Illum previous editions

illum 3 July 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/699549

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 35

Aħbarijiet 7 Il-Ħadd 03 ta Lulju 2016 | illum kienet dwar oqsma partikolari fil-ħidma tagħhom li fihom iħossu li jeħtieġu iktar sapport. Hawnhekk, numru sostanzjali ta' għalliema tkellmu dwar id- dixxiplina fil-klassi, fejn 34.5% tal-għalliema intervistati saħqu li f 'dak il-qasam jemmnu li għandu jkun hemm xi forma ta' għajnuna offruta lilhom. Dan il-punt deher b'mod ċar ukoll fil-kummenti li l-għalliema ngħataw spazju li jgħaddu dwar is-sistema b'mod ġenerali. F'dawn il-kummenti, kien hemm għajta għal iktar dixxiplina, u dixxiplina li verament tiġi osservata. Fil-fatt, kumment partikolari jgħid li l-problema fis-sistema, "mhix il-koedukazzjoni, imma d-dixxiplina, speċjalment mas-subien." Għaldaqstant, kien kumment rikorrenti dak li d-dixxiplina għandha tiġi infurzata fl-iskejjel, u anke saret proposta li ssemmiet diversi drabi minn bosta għalliema. Il-proposta li ħarġu biha dawn l-għalliema kienet li għandu jitwaqqaf "bord tad-dixxiplina serju li jaħdem fuq il-kwistjonijiet, immedjatament." B'dan il-bord, ikomplu jisħqu l-għalliema, huma jista' jkollhom xi forma ta' għajnuna meta tinqala' xi problema, għaliex kif sostnew, hemm bżonn li "xi ħadd jgħinna kontinwament fid-dixxiplina." Minbarra dan, tali bord ikun f 'pożizzjoni li jara li r-regoli tal-iskola fejn għandhom x'jaqsmu imġiba u uniformijiet, b'mod partikolari, jiġu osservati mill-istudenti, u b'hekk ikunu ta' għajnuna għall-għalliema fejn jidħol dan il-qasam. Fil-fatt, dwar id-dixxiplina u n-nuqqas tagħha fil-klassi, kien hemm bosta kummenti li għaddew l-għalliema, u huwa għalhekk, li nħasset il-ħtieġa li jissemma' l-ħolqien ta' dan il-bord tad-dixxiplina. Dwar l-imġiba ħażina, għalliema għaddew kummenti li hemm sezzjoni ta' studenti li, "tfal il-ħin kollu jtellfu u jaqilgħu t-trouble qisu ħadd ma jista' jagħmlilhom xejn." Oħrajn tkellmu fuq il- problema tal-bullying li diversi studenti jaffaċjaw. Bir-realtà l-ġdida tal-koedukazzjoni, xi għalliema rrimarkaw li huma raw żieda fil-bullying u jipprevedu li iktar 'il quddiem, meta l-istudenti jkunu ikbar, se jkun hemm iktar sfidi ta' dan it-tip. Dan filwaqt li kumment ta' għalliem ieħor insista li, "l-koedukazzjoni qed tkun ta' aljenazzjoni u tista' twassal għall-bullying." 'Bil-koedukazzjoni, il-bniet qed jaqgħu lura fil-klassi' Is-sistema edukattiva tal- koedukazzjoni rat lil subien u bniet jibqgħu jitgħallmu flimkien fuq l-istess bankijiet tal-iskola, anke wara l-iskola Primarja. Għaldaqstant, id- dinamika tal-klassi nbidlet, u m'għadhiex kif kienet sa ftit snin ilu, bis-subien u l-bniet separati fi skejjel differenti tal- istat. Minħabba f 'hekk, diversi għalliema kkummentaw li l-bniet fil-klassijiet se jkunu qed ibatu fl-edukazzjoni tagħhom, b'konsegwenza li dan jiġi wkoll rifless fil- marki li jġibu. L-għalliema li jgħallmu f 'dawn l-iskejjel innutaw li hemm iktar enerġija fil-klassi u "s-subien iparlaw wisq", u b'konsegwenza ta' dan, "il-bniet jispiċċaw jibqgħu ftit lura fil-klassi." Tkellmu wkoll li d-diskussjonijiet fil-klassi, "saru diffiċli għaliex is-subien u l-bniet huma f 'maturità differenti," u għalhekk, dan ikun qed jaffettwa l-andament tal-klassi. Semmew ukoll kif "il- bniet qed jitilfu ħafna mill- attenzjoni tagħhom minħabba s-subien," li jirriskja li dawn l-istudenti bniet jaraw effetti negattivi fuq il-progress tagħhom. Dwar dan l-istess punt, kien hemm għalliem partikolari li rrimarka li l-koedukazzjoni qed tkun mod ta' aljenazzjoni għall-istudenti bniet li jkun iktar moħħhom fl-istudenti subien, u viċi versa. Jgħid li, "l-co-ed qed toħloq opportunità biex l-istudenti jkunu moħħhom iktar f 'xulxin u f 'min ħa jinnamra ma' dak u mal-ieħor, milli moħħhom fil-klassi." Is-sitwazzjoni għalissa jista' jkun hi tajba, imma meta l-istudenti jikbru iktar? Is-sistema koedukattiva fil-preżent, qed tiffunzjona fl-ewwel sentejn tal-iskola sekondarja, jiġifieri Form 1 u Form 2. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni kif se tiżviluppa fis-snin sussegwenti, wieħed għad irid jara. Fil-fatt, bosta għalliema wrew id-dubji tagħhom u fil-kummenti li għaddew qalu li jinsabu xettiċi dwar is-sistema fl-aħħar tliet snin tas-sekondarja. Għalliema partikolari sostniet li "f 'ċertu skejjel, ma rridx nimmaġina l-co-ed f 'Form 3, Form 4 u Form 5." Filwaqt li oħrajn tkellmu dwar kemm qed taħdem is-sistema tal-koedukazzjoni fl-ewwel sentejn tal-iskola sekondarja, sostnew li "għadu wisq kmieni biex wieħed jara r-riżultati", u semmew kif "l-isfida tal-co- ed tikber meta l-istudenti jkunu minn Form 3 sa Form 5," waqt li oħrajn issuġġerew li l-koedukazzjoni tibqa' biss sal-Form 3. Uħud ikkwotaw problemi ta' dixxiplina li kapaċi jaffaċjaw fil-futur, b'għalliem isostni li, "fis-senior school nibża' li se jkun hemm problemi kbar ta' dixxiplina bħala mġiba fil-pubertà." 'X'jiswa? Mhux li tridu intom tagħmlu?' Kummenti li kienu rikorrenti fost ammont sostanzjali ta' għalliema intervistati kienet in-nuqqas ta' konsultazzjoni u n-nuqqas ta' żmien ta' preparazzjoni għall-bidliet li jsiru fis-sistemi edukattivi. Għalliema lmentaw li minkejja li jaqblu mas-sistema, ma jaqblux mal-mod li ddaħħlet għax sostnew li ma kinux ippreparati għaliha, b'għalliem isostni li "qabel ma l-affarijiet jiġu implimentati, l-għalliema għandhom jiġu kkonsultati iktar." Għalliema oħra ġabet l-argument li n-nuqqas ta' preparazzjoni li jkollhom l-għalliema fit-tibdil fis- sistema, jiġi b'detriment fuq l-istudenti u anke l-għalliema nfushom: "Ma jistax ikun li s-sistema dejjem tinbidel għad-detriment tal-għalliema u l-istudenti jiġu trattati bħala guinea pigs." Kumment partikolari ieħor kellu ton partikolarment ta' rabja għaliex meta mistoqsi jekk kienx hemm kummenti ġenerali li ħass li għandu jgħaddi dwar is-sistema tal-koedukazzjoni, ħass li l-kumment tiegħu ikun inutli għaliex qal "x'jiswa? Mhux li tridu intom tagħmlu?" Finalment, punt partikolari li ħasseb lil bosta għalliema meta mistoqsija x'inhi l-akbar kwistjoni li jaraw f 'tali sistema kienet li f 'dawn l-iskejjel, hemm wisq studenti ta' livelli ta' abbiltajiet differenti f 'daqqa, b'68.1% tal-għalliema jaqblu ma' dan. Minkejja kollox, l-għalliema, għalkemm ma kinux pożittivi dwar is-sistema tal- koedukazzjoni daqskemm kienu l-istudenti u l-ġenituri, xorta waħda b'mod ġenerali kienu sodisfatti, b'kumment partikolari ta' għalliema jinsisti li "bil-co-ed jintlaħaq bilanċ aħjar." Oħrajn, għalkemm pożittivi tkellmu dwar is-sistema b'kawtela billi sostnew li, "l-esperjenza tal- koedukazzjoni kienet waħda verament pożittiva, imma l-ġudizzju finali jiddependi mir-riżultat ta' bejn l-ewwel u l-aħħar sena tas-sekondarja. "Il-problema fis- sistema mhix il-koedukazzjoni, imma d-dixxiplina, speċjalment mas- subien" 68.1% tal-għalliema jħossu li hemm wisq studenti ta' livelli ta' abbiltajiet differenti f 'daqqa

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 3 July 2016