiż huwa dak li jagħmel l-anqas ħsara lill-ekonomija Brittanika. Imma dan ifisser li r-Renju Unit jrid jaċċetta l-moviment liberu tal- persuni li tkun verament disfatta għall-Brexiteers. U xorta jfisser li s-City ta' Londra, il-belt kapitali finanzjarja tal-Ewropa, ma tibqax tgawdi l-prerogattivi kollha li għandha bħalissa. Ikun tassew straordinarju li pajjiż jaċċetta li minn membru sħiħ tal-UE jispiċċa b'ħafna mill-obbligi imma ftit mid- drittijiet sabiex iżomm l-aċċess tiegħu għas-suq waħdieni. Quddiem għażla bħal din (l-Inġliżi jirreferu għaliha bħala waħda ta' Hobson) mhux ta' b'xejn li għad hemm din l-inċertezza kollha dwar ir-relazzjoni futura mal-UE Cameron probabilment ħa deċiżjoni tajba li mar lura minn kelmtu, irriżenja u qal li sta għas-suċċessur tiegħu sabiex jinvoka l-artiklu 50 tat-Trattat ta' Lisbona. U kemm May kif ukoll Gove ddikjaraw li m'għandhomx xi għaġla partikolari li jinvokawh sabiex jibdew għaddejjin is-sentejn li fihom irid jiġi konkluż id- divorzju. Ir-reazzjoni Ewropea kienet inizjalment propensa li l-artiklu 50 għandu jiġi nvokat immedjatament. Imma bil-mod il-mod, beda jitfaċċa atteġjament aktar realistiku u kulħadd aċċetta illi l-ewwel irid jintgħażel kap tal-Partit Konservattiv ġdid. Helmut Kohl issuġġerixxa illi l-Ewropa turi paċenzja mar-Renju Unit u Angela Merkel ukoll uriet ruħha aktar flessibli minn mexxejja Ewropej oħra bħal Juncker, Schultz u Hollande. Iż-żmien isajru l-bajtar u filwaqt li r-Renju Unit jibda jgħodd il-konsegwenzi tal-Brexit, bosta affarijiet jistgħu jiġru. Anke hawnhekk ir-reazzjoni Ewropea hija mħallta: min irid jagħlaq il-bibien lir-Renju Unit u min qed iżomm ħajja l-possibbiltà li eventwalment jintlaħaq ftehim ġdid li jżomm lir-Renju Unit fl- Unjoni. Madankollu, il-pożizzjoni komuni hi illi kuntrarjament għal dak li jixtiequ l-Brittaniċi, ma jsirux negozjati nformali qabel ma jiġi nvokat l-artiklu 50 u illi ma jistgħux isiru negozjati ġodda dwar il-post tar-Renju Unit fl-U.E. In- negozjati illi s'issa huma antiċipati huwa dwar il-relazzjoni tar-Renju Unit mal-U.E. imma m'hux fi ħdan l-U.E. Kif qal Juncker fis-saħna tal-mument, id-divorzju m'hux ser ikun amikevoli imma l-anqas qatt kien hemm xi mħabba kbira bejn ir-Renju Unit u l-U.E. Ħafna qegħdin jispekulaw fuq ir-raġunijiet ta' dan il-vot. Bosta kienu dawk illi kkummentaw fuq il-medja soċjali u taw tort lill- Kummissjoni Ewropeja u anke lil Angela Merkel. Bosta kienu dawk hawn Malta illi urew l-istint ewroxettiku tagħhom u sentiment qawwi anti-tedesk. Bosta huma dawk illi qed igħidu illi dan il-vot hu tort ta' Unjoni illi hija maqtugħa mir-realtajiet ta' kuljum taċ- ċittadin. U jidher illi anke l-prim ministru tagħna abbraċċja dan is-sentiment u beda jagħmel ħsejjes illi waslu lill-kap ta' l-opposizzjoni biex jittimbrah ewroxettiku. Muscat għandu jifhem il-qagħda delikata illi jinsab fiha : ma jistax kif igħidu l-Ingliżi "run with the foxes and hunt with the hounds." Għadu kif kellu eżempju maġistrali x'jiġrilu mexxej illi flok imexxi jispiċċa jitmexxa mill-kurrenti. Cameron spiċċa mkisser fuq is-sikka għaliex ma kienx kapaċi jieqaf għall-mewġ ewroxettiku fil-partit tiegħu u kkommetta ruħu għal referendum illi fih l-U.E. ma kienetx il-kwistjoni primarja. Għaliex deher ovvju fil- ġimgħat ta' qabel ir-referendum illi l-kampanja tal-Leave kienet qabdet momentum qawwi meta bdiet tisfrutta r-risentiment lejn l-immigranti fir-Renju Unit minkejja illi dawn iħallu ħafna aktar benefiċċji ekonomiċi milli piżijiet. Imma pprova kkonvinċi lill-furnar f 'Peterborough illi kellu jagħlaq minħabba forn illi fetaħ pollakk żewġ bibien 'il bogħod minnu. Bosta kienu l-fatturi illi mmilitaw sabiex isseħħ ir-rebħa żgħira tal-kamp tal- Leave. Kellek media nazzjonali illi fil-maġġiorparti kienet ostili għall-U.E. u ilha s-snin tesaġera u tgħawweġ dwar l-U.E. Il-kampanja tal-Leave kienet bla skrupli b'ħafna wegħdiet illi fi ftit sigħat ġew irtirati bħal dik illi l-ħruġ tar- Renju Unit mill-U.E. ser ifisser investiment ta' £ 350 m fil-ġimgħa fl-N.H.S. Mill-banda l-oħra, il-kampanja tar-Remain kienet fjakka u negattiva b'Cameron ma jridx jattakka direttament lill- konservattivi fil-kamp tal-Leave u Jeremy Corbyn distakkat kemm jista' jkun u illi m'għamel xejn biex il-kamp tar-Remain tirbaħ. Imma l-akbar kawża, fl-opinjoni tiegħi, u intrinsikament marbuta mal-babaw tal-immigrazzjoni, huwa l-fatt illi l-globalizzazzjoni ħalliet rebbieħa u telliefa u illi l-klima neo-liberali ħolqot disugwaljanzi ekonomiċi dejjem jikbru fost in-nies. Huwa pjuttost inġust illi tattribwixxi t-tort ta' dawn il-fenomeni lill-U.E. meta l-U.E. nvestiet flejjes kbar sabiex tindirizza d-disparitajiet ekonomiċi reġjonali tar-Renju Unit, ferm aktar milli għamel il-gvern ta' Westminster. Madankollu, bosta nies użaw il-vot f 'referendum dwar ir-relazzjoni futura tar-Renju Unit mal-U.E. sabiex jibgħatu messaġġ lill-elite ta' Oxbridge illi l-vuċi tagħhom għandha saħħa u għadha tiswa. Sfortunatament, dawn it-talin, bil-vot tagħhom, ser jirrendu l-posizzjoni tagħhom aktar imwiergħa. Imma l-vot fir- referendum Brittaniku, ir-rebħa ta' Donald Trump fil-primarji repubblikani, is-saħħa tal- kampanja ta' Bernie Sanders fil- primarji demokratiċi u l-popularità tikber ta' ħafna partiti tal-lemin estrem f 'bosta pajjiżi ewropej huma kollha manifestazzjonijiet tal-istess fenomenu fejn min qed jispiċċa tellief fit-tiġrija frenetika illi l-globalizzazzjoni qiegħda timponi fuq kulħadd qiegħed jispiċċa ddisprat. Dan ċertament għandu jagħti lok għal ħafna riflessjoni u speċjalment jekk il- welfare state hux qiegħed joħloq dipendenza fuq is-servizzi soċjali illi qiegħda żżomm lil bosta milli jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom u żżommhom fi stat ta' semi-faqar u ta' frustrazzjoni permanenti. Wieħed m'hux qiegħed igħid illi l-U.E. m'għandhiex tagħmel eżami tal-kuxjenza minħabba dan ir-riżultat. Imma wieħed ma jikkondividix l-opinjoni ta' bosta, speċjalment dawk ta' tendenzi ewroxettiċi, illi dan ir-riżultat ser ikun il-prekursur tax-xoljiment tal-Unjoni. L-Unjoni għad fadlilha ħafna saħħa morali u intelletwali minkejja l-kritika kollha illi ssirilha. Il-Brexit ser turi lil kull min irid jara u m'huwiex mitluf f 'dagħdigħa ta' mibgħeda lil kull ma għandu x'jaqsam mal-U.E. illi l-pajjiżi ewropej m'għandhom alternattiva realistika għas-sħubija fl-U.E. Il-Brittaniċi huma l-fniek tal-indi illi ser isalvaw il-proġett ewropew. JOE ELLIS :"Ir-reazzjoni Ewropea hija mħallta: min irid jagħlaq il- bibien lir-Renju Unit u min qed iżomm ħajja l-possibbiltà li eventwalment jintlaħaq ftehim ġdid li jżomm lir-Renju Unit fl-Unjoni"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 3 July 2016