Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/712506
J għidu li tal-ġara itjeb. Ġieli smajthom iżidu l-kelma 'jidher' jew 'jintiegħem' biex jiċċaraw il-punt li din taf tkun biss perċezzjoni. Dak li naraw mhuwiex dejjem dak li hemm. Anzi, dak li naraw huwa dak li nsawru aħna stess bix-xbihat li jkollna quddiemna. Dak li naraw huwa dak li aħna aħna: l-istorja u l-esperjenza tagħna li nixħtuha (dejjem mingħajr ma nafu) fuq dak li hemm madwarna. Pereżempju xi ħadd qalli, ftit tal- jiem ilu aħna u nistennew l-ajruplan għad-daqq stunat fuq il-pjanu li hemm fis-sala tat-tluq fl-ajurport tal-Gudja, li bilqiegħda ħdejna, magħna, seta' jkun hemm terrorist, jikkalkula l-mument meta għandu jiftaħ l-attakk. Jew aktar minn wieħed. U jien tlabt lil dax-xi ħadd jimmarka min minn dawk li hemm madwarna seta' kien it-terrorist. Mat-tielet għażla kienet ovvja, għat-tnejn li aħna, li ċerti nies kienu fil-lista tas-suspetti, oħrajn le: ċerti forom ta' nies, b'ċertu karnaġġjon, b'ċerti fattizzi. Hemm ħafna stramberiji fil-modi kif nies iqattgħu l-ħin jistennew. F'dan il-każ il-logħba ċinika ta' min-jista'-jkun-it-terrorista, tixhed affarijiet oħrajn: il-biżgħat li għandna, pereżempju, il- preokkupazzjonijiet, il-preġudizzji, it-tendenza li nirrakkontaw stejjer sħaħ imqar minn daqsxejn ta' xbieha. Id-dehra ta' raġel bilqiegħda waħdu bil-basket maġenbu jħares lejn il-monitor bil-ħinijiet tat- titjiriet tista' tiżviluppa f 'rumanz sħiħ, ispirat mill-kronaka kerha li qegħdin ngħixu. Attwalment aktar milli tiżviluppa, tinbena mill-ġdid skont min ikun qiegħed iħares lejha. Imma lura għal li ġara ... Malli tinżel f 'post ġdid, bla ma trid, tibda tagħmel il-paraguni. Int u tittawwal mit-tieqa u tara li l-weraq tas-siġra fuq il-bankina ta' faċċata kważi jmissu mal-gallarija tiegħek tiftakar, mingħajr ma trid, fl- għelieqi kollha maħruqin jekk mhux ukoll kollha radam li ħallejt warajk. Meta tmur tagħlaq it-tieqa filgħaxija tinduna li mkien m'hemm għabra aħseb u ara t-trab tqil li jkollok tfarfar kuljum minn fuq l-għamara tiegħek. Meta tisma' xi tfal ikantaw u forsi forsi l-qniepen ta' katidral, mhux biss tistagħġeb meta tqis li tisma' dan biss u qiegħed fil-qalba ta' belt, imma li f 'pajjiżek mas- sebgħa, l-aktar is-sebgħa u nofs ta' filgħodu, jibda t-tismir u t-tħaffir; mas-sitta u kwart jibda t-tpaqpiq u sa ftit wara jibda s-sewqan nervuż u salvaġġ. Meta tagħmel hekk tkun qiegħed tara lill-ġara sabiħa. U fl-istess waqt, tkun qiegħed iġġorr miegħek dak li ħallejt warajk. Minn dejjem kont naffaxxina ruħi bl-abbundanza ta' Malta. Kważi kollox abbundanti. Knisja kull nofs kilometru; stage tal-linja kull żewġ kantunieri; żewġ każini tal-banda (jekk mhux tlieta) flimkien mal- każin tal-Labour u tan-Nazzjonalisti u tal-klabb tal-futbol fl-istess pjazza; pompi tal-petrol saħansitra jmissu ma' xulxin; ħwienet u x'naf jien. Qabel ma tfaċċaw dak li hawnhekk jissejħu supermarkets – u ejja ninnutaw li llum issib supermarket kull erba' metri u hawn minnhom saħansitra mibnija dahar ma' dahar – kien hemm ħanut tal- merċa f 'kull kantuniera. Fit-triq fejn trabbejt kien hemm ħamsa matul erba' kantunieri ta' daqs normali, minbarra li kien hemm żewġ ħwienet tal-ħaxix u mit-Tnejn sas-Sibt kienu jieqfu bil-vannijiet xi ħames bejjiegħa differenti. Ma' dawn trid iżżid is-swieq li jarmaw fit- toroq, imqar Ta' Qali li xi darba kien post fejn il-Ħadd wara nofsinhar il-familji kienu jmorru għall-ħarġa xitwija: bilqiegħda fil-karozza, bir- radju għaddej, bit-termos mimli kafè u basket kollu galettini u qagħaq xi siegħa wara l-ikla iklun tal-Ħadd nofsinhar. Fit-tieni jum 'il bogħod minn dan kollu, minbarra li John Bundy tlaħħaq il-kap tax-xandir statali, qrajt b'dispjaċir kbir iżda mhux b'sorpriża li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-bini ta' erba' torrijiet massivi fl-Imrieħel. Ma rridux ninsew li dawn mhumiex l-ewwel torrijiet li nbnew. Hemm dak ta' Portomaso, hemm sett ieħor ir- Raħal Ġdid, miżbugħ b'kulur ikrah u jidher minn kullimkien. Barra dawn tal-Imrieħel hemm torrijiet oħrajn li qegħdin jiġu proposti. L-abbundanza, għal darba oħra: l-abbundanza fid-daqs u fin-numru wkoll. Jekk it-tendenza Maltija – jiġifieri dik li kollox irid ikun esaġerat – tintiret mit-torrijiet, allura ma jdumx ma jgħaddi wisq żmien li nimtlew bihom, bħalma konna mimlijin bil-knejjes u l-ħwienet tal-merċa. Dawn it-tendenzi jixhdu aktar minn fenomenu wieħed. Jixhdu, pereżempju, li n-nies li jgħixu f 'Malta jaqgħu u jqumu minn Malta. Ma nistax nifhem, onestament, kif wieħed jista' jgħid li jieħu gost f 'pajjiżu u li anki jħobbu u mbagħad jagħti l-barka għal dawn it-torrijiet massivi li se jwerrċu lil kull min se jħares lejhom (jiġifieri kulħadd); li se jibdlu għal kollox id-dehra tal- pajjiż; li se jħassru s-sabiħ li hemm. L-istess bħalma ma nistax nifhem kif wieħed jgħid kemm hu sabiħ pajjiżu u kemm irid jagħmlu anki isbaħ imma mbagħad iħalli lil min jużurpa l-art, jibni kamra ta' kafkaf u jirvina bajja jekk mhux xatt sħiħ. U allura, jiġu dawk il-mumenti meta tal-ġara mhux bilfors jintiegħem itjeb imma talli huwa verament itjeb minn tad-dar. illum | Il-Ħadd 07 ta' Awwissu 2016 Opinjoni 20 Ftit iktar noti waqt vjaġġ IMMANUEL MIFSUD "Jekk it-tendenza Maltija – jiġifieri dik li kollox irid ikun esaġerat – tintiret mit- torrijiet, allura ma jdumx ma jgħaddi wisq żmien li nimtlew bihom, bħalma konna mimlijin bil-knejjes u l-ħwienet tal-merċa" "Malta kważi kollox abbundanti: Knisja kull nofs kilometru; stage tal-linja kull żewġ kantunieri; żewġ każini tal-banda (jekk mhux tlieta) flimkien mal-każin tal-Labour u tan-Nazzjonalisti u tal-klabb tal-futbol fl-istess pjazza; pompi tal-petrol saħansitra jmissu ma' xulxin" Ma nistax nifhem kif wieħed jista' jgħid li jieħu gost f 'pajjiżu u mbagħad jagħti l-barka għal dawn it-torrijiet massivi li se jwerrċu lil kull min se jħares lejhom