Illum previous editions

illum 3 July 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/699549

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

N aħseb l-Ewropa moderna qatt ma esperjenzat daqstant taħwid u tgerfix daqskemm qed tesperjenza wara l-vot tal-Ingilterra biex joħorġu minn dan il-blokk politiku-socjali-ekonomiku. Naħseb li naqblu li hemm diversi tagħlimiet li wieħed jista' jislet minn dak li ġara wara r-referendum li wiegħed Cameron bħala parti mill- għajta tiegħu waqt l-aħħar elezzjoni ġenerali fir-Renju Unit – 'gamble' kbira li l-istorja għad tiġġudikah b'mod iebes tagħha. Imma msomma. L-ewwel u qabel kollox, indunajna kemm l-istituzzjonijiet Ewropej mhedijin fihom infushom. Spiċċaw mekkaniżmu-mostru li aktar fi ħsiebu kif jamministra 'lilu nnifsu' milli jifhem x'qed iħoss il-poplu Ewropew. Biex ma rawx din ġejja, ma nafx biex setgħu ndunaw! Il- verità hija li din hija istituzzjoni tqila fl-operat, imballata bil-burokrazija u l-focus tar-riżorsi mhux kif ħa sservi lill-Poplu Ewropew u tnibbet politika alternattiva u bbażata fuq soluzzjonijiet, imma kif tmantni u ssostni lilha nnifisha. Kultant meta jiftlilha, tgħaqqad il-ponn kif għamlet per eżempju mal-Greċja. It-tieni tagħlima hija li din Ewropa li qed jinbet fiha daqs qatt qabel sentiment faxxista fuq naħa, u l-estrem lemin fuq l-oħra. Għandek ideoloġiji politiċi li qed jirkbu fuq in-nuqqas ta' valuri li l-Ewropa għandha, valuri li wara li għallmet id-dinja bihom, remiethom qisu xejn mhu xejn. Din Ewropa li mhi socjali xejn, li tilfet ir-ruħ tagħha bl-iskuża tal-liberaliżmu, li biex tingħoġob spiċċat ma tfisser xejn għal kulħadd. It-tielet tagħlima hija li ż-żgħażagħ reġgħu tħallew fuq l-ixkaffa. L-għajta li jien u koċċ oħrajn ilna nagħmlu biex din l-Ewropa titħalla f 'idejn iż-żgħażagħ, hija ħanqa li ma tinstemax – u issa ara x'għandna! Wara, kulħadd jiffanfra li nduna li ż-żgħażagħ riedu l-Ewropa. Ara xi ħlew! Ili ngħid tant jien u ħafna oħrajn li hemm bżonn jitħalla l-vot f 'idejn iż-żgħażagħ, li ż-żgħażagħ minn sittax-il sena għandhom ikunu qed jivvutaw – mela x'qed nistennew aktar? Dan eżempju ċar ta' kif qegħdin minħabba deċiżjonijiet impulsivi tal-lum, inħassru l-futur. Aħna l-adulti, id-disinn tal-ħajja tagħna lest. Dak li ridna nagħmlu, qed nagħmluh jew ippruvajna nagħmluh; issa jmiss liż-żgħażagħ. Hija tant ħaġa iebsa 'to let go', li nwarrbu, li nċedu. Ir-raba' tagħlima hija l-arroganza tal-Ingilterra. Jekk jidhrilhom li ma jappartjenux, mhux problema, imma li issa jridu jidħlu mill-bieb ta' wara ħalli 'jżommu din' u 'jżommu l-oħra' għalija hija l-arroganza fl-aqwa tagħha. L-Ingliżi jridu jifhmu li jekk iddeċidew wara wegħda elettorali li kienet saret, allura m'hemmx fejn tilgħab. Din mhix kwistjoni ta' suppervja tafux, imma hija kwistjoni ta' deċiżjoni. Fil-ħajja dejjem tgħallimt li d-deċiżjonijiet trid taħseb sew qabel ma tagħmilhom, imma mbagħad iżfen iż-żifna li tkun għażilt. L-Ingliżi tul is-sekli weġgħu lil ħafna imma għenu wkoll lil ħafna u aħna l-Ewropej fi dmir li nsostnuhom u ngħinuhom imma ż-żmien tal-'ħobbla u tredda' issa spiċċa, sorry. L-Ingliżi donnhom ma fehmux kemm weġġgħuna, mhux għax ma baqgħux imseħbin ta', imma għax bl-aġir impulsiv u ta' tisbit tas-saqajn ġab lil Ewropa titkellem waħedha, qed nirriskjaw li dak li tant huwa importanti fl-Ewropa fflaxxjawh; ċoè s-serenità, l-abbiltà li nitkellmu, id-deċiżjonijiet kollettivi, l-istrateġiji biex insewwu l-ħsara li tolqot xi pajjiż jew ieħor u fejn il- poter u l-vuċi maqsuma b'mod ekwu – mudell fenomenali. Din tal-Brexit mhi xejn ħlief narrattiva tal-iben il-ħali. L-Ingliżi ħa jibqgħu importanti għalina kif l-iben li telaq (fil- parabbola), baqa' importanti għal missieru, nibqgħu nistennewhom u meta jiġu lura għax jirrealizzaw x'ċuċata għamlu, nilqgħuhom u nagħmlu festa – imma l-uġigħ, il-ħsara, l-ekoċentrizmu u l-insensittività tagħhom ħa jkunu ħallew tebgħa fir-ruħ Ewropea għax bis-saħħa t'hekk, il-forzi tal-estrem sabu tarġa fejn iqiegħdu saqajhom. L-Ingilterra, waħda mix-xempji tad-demokrazija, saret il-bandiera u s-simbolu tal-firda li jipprofessaw l-estremisti, saret l-innu ta' min irid li jħalli n-nies ibatu u jgħerqu, saret is-simbolu ta' min il-poter jemmen li għandu jkun iddettat mill-popolisti. Il-biża' tiegħi hija li jekk mhux ħa jiżbukkaw ftit mexxejja ġodda, friski u żgħażagħ nipprevedi inkwieti u dlam. Lill-Ingilterra ta' dan kollu ma naħfirhiex. Dr Andrew Azzopardi hu l-kap tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u l-Komunità fil-Fakultà tal-Ħarsien Soċjali Il-Ħadd 03 ta Lulju 2016 | illum Opinjoni 19 ANDREW AZZOPARDI Ara xi ħlew! "Jekk l-Ingilterra jidhrilhom li ma jappartjenux, mhux problema, imma li issa jridu jidħlu mill-bieb ta' wara ħalli 'jżommu din' u 'jżommu l-oħra' għalija hija l-arroganza fl-aqwa tagħha" "L-istituzzjonijiet Ewropej spiċċaw mekkaniżmu-mostru li aktar fi ħsiebu kif jamministra 'lilu nnifsu' milli jifhem x'qed iħoss il-poplu Ewropew" Aħna l-Ewropej fid-dmir li nsostnuhom u ngħinuhom, imma ż-żmien tal-'ħobbla u tredda' issa spiċċa, sorry

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 3 July 2016