Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/699549
J umejn ilu sieħbi Stefan Buontempo u jien kellna laqgħa oħra mis-sensiela ta' laqgħat li jsiru mill- Ministri u Segretarji Parlamentari mal-pubbliku msejħa 'Gvern li jisma'. Dawn il-laqgħat huma tajbin ħafna għaliex jagħtu opportunità lill-pubbliku jsaqsi dak kollu li jixtieq u lill-politiċi li jagħfsu fuq ix-xogħol li jkun twettaq fix-xhur ta' qabel. Fil-jiem ta' qabel dawn l-attivitajiet, nitlob mill-persuni inkarigati mid-dekasteru tagħna elenku tal-punti fil- qosor imma saljenti tal-ħidma tagħna fl-aħħar sitt xhur. Meta għaqqadt flimkien il-punti kollha ntbaht li kelli f 'idi ktejjeb li kieku kelli naqrah kont nieħu s-sigħat! Ix-xogħol li qed isir minn kull Ministru u Segretarju Parlamentari huwa enormi u impressjonanti u r-riżultati qegħdin hemm. Fiż-żjajar li nagħmel fid-djar immur għand kulħadd u infallibbilment insib consensus – anke mingħand min mhuwiex simpatizzanti mal-Partit li nagħmel parti minnu jiena – li dan il-Gvern qed jagħmel ħafna. Kultant insaqsi bejni u bejn ruħi jekk aħniex nitkellmu biżżejjed fuq is-suċċessi li qed niksbu. L-isfida hi li l-mezzi tax-xandir huma iktar interessati fl-istejjer negattivi milli pożittivi (bad news sells), iżda fl-istess waqt ir-riżultati nfushom hija l-iktar storja importanti. Il-persuni li jintlaqtu pożittivament bl-affarijiet li nagħmlu, huma fl-aħħar mill- aħħar, l-aqwa ambaxxaturi tax- xogħol tagħna. S'intendi, huwa kruċjali li aħna nagħmlu l-parti tagħna u nkomplu nfiehmu u nispjegaw. Okkażjonijiet bħal dawk ta' Gvern li jisma' huma opportunitajiet importanti u sbieħ ħafna. Riforma tal-Ġustizzja Titjib fis-settur tal-ġustizzja hija xi ħaġa li qed nitfgħu impenn sħiħ fuqha. Nifhem li għal ħafna nies, il-Qorti hu post li qatt ma daħlu fih u jirringrazzjaw lill-Bambin li qatt ma daħlu fih, u għalhekk forsi ma jolqothomx direttament daqskemm jolqtuhom l-iskejjel u l-isptarijiet. Nifhem ukoll li ħafna lingwaġġ dwar il-Qorti huwa wieħed tekniku li jaqta' qalb in-nies milli jsegwuh. Biss minkejja dawn l-isfidi – u ħafna oħrajn – hemm raġunijiet importanti ħafna għalfejn hu fl-interess ta' kulħadd li l-Qrati jimxu 'l quddiem. Id-demokrazija tiddependi mit-tħaddim tajjeb tal-Qrati, l-ekonomija tiffjorixxi jekk ikun hemm kawżi ċivili u kummerċjali li jinqatgħu malajr u s-sens ta' ġustizzja fis-soċjetà meta jkun hemm fatti li jwasslu għal tilwim ċivili jew għal reati kriminali jitlob li l-ġustizzja ssib b'mod ġust u bla dewmien. Aħna mmorru b'wiċċna minn quddiem għand in-nies għax f 'dan is-settur ksibna r-riżultati. Mhux biss l-ammonti ta' kawżi pendenti huwa inqas minn dak li ħallewlna gvern precedenti fl-2012 kemm fiċ-Ċivil u kemm fil-Kriminal, iżda fil-qasam Ċivili l-ammont ta' kawżi pendenti naqas taħt l-10,000 għall-ewwel darba fl-istorja riċenti ġudizzjarja ta' pajjiżna. Hemm qrati li tant tjiebu, li minkejja li żdiedu l-kawżi ġodda, qatgħu ferm iktar milli kienu jaqtgħu qabel, inkluż il-Qorti tal-Familja li tant hi delikata u importanti. Qrati oħrajn, bħat-Tribunal għal Talbiet Żgħar u t-Tribunal ta' Reviżjoni Amministrattiva litteralment twieldu mill-ġdid. Mhux ta' b'xejn li l-Kummissjoni Ewropea faħħritna għax-xogħol li qed nagħmlu. S'itendi għad hemm l-isfidi, partikolarment fejn jidħlu l-qrati tal-appelli li qed ikollhom iktar xogħol għax qed jinqatgħu iktar kawżi fl-ewwel grad. Hemm Qrati, bħall-Qorti tal-Appell Ċivili (Inferjuri) li issa rrankaw sew wara perjodu fejn kienu jirrikjedu ftit attenzjoni. Hemm oħrajn li rridu nżidu l-attenzjoni. Mhux numri biss Il-ġustizzja, però, mhijiex numri biss. Hija wkoll drittijiet u l-kwalità tas-servizz li jigi offrut. Daħħalna gelgul drittijiet ġodda, bħalma hu d-dritt tad-disclosure waqt l-arrest, is-salvagwardji fil-liġijiet tad- drogi u t-tisħiħ tal-għajnuna legali, u se nkomplu ndaħħlu iktar minnhom. Dan wassalna biex fil-jiem li ġejjin inniedu Charter dwar id- Drittijiet ta' min juza s-servizzi tal-Qorti. Dan ic-Charter hu biss il-bidu, l-ewwel pass u jien l-ewwel wiehed m'iniex kuntent bih. Imma dan l-ewwel pass għandu jsir biex ikollna bażi sabiex inkomplu nibnu u ntejbu. Il-practitioners kollha fis-settur iridu jifhmu aħjar li kull min jigi l-Qorti huwa ċittadin li qed jieħu servizz (sija jekk is-servizz ikun impost fuqu u sija jekk ikun b'għażla tiegħu) u allura jrid jiġi trattat tali. Riformi Kostituzzjonali Il-wegħda tagħna li se nirriformaw il-metodu tal-ħatra, kontabbiltà u kundizzjonijiet tal-membri tal- Ġudikatura se nwettquha. Id-dibattitu fi stadju ta' tieni qari fuq l-abbozz diġà beda u b'mod parallel komplew it-taħditiet biex norqmu aħjar il-liġi sabiex tikseb il-kunsens l-iktar wiesa' possibbli. L-aġenda parlamentari mimlija sa ruħ ommha b'ħafna proposti leġiżlattivi però l-Gvern hu kommess li t-tieni qari jintemm fi żmien ragonevolment qasir sabiex din il-wegħda tkun twettqet ukoll. Valletta 2018 Daqskemm hija importanti r-riforma tal-Ġustizzja hija wkoll importanti l-ħidma li qed inwettqu għal Valletta 2018. Valletta 2018 ma narahiex biss bħala tragward kulturali kruċjali imma ferm iktar minn hekk. Tiġbor fiha x-xogħol siewi li qed isir mill-entitajiet kulturali u patrimonjali kollha u l-ġid li qed joħroġ kemm fis- snin minn issa sal-2018 u anke fil-wirt li se jitħalla wara l-2018. Jiena kuntent ħafna bil-ħidma kbira li qed issir u bil-kunsens nazzjonali li nbena madwar dan l-avveniment. Bla dubju ta' xejn dan huwa l-aqwa żmien li tkun artist jew tħobb il-kultura f 'pajjiżna. Brexit Impressjonani ħafna l-mod kif mexxa l-affarijiet il-Prim Ministru Joseph Muscat meta din il-ġimgħa kien qed jiltaqa' f 'laqgħa urġenti tal-Prim Ministri tal-Unjoni Ewropea. Nemmen li Dr Muscat kien il-persuna li serviet bħala the voice of reason fil-fora Ewropej u wassal messaġġ, b'mod konvinċenti iżda rispettuż, ta' twissija kontra sentiment ta' 'arroganza' li jista' jinbet fil-kurituri ta' Brussell kontra d-deċiżjoni demokratika tal- poplu Brittanniku. Jien, bhal hafna, ma qbiltx mal-verdett tal-poplu Brittanniku imma nirrispettah u nieħdu bis-serjetà jekk irrid li l-Unjoni Ewropea titgħallem minn din l-esperjenza. Dr Muscat huwa Prim Ministru rispettat ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll ic-Chair-in-Office tal-Commonwealth. Dan jagħmlu interlokutur b'saħħtu u fdat mill-partijiet kollha biex jiffaċilità l-aħjar riżultati sija għall-Unjoni Ewropea u sija għall-Gran Brittanja. Il-Ħadd 03 ta Lulju 2016 | illum Opinjoni 17 Nisimgħu...u nwettqu OWEN BONNICI "Fil-qasam Ċivili l-ammont ta' kawżi pendenti naqas taħt l-10,000 għall- ewwel darba fl-istorja riċenti ġudizzjarja ta' pajjiżna"