Illum previous editions

illum 3 July 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/699549

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 35

Il-Ħadd 03 ta Lulju 2016 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Toqtlunix, imma tużawnix lanqas M atul dawn l-aħħar ġimgħat qamet il- kwistjoni tal-morning after pill u bħal kull kwistjoni oħra ġabet magħha riefnu ta' argumenti emottivi. Mill-ewwel qamu argumenti dwar l-abort u l-importanza tal-ħajja u magħha wkoll diskussjoni dwar meta tibda l-ħajja. Dan il-pajjiż għadu fil-maġġoranza tiegħu jirrispetta u jivvaluta l-ħajja umana, mill-bidu sal-aħħar. Dan huwa, bla ebda dubju valur li mhux biss għożżejna imma li għandna nibqgħu ngħożżu fiż-żmien li ġej u kontra kull forma ta' kurrent, għax jiddistingwina minn ħaddieħor. L-argument li għax xi ħaġa hija prattikata "kważi kullimkien" ma jagħmilx dik l-istess prattika waħda tajba. L-ebda ħajja mhi għar- rimi, la l-ħajja ta' persuna li tgħix fostna u lanqas dik li għadha fil-ġuf. Naturalment l-abort iqajjem ħafna dilemmi u mistoqsijiet. Iqajjem ukoll ħafna emozzjoni u uġigħ. Li hu żgur huwa li nagħmlu disservizz kbir meta l-abort niddiskutuh bl-assolutiżmi u bl-emozzjoni. Huwa suġġett, li bħal oħrajn, ma jistax jkun indirizzat billi taqta' linja sempliċi ta' favur jew kontra. U forsi għax l-abort huwa suġġett li jqajjem ħafna mistoqsijiet, forsi għax huwa suġġett li jmiss il-fundament tal-valur tal-ħajja u forsi għax huwa suġġett li jirrikjedi ħafna ħsieb li jitqajjem kull meta xi ħadd iħoss li huwa konvenjenti. Ġrat qabel, f 'elezzjonijiet għall- Parlament Ewropew. Meta partit ma jkollux armi iktar f 'idejh u meta jkun tilef kull argument, jibda jispara t-tiri tal-abort. B'hekk tkun daħħalt lill-avversarju politiku tiegħek f 'minjiera ta' bombi fejn kull kelma tista' tagħmillu ħsara fost l-elettorat. L-arma tal-abort reġgħet qed tintuża issa, fil- kwistjoni tal-morning after pill u jiddispjaċina se jkollna ngħiduha, però min qed jużaha qed jagħmel dan għax jaf li l-għarfien dwar dan is-suġġett għadu wieħed żgħir. Għalfejn? Kif nistgħu, jekk irridu nkunu onesti, ngħidu li se ndaħħlu l-abort bil- morning after pill, jekk f 'Malta diġà għandna pilloli kontraċettivi li għandhom eżatt l-istess effett? Vera jew le li pilloli bħall-Mirena u l-kontraċettiv tal-copper coil huma l-istess? U jekk dawn għandhom l-istess effett, jiġifieri li jwaqqfu bajda fertilizzata milli timpjanta fil-ġuf, mela allura għalfejn ħadd, qatt ma qal kelma dwar pilloli li illum huma legali u aċċessibbli mill-ħwienet? Għax jekk kellna nemmnu li l-morning after pill hija abortiva għax twaqqaf l-impjantazzjoni, u allura li meta mara teħodha tkun qed tagħmel abort, mela allura jkollna nibdew naċċettaw li eluf ta' nisa ilhom jagħmlu abort f 'pajjiżna għexieren ta' snin. Huwa ċar li lil hinn mill-argumenti kollha li qed jitqajmu dwar din il-kwistjoni, l-għerq tal- problema hija li pajjiżna għad għandu problema serja fejn jirrigwarda diskussjoni miftuħa dwar is-sess. Għal ħafna, dak kollu li jirrelata mas-sess għadu tabù u m'aħniex lesti niddiskutuh fil-pubbliku. Bżajna nitkellmu fuq il- kontraċettivi u saħansitra fl-Università ftit snin ilu qamet diskussjoni taħraq dwar jekk għandux ikun hemm magna tal-kondoms. U fejn ikun hemm xi forma ta' diskussjoni oħra li tagħti aktar għodda lill-mara jew lir-raġel biex kulħadd ikollu dritt li jeżerċita s-sess li jmur lil hinn mir- riproduzzjoni, għid li se jqumu l-irwiefen tad-djuq u tal-iskrupli. Li mhux qed jindunaw il-ħafna, huwa li aktar kemm tibqa' tintuża l-karta tal-abort biex inbeżżgħu, iktar qed tiġi żvalutata s-serjetà ta' tali diskussjoni li jeħtieġ issir bil-kalma u b'mod studjat. Aktar kemm kull ħaġa li titkellem dwar is-sess tiġi mblukkata mill- forzi tad-djuq u l-iskrupli, aktar se jsibuha diffiċli l-istess forzi biex jiġbdu l-attenzjoni tal-poplu meta jkunu qed jitkellmu dwar valur daqstant importanti. Ejja ma nħalltux l-affarijiet u ejjew nieqfu nużaw it-tarbija fil-ġuf bħala karta tal-logħob. Il-ħajja tal-innoċenti hija sagrosanta u kieku kellha vuċi ċerti li kienet tgħid "jekk jogħġobkom toqtlunix, u jekk jogħġobkom ukoll tużawnix." Editur: Albert Gauci Cunningham 21

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 3 July 2016